QUDDIESA FIL-FTUĦ TAL-XXII ASSEMBLEA ĠENERALI

TAL-CARITAS INTERNATIONALIS

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan
Il-Ħamis, 23 ta’ Mejju, 2019

 

Il-Kelma t’Alla, fil-qari tal-lum meħud mill-Atti tal-Appostli, tirrakkuntalna l-ewwel laqgħa kbira fl-istorja tal-Knisja.  Inħolqot sitwazzjoni bla mistenni: il-pagani kienu qed jersqu lejn il-fidi.  U nqalgħet kwistjoni: se jkollhom, bħall-oħrajn,  joqgħodu għar-regoli kollha tal-Liġi l-qadima?  Kellha tittieħed deċiżjoni diffiċli u l-Mulej ma kienx għadu magħhom.  Jiġik li tistaqsi: għaliex Ġesù ma ħallielhomx xi suġġeriment biex isolvu din l-ewwel “diskussjoni kbira”? (Atti 15, 7).  Kien ikun biżżejjed jagħti mqar ħjiel żgħir lill-Appostli, li għal għadd ta’ snin kienu jkunu miegħu kuljum.  Għaliex Ġesù ma kienx ta regoli dejjem ċari, li jistgħu jħollu l-għoqod bla telf ta’ żmien?

Din hi t-tentazzjoni tal-“effiċjentiżmu”, l-idea li l-Knisja timxi tajjeb jekk ikollha kollox taħt il-kontroll, jekk timxi mingħajr skossi, bl-aġenda dejjem fl-ordni, kollox skont ir-regola.....  U wkoll it-tentazzjoni tal-każistika.  Iżda l-Mulej mhux hekk jimxi; infatti lil tiegħu ma jibgħatilhomx tweġiba mis-sema, jibgħatilhom lill-Ispirtu s-Santu. U l-Ispirtu ma jiġix bl-aġenda f’idu, jiġi fl-għamla tan-nar.  Ġesù ma jridx li l-Knisja tkun qiesha xi mudell perfett, li rixha mqajjem għax organiżżata kif imiss u għandha ħila tiddefendi l-isem tajjeb tagħha.  Imsejkna dawk il-Knejjes partikolari li jaħlu saħħithom kollha biex ikunu organiżżati sewwa, ikollhom pjanijiet u jfittxu li jkollhom kollox ċar, kollox imqassam sewwa.  Lili dawn inikktuni.  Ġesù mhux hekk għex, imma għex jimxi, bla ma beża’ mill-iskossi tal-ħajja.  L-Evanġelju hu l-programm ta’ ħajjitna, hemhhekk insibu kollox.  Jgħallimna li l-kwistjonijiet ma nistgħux naffrontawhom bir-riċetta lesta u li l-fidi mhix “road map”, imma “Triq” (Atti 9,2).  Ghandna nimxu flimkien, dejjem flimkien, bi spirtu ta’ fiduċja.  Mir-rakkont tal-Atti nisiltu tliet elementi essenzjali għall-Knisja li tinsab f’mixja: l-umiltà tas-smigħ, il-kariżma tal-għaqda, il-kuraġġ tar-rinunzja.

Nibdew mill-aħħar: il-kuraġġ tar-rinunzja.  Ir-riżultat ta’ dik id-diskussjoni kbira ma kienx li ġiet imposta xi ħaġa ġdida, imma li tħalli xi ħaġa mill-antik.  Madankollu dawk l-ewwel insara ma kienux abbandunaw xi ħaġa ta’ ftit siwi: kienu preċetti u tradizzjonijiet reliġjużi importanti, għeżież għall-poplu l-magħżul.  Fin-nofs kien hemm l-identità reliġjuża.  Madankollu huma għażlu li t-tħabbir tal-Mulej jirbaħ u jiswa aktar minn kollox.  Għall-ġid tal-missjoni, sabiex iħabbru lil kulħadd, hu min hu, b’mod trasparenti u kredibbli li Alla huwa mħabba, dawk il-konvinzjonijiet u dawk it-tradizzjonijiet umani li huma aktar ostaklu milli għajnuna, jistgħu u għandhom jintesew.  Il-kuraġġ li tħalli.  Aħna wkoll jeħtieġ li flimkien, niskopru mill-ġdid is-sbuħija tar-rinunzja, qabel kollox magħna nfusna.  San Pietru jgħid li l-Mulej “saffa l-qlub bil-fidi” (Atti 15,9).  Alla jsaffi, Alla jissimplifika, spiss ikabbar bit-tneħħija mhux billi jżid..... kif aktarx nagħmlu aħna.  Il-fidi vera ssaffi mir-rabtiet.  Biex nimxu wara l-Mulej jeħtieġ nimxu b’pass ħafif u biex inħaffu l-pass jeħtieġ inħaffu l-piżijiet anki jekk inħallsu prezz.  Bħala Knisja ma nistgħux nagħmlu kompromessi qiesna xi ażjenda, iżda s-sejħa tagħna hi l-entużjażmu evanġeliku.  U aħna u nissaffew, aħna u nirriformaw ruħna għandna nevitaw “il-gattopardiżmu”, jiġifierei li nagħmlu tabirruħna li qed nibdlu xi ħaġa imma fil-verità ma nkunu qed nibdlu xejn.  Dan jiġri, per eżempju, meta biex inżommu ruħna aġġornati maż-żmien, immissu ftit il-wiċċ tal-affarijiet bil-”make-up”, imma jkun biss “dilka kożmetika” biex nidhru żgħażagħ.  Il-Mulej ma jridx bdil kożmetiku, irid il-konverżjoni tal-qalb, li tinkiseb bir-rinunzja.   Ir-riforma fundamentali hi li noħorġu minna nfusna.

Naraw kif waslu għal dan l-ewwel insara.  Waslu biex isibu l-kuraġġ tar-rinunzja għax bdew mill-umiltà tas-smigħ.  Huma tħarrġu fil-ħila li jinsew lilhom infushom: naraw li kull wieħed ħalla lill-ieħor jitkellem u kien disponibbli biex jibdel il-konvinzjonijiet tiegħu.  Jaf jisma’ dak biss li jħalli leħen l-ieħor jirfdu verament.  U meta l-interess lejn l-oħrajn joktor, id-diżinteress fik innifsek jiżdied.  Insiru umli fil-mixja tul it-triq tas-smigħ, li żżommna lura biex ma nimponux ruħna, biex ma nwebbsux rasna fl-ideat tagħna, biex infittxu l-kunsens b’kull mod.  L-umiltà tinbet meta, minflok nitkellmu, nisimgħu, meta nieqfu nfittxu li nkunu ċ-ċentru tal-attenzjoni.  Imbagħad tikber ukoll permezz tal-umiljazzjoni. Hi t-triq tas-servizz umli, dik li terraq Ġesù.  U f’dit-triq tal-karità jinżel l-Ispirtu li jtina d-direzzjoni.

Għal min irid iterraq it-toroq tal-karità, l-umiltà u s-smigħ ifisseru widnejn miftuħin għaż-żgħar.  Inħarsu mill-ġdid lejn l-ewwel insara: ilkoll jisktu biex jisimgħu lil Pawlu u lil Barnaba.  Dawn kienu l-aħħar li waslu, imma jħalluhom jirrakkuntaw dak kollu li Alla kien wettaq permezz tagħhom (cfr v. 12).  Dejjem huwa importanti li jinstama’ leħen kulħadd, speċjalment dak taż-żgħar u ta’ min hu tal-aħħar.  Fid-dinja min għandu l-aktar mezzi jitkellem l-aktar, imma bejnietna mhux hekk għandu jkun, għax Alla jħobb uri lilu nnifsu fiż-żgħar u f’tal-aħħar.  U lil kull wieħed u waħda jitlobna biex ma naraw lil ħadd dubbien.  Jiswa li tħares lejn xi ħadd minn fuq għal isfel, biss, meta trid tgħinu biex iqum: dal-każ biss jiswa, il-bqija le.

U fl-aħħar is-smigħ tal-ħajja:  Pawlu u Barnaba jirrakkuntaw esperjenzi, mhux ideat.  Hekk tagħmlu d-dixxerniment il-Knisja; mhux quddiem il-kompjuter, imma quddiem ir-realtà ta-persuni.  L-ideat ikunu diskussi, imma s-sitwazzjonijiet jitolbu dixxerniment.  Persuni qabel il-programmi, bil-ħarsa umli ta’ min jaf ifittex il-preżenza t’Alla fl-oħrajn, Alla li ma jgħammarx fil-pompożità ta’ dak li nagħmlu imma fiċ-ċokon tal-foqra li niltaqgħu magħhom.  Jekk aħna ma nħarsux direttament lejhom, nispiċċaw biex inħarsu dejjem fina nfusna; u nużaw lill-oħrajn biex nagħmluhom strumenti għas-suċċessi tagħna.

Mill-umiltà tas-smigħ għall-kuraġġ tar-rinunzja, kollox jgħaddi mill-kariżma tal-għaqda. Infatti, fid-diskussjoni tal-ewwel Knisja l-għaqda tegħleb id-differenzi.  Għal kull wieħed, fl-ewwel post m’hemmx dak li jippreferi hu jew l-istrateġiji tiegħu imma li jkun u jħossu Knisja ta’ Ġesù, miġbura madwar Pietru, fil-karità li ma toħloqx uniformità, imma komunjoni.  Ħadd ma kien jaf kollox, ħadd ma kellu l-milja tal-kariżmi, imma kull wieħed kien jgħożż il-kariżma tal-għaqda.  Dan hu essenzjali għax ma nistgħux verament nagħmlu l-ġid mingħajr ma nħobbu lil xulxin bis-serjetà.  X’kien is-sigriet ta’ dawk l-insara?  Kellhom is-sensibbiltàjiet u l-orjentamenti diversi, kien hemm fosthom min kellu personalità qawwija, iżda kien hemm fihom il-forza li jħobbu lil xulxin fil-Mulej.  Dan narawh f’Ġakbu li meta waslu għall-konklużjonijiet jgħid ftit kliem minn tiegħu imma jikkowta ħafna l-Kelma t’Alla (cfr vv. 16-18).  Iħalli l-Kelma titkellem.  Filwaqt li l-ilħna tad-dinja u tax-xitan iwasslu għall-firda, leħen ir-Ragħaj it-Tajjeb jifforma merħla waħda.  U hekk il-komunità titwaqqaf fuq il-Kelma t’Alla u tibqa’ f’imħabbtu.

“Ibqgħu f’imħabbti” (Gw 15,9): dan jitlob Ġesù fl-Evanġelju.  U kif isir dan?  Jeħtieġ li nkunu qribu, Ħobż maqsum. Insibu l-għajnuna meta mmorru quddiem it-tabernaklu u quddiem il-bosta tabernakli ħajjin, il-foqra.  L-Ewkaristija u l-foqra, tabernaklu fiss u tabernakli mobbli: hemmhekk nibqgħu fl-imħabba u nitwaħħdu mal-mentalità tal-Ħobż maqsum.  Hemmhekk nifhmu “il-kif”  li jkellimna dwaru Ġesù:  “Kif il-Missier ħabb lili, jien ħabbejt lilkom” (ibid.).  U kif ħabbu lil Ġesù l-Missier?  Billi tah kollox.  Meta nibqgħu lura milli nagħtu, meta fl-ewwel post għandna l-interessi tagħna x’niddefendu, ma nkunux qed nimitaw “il-kif ta’ Alla”, ma nkunux Knisja ħielsa u li teħles.  Ġesù jitlobna li nibqgħu fih, mhux fl-ideat tagħna; li noħorġu mill-metalità li nippretendu li nikkontrollaw u mmexxu; jitlobna nafdaw fl-ieħor u ningħataw għall-ieħor.  Nitolbu lill-Mulej biex jeħlisna mill-”effiċjentiżmu”, mill-mondanità, mit-tentazzjoni sottili tal-kult tagħna nfusna u tal-bravuri tagħna, mill-ossessjoni organiżżattiva.  Nitolbu l-grazzja li nilqgħu t-triq murija lilna mill-Kelma t’Alla: umiltà, komunjoni, rinunzja.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber