QUDDIESA FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAL-MIGRANT U TAR-RIFUĠJAT

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Pjazza San Pietru

Is-XXVI Ħadd ta’ Matul is-Sena

29 ta’ Settembru 2019

 

Is-Salm Responsorjali fakkarna li l-Mulej iwieżen lill-barranin, flimkien mar-romol u l-iltiema tal-poplu. Is-Salmista jsemmi b’mod ċar dawk il-kategoriji li huma partikularment vulnerabbli, spiss minsija u esposti għal abbużi. Il-barranin, ir-romol u l-iltiema huma dawk li m’għandhomx drittijiet, l-esklużi, l-emarġinati, li għalihom il-Mulej għandu għożża partikulari. Għalhekk Alla jitlob mil-Lhud li juru attenzjoni speċjali lejhom.

 

Fil-ktieb tal-Eżodu, il-Mulej iwissi lill-poplu biex bl-ebda mod ma jimxi ħażin mar-romol u l-iltiema, għax hu jisma’ l-karba tagħhom (ara 22:23). L-istess twissija jaqbadha darbtejn oħra fid-Dewteronomju (ara 24:17; 27:19), biż-żieda tal-barranin fost il-kategoriji protetti. U r-raġuni għal din it-twissija hi mfissra b’mod ċar fl-istess ktieb: Alla ta’ Iżrael hu dak li “jagħmel il-ġustizzja mal-iltim u mal-armla, u jħobb il-barrani u jagħtih ħobż u lbies” (10:18). Dan it-tħassib kollu mħabba lejn dawk inqas ipprivileġġjati hu ppreżentat bħala karatteristika li tagħżel lil Alla ta’ Iżrael, u hu mitlub ukoll, bħala dmir morali, minn dawk kollha li jridu jagħmlu parti mill-poplu tiegħu.

 

Għalhekk għandu jkollna attenzjoni partikulari għall-barranin, kif ukoll għar-romol, l-iltiema u dawk kollha mwarrba fi żmienna. Fil-Messaġġ għal dan il-105 Jum Dinji tal-Migrant u r-Rifuġjat nirripeti bħal ritornell: “M’aħniex qed nitkellmu biss fuq il-migranti”. U hu veru: m’aħniex nitkellmu biss fuq il-barranin, imma fuq dawk kollha li jgħixu fil-periferiji eżistenzjali li, flimkien mal-migranti u r-rifuġjati, huma vittmi tal-kultura tal-iskart. Il-Mulej qed jitlob minna li nqiegħdu fil-prattika l-imħabba lejhom; qed jitlob minna li nġeddu l-umanità tagħhom, flimkien ma’ tagħna, mingħajr ma neskludu lil ħadd, mingħajr ma nħallu lil ħadd barra.

 

Imma fl-istess ħin, mat-tħaddim tal-imħabba, il-Mulej qed jitlob minna li nirriflettu fuq l-inġustizzji li jġibu esklużjoni, b’mod partikulari fuq il-privileġġi tal-ftit li, biex jinżammu, issir ħsara lil ħafna. “Id-dinja tal-lum qed issir dejjem aktar waħda elitista u krudili mal-esklużi. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed ikomplu jaraw l-aħjar riżorsi naturali u umani tagħhom jinxtorbu għall-benefiċċju ta’ ftit swieq ipprivileġġjati. Il-gwerer jaffettwaw biss uħud mir-reġjuni tad-dinja. Madankollu, l-armi tal-gwerra jsiru u jinbiegħu f’reġjuni oħrajn li mbagħad ma jridux jilqgħu lir-rifuġjati li jnisslu dawn il-kunflitti. Dawk li jħallsu l-prezz huma dejjem iż-żgħar, l-iktar vulnerabbli, li ma jitħallewx joqogħdu mal-mejda u li għalihom hemm biss il-frak tal-ikla” (Messaġġ għall-105 Jum Dinji tal-Migrant u r-Rifuġjat).

 

Huwa f’dan is-sens li nifhmu l-kliem iebes tal-profeta Għamos imxandar fl-Ewwel Qari (6:1,4-7). Gwaj, ħażin għalihom dawk li għandhom moħħhom mistrieħ u jgawdu f’Sijon, li ma jagħtux kas tal-ħasra tal-poplu ta’ Alla, li hi saħansitra taħt għajnejn kulħadd. Dawn ma jintebħux bl-isfreġju li qed isir minn Iżrael, għax huma wisq imħabbtin biex jaraw li jgħadduha tajjeb, b’ikel mill-aħjar u xorb fin. Impressjonanti kif, wara tmienja u għoxrin seklu, dan iċ-ċanfir għadu jgħodd mija fil-mija. Illum ukoll, fil-fatt, “il-kultura tal-kumdità twassalna biex naħsbu fina nfusna, twassalna li nkunu insensibbli għall-karba tal-oħrajn, […] twassal għall-indifferenza lejn l-oħrajn, anzi twassal għall-globalizzazzjoni tal-indifferenza” (Omelija f’Lampedusa, 8 ta’ Lulju 2013).

 

Fl-aħħar nirriskjaw li nsiru aħna wkoll bħal dak ir-raġel għani li fuqu jitkellem il-Vanġelu, li ma jiħux ħsieb tal-imsejken Lazzru li, “ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani” (Lq 16:20-21). Attent iżżejjed biex jixtri għalih ilbies fin u jorganizza ikliet lussużi, l-għani tal-parabbola ma jilmaħx it-tbatija ta’ Lazzru. U aħna wkoll, ħsiebna żżejjed kif ħa nġemmgħu l-ġid tagħna, qed nirriskjaw li ma nintebħux b’ħutna f’diffikultà.

 

Imma bħala Nsara ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem it-traġedja ta’ faqar qadim u ieħor ġdid, tas-solitudnijiet l-aktar mudlama, taż-żebliħ u tad-diskriminazzjoni ta’ min mhux mill-grupp “tagħna”. Ma nistgħux nibqgħu insensibbli, b’qalbna lluppjata, quddiem il-miżerja ta’ tant innoċenti. Ma nistgħux ma nibkux. Ma nistgħux ma nirreaġixxux. Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nibku, dak il-biki li jibdel il-qalb quddiem dawn id-dnubiet.

 

Jekk irridu nkunu nies ta’ Alla, kif jitlob San Pawl lil Timotju, jeħtieġ “inħarsu l-istruzzjonijiet li rċevejna u nżommu ruħna bla tebgħa u bla ħtija” (1 Tim 6:14); u l-kmandament hu dak li nħobbu lil Alla u nħobbu lill-proxxmu. Ma nistgħux nifirduhom minn xulxin! U li nħobbu lill-proxxmu bħalna nfusna jfisser ukoll inħabirku serjament biex nibnu dinja iżjed ġusta, fejn kulħadd ikollu aċċess għall-ġid tal-art, fejn kulħadd ikun jista’ jsib realizzazzjoni bħala persuna u bħala familja, fejn lil kulħadd jiġu żgurati d-drittijiet fundamentali u d-dinjità.

 

Inħobbu l-proxxmu jfisser tiġina ħniena għat-tbatija ta’ ħutna, nersqu qrib tagħhom, immissu l-pjagi tagħhom, naqsmu fl-istejjer tagħhom, biex nuru konkretement il-ħlewwa u t-tjieba ta’ Alla lejhom. Ifisser nersqu qrib ta’ dawk li jitlajjaw u jiġġerrew mistkerrha u mitluqa fit-toroq tad-dinja, biex indewwulhom il-ġrieħi tagħhom u neħduhom lejn l-eqreb post fejn jistgħu jiġu milqugħa, fejn hemm min jista’ jaħseb għall-bżonnijiet tagħhom.

 

Dan il-kmandament qaddis Alla tah lill-poplu tiegħu, u ssiġillah bid-demm ta’ Ibnu Ġesù, biex ikun għajn ta’ barka għall-umanità kollha. Biex flimkien nistgħu nħabirku fil-bini tal-familja umana skont il-proġett tal-bidu, rivelat f’Ġesù Kristu: ilkoll aħwa, ulied l-istess Missier.

 

Illum għandna bżonn ukoll ta’ omm, u nafdaw fl-imħabba materna ta’ Marija, Madonna tat-Triq, Madonna ta’ tant toroq ta’ tbatija, nafdawlha l-migranti u r-rifuġjati, flimkien ma’ dawk li jgħixu fil-periferiji tad-dinja u dawk li jagħmluha ta’ sieħba fil-vjaġġ tagħhom.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard