QUDDIESA U TBERIK TAL-PALLJI GĦALL-ARĊISQFIJIET METROPOLITI ĠODDA

FIS-SOLENNITÀ TAL-APPOSTLI SAN PIETRU U SAN PAWL

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

Is-Sibt 29 ta’ Ġunju 2019

 

L-Appostli Pietru u Pawlu jinsabu quddiemna bħala xhieda. Qatt ma hedew ixandru, jgħixu f’missjoni, f’mixja, mill-art ta’ Ġesù sa Ruma. Hawn taw xhieda tiegħu sal-aħħar nett, billi taw ħajjithom bħala martri. Jekk immorru għall-għeruq tax-xhieda tagħhom, niskopru fihom xhieda ta’ ħajja, xhieda ta’ maħfra u xhieda ta’ Ġesù.

 

Xhieda ta’ ħajja. U safrattant ħajjiethom ma kinux dejjem safja u konsistenti. It-tnejn kienu ta’ karattru reliġjuż ħafna: Pietru dixxiplu tal-ewwel siegħa (ara Ġw 1:41), Pawlu saħansitra “mġennen għat-tradizzjonijiet ta’ missirijieti” (Gal 1:14). Imma għamlu żbalji ħoxnin: Pietru wasal biex ċaħad lill-Mulej, Pawlu biex ippersegwita lill-Knisja ta’ Alla. It-tnejn li huma sfaw żarmati mill-mistoqsijiet ta’ Ġesù: “Xmun, bin Ġona, tħobbni int?” (Ġw 21:15); “Sawl, Sawl, għaliex qed tippersegwitani?” (Atti 9:4). Pietru ħass għafsa ta’ qalb għall-mistoqsijiet ta’ Ġesù, Pawlu spiċċa għama għal kliemu. Ġesù sejħilhom b’isimhom u bidlilhom ħajjithom. U wara dawn l-avventuri kollha hu fada fihom, f’żewġ midinbin niedma. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: għaliex il-Mulej ma taniex żewġ xhieda li m’hemmx xi tmaqdar fihom, ta’ kondotta nadifa, ta’ ħajja bla tebgħa? Għaliex Pietru, meta kien hemm Ġwanni? Għaliex Pawlu u mhux Barnaba?

 

Hemm tagħlima kbira f’dan: il-punt tat-tluq tal-ħajja Nisranija mhux li aħna denji ta’ xi ħaġa; ma’ dawk li kienu jaħsbu li huma bravi l-Mulej ftit li xejn seta’ jagħmel. Meta naħsbu li aħna aħjar mill-oħrajn dan ikun il-bidu tat-tmiem. Il-Mulej ma jagħmilx għeġubijiet ma’ min jaħseb li hu ġust, imma ma’ min jaf li hu fil-bżonn. Ma jinġibidx mill-bravura tagħna, mhuwiex għal dan li jħobbna. Hu jħobbna hekk kif aħna u jfittex persuni li jafu li waħidhom ma jistgħux jaslu, imma li lesti jiftħulu qalbhom. Pietru u Pawlu hekk kienu, trasparenti quddiem Alla. Pietru dritt qallu: “jiena midneb” (Lq 5:8). Pawlu kiteb li kien “l-inqas wieħed fost l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu” (1 Kor 15:9). Fil-ħajja żammew din l-umiltà, sal-aħħar: Pietru mislub rasu ’l isfel, għax ma ħassx li kien denn li jixbah lil Sidu; Pawlu dejjem affezzjonat għal ismu, li jfisser “żgħir”, u nesa dak li riċeva fi twelidu, Sawl, isem l-ewwel sultan tal-poplu tiegħu. Fehmu li l-qdusija mhix f’min jintrefa’, imma f’min jiċċekken: mhix xi tarġa ’l fuq għall-klassifika, imma li ta’ kuljum nafdaw il-faqar tagħna lill-Mulej, li jagħmel ħwejjeġ kbar b’min hu umli. X’kien is-sigriet li kompla jmexxihom ’il quddiem imqar qalb id-dgħufijiet? Il-maħfra tal-Mulej.

 

Mela ejjew niskopru fihom mill-ġdid xhieda ta’ maħfra. Fil-waqgħat tagħhom skoprew il-qawwa tal-ħniena tal-Mulej, li nissilhom mill-ġdid. Fil-maħfra tiegħu sabu paċi u ferħ li xejn ma jista’ jitfi. B’dak li kienu għamlu setgħu jgħixu b’sens ta’ ħtija: min jaf kemm drabi Pietru reġa’ ħaseb fuq iċ-ċaħda tiegħu! Kemm skrupli għal Pawlu, li kien għamel id-deni lil tant innoċenti! Umanament kienu fallew. Imma huma ltaqgħu ma’ mħabba ikbar mill-fallimenti tagħhom, maħfra hekk qawwija li setgħet tfejjaq imqar is-sens ta’ ħtija tagħhom. Hu biss meta nduqu l-maħfra ta’ Alla li nitwieldu tabilħaqq mill-ġdid. Minn hemm nerġgħu nitilqu, mill-maħfra; hemm insibu mill-ġdid lilna nfusna: fl-istqarrija ta’ dnubietna.

 

Xhieda ta’ ħajja, xhieda ta’ maħfra, Pietru u Pawlu huma fuq kollox xhieda ta’ Ġesù. Hu fil-Vanġelu tal-lum jistaqsi: “In-nies min jgħidu li hu Bin il-bniedem?”. It-tweġibiet jevokaw persunaġġi tal-imgħoddi: “Ġwanni l-Battista, Elija, Ġeremija jew wieħed mill-profeti”. Persuni straordinarji, imma kollha mietu. Imma Pietru jwieġeb: “Int il-Kristu” (ara Mt 16:13,14,16). Kristu, jiġifieri Messija. Hi kelma li ma tindikax xi ħaġa tal-imgħoddi, imma l-futur: il-Messija hu l-mistenni, il-ġdid, dak li jġib lid-dinja d-dilka ta’ Alla. Ġesù mhuwiex l-imgħoddi, imma l-preżent u l-futur. Mhuwiex persunaġġ imbiegħed biex niftakruh, imma dak li Pietru jirrelata miegħu u jindirizzah personalment: Int il-Kristu. Għax-xhud, iktar milli persunaġġ tal-istorja, Ġesù hu l-persuna tal-ħajja: hu l-ġdid, mhux dak li diġà rajna; il-ġdid tal-futur, mhux tifkira tal-imgħoddi. Mela, ix-xhud mhuwiex min jaf l-istorja ta’ Ġesù, imma min jgħix storja ta’ mħabba ma’ Ġesù. Għax ix-xhud, fil-verità, dan biss ixandar: li Ġesù huwa ħaj u hu s-sigriet tal-ħajja. Nilmħu fil-fatt lil Pietru li, wara li stqarr: Int il-Kristu, iżid: “l-Iben ta’ Alla l-ħaj” (v. 16). Ix-xhieda titwieled minn dik il-laqgħa ma’ Ġesù ħaj. Anki fil-qalba tal-ħajja ta’ Pawlu nsibu l-istess kelma li tfawwar mill-qalb ta’ Pietru: Kristu. Pawlu jtenni dan l-isem il-ħin kollu, kważi erba’ mitt darba fl-ittri tiegħu! Għalih Kristu mhuwiex biss il-mudell, l-eżempju, il-punt ta’ riferiment: hu l-ħajja nfisha. Jikteb: “Għalija li ngħix huwa Kristu” (Fil 1:21). Ġesù huwa l-preżent tiegħu u l-futur tiegħu, tant li għalih l-imgħoddi hu knis quddiem il-kobor tal-għarfien ta’ Kristu (ara Fil 3:7-8).

 

Ħuti, quddiem dawn ix-xhieda, ħa nistaqsu lilna nfusna: “Jiena qed inġedded ta’ kuljum il-laqgħa tiegħi ma’ Ġesù?”. Forsi aħna kurjużi dwar Ġesù, ninteressaw ruħna fl-affarijiet tal-Knisja jew fl-aħbarijiet reliġjużi. Niftħu s-siti elettroniċi u l-ġurnali u nitkellmu fuq ħwejjeġ qaddisa. Imma hekk inkunu nibqgħu biss f’dak li jgħidu n-nies, fl-istħarriġ, fl-imgħoddi, fl-istatistiċi. Ġesù ftit li xejn jinteressah dan. Hu ma jridx reporters tal-ispirtu, wisq inqas Insara tal-qoxra jew tal-istatistiċi. Hu qed ifittex xhieda, li ta’ kuljum jgħidulu: “Mulej, int il-ħajja tiegħi”.

 

Wara li ltaqgħu ma’ Ġesù, u ġarrbu l-maħfra tiegħu, l-Appostli taw xhieda ta’ ħajja ġdida: ma qagħdux iżjed lura, taw lilhom infushom. Ma kkuntentawx b’miżuri ta’ nofs kedda, imma ħadu l-unika miżura possibbli għal min irid jimxi wara Ġesù: dik ta’ mħabba bla qies. “Ixxerrdu b’sagrifiċċju” (ara 2 Tim 4:6). Nitolbu l-grazzja li ma nkunux Insara mbeżżgħin, li ngħixu bl-affarijiet ta’ nofs kedda, li nħallu l-imħabba tibred. Fir-relazzjoni ta’ kuljum ma’ Ġesù u fil-qawwa tal-maħfra tiegħu ħa nsibu l-għeruq tagħna. Ġesù, kif għamel ma’ Pietru, anki lilna jsaqsina: “Jiena min jien għalik?”, “tħobbni int?”. Inħallu dawn il-kelmiet jidħlu ġo fina u jkebbsu x-xewqa li ma nikkuntentawx ruħna bil-ftit, imma nimmiraw għall-iżjed, biex inkunu aħna wkoll xhieda ħajja ta’ Ġesù.

 

Illum qed inbierku l-Pallji għall-Arċisqfijiet Metropoliti maħtura fl-aħħar sena. Il-pallju jfakkar fin-nagħġa li r-Ragħaj hu msejjaħ jerfa’ fuq spallejh: hu sinjal li r-Ragħajja ma jgħixux għalihom infushom, imma għan-nagħaġ; hu sinjal li, biex nirbħuha, il-ħajja l-ewwel irridu nitilfuha, nagħtuha. Qed taqsam magħna l-ferħ tal-lum, skont tradizzjoni sabiħa, għandna Delegazzjoni tal-Patrijarkat Ekumeniku, li nsellem minn qalbi. Il-preżenza tagħkom, għeżież ħuti, tfakkarna li ma nistgħux noqogħdu nfittxu li nsalvaw lilna nfusna lanqas fil-mixja lejn l-għaqda sħiħa bejn min jemmen, fil-komunjoni fuq kull livell. Għax flimkien, irrikonċiljati ma’ Alla u maħfura minn xulxin, aħna msejħin inkunu xhieda ta’ Ġesù bil-ħajja tagħna.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard