LITURĠIJA PENITENZJALI – “24 SIEGĦA GĦALL-MULEJ”

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ġimgħa 29 ta’ Marzu 2019

 

“Baqgħu waħidhom huma t-tnejn: l-imsejkna u l-ħniena” (In Joh 33,5). Hekk jinkwadrah Santu Wistin il-final tal-Vanġelu li għadna kemm smajna. Telqu ’l hemm dawk li kienu ġew biex iwaddbu l-ġebel għall-mara jew biex fid-dawl tal-Liġi jixlu lil Ġesù. Telqu, ma kellhomx interessi oħra. Imma Ġesù jibqa’ hemm. Jibqa’ hemm għax hemm għadu dak li hu prezzjuż f’għajnejh: dik il-mara, dik il-persuna. Għalih qabel id-dnub jiġi l-midneb. Jiena, inti, kull wieħed u waħda minna fil-qalb ta’ Alla niġu l-ewwel: qabel l-iżbalji, qabel ir-regoli, il-ġudizzji u l-waqgħat tagħna. Ejjew nitolbu l-grazzja li jkollna ħarsa tixbah lil dik ta’ Ġesù, nitolbu li jkollna l-inkwadratura Nisranija tal-ħajja, fejn qabel id-dnub bi mħabba naraw lill-midneb, qabel l-iżball naraw lil min jiżbalja, qabel l-istorja tiegħu naraw il-persuna.

 

“Baqgħu waħidhom huma t-tnejn: l-imsejkna u l-ħniena”. Għal Ġesù dik il-mara maqbuda fl-adulterju ma tirrappreżentax xi paragrafu mil-Liġi, imma sitwazzjoni konkreta li fiha jrid jidħol. Għalhekk jibqa’ hemm mal-mara, kważi dejjem fis-skiet. U sadattant għal darbtejn iwettaq ġest misterjuż: jikteb b’sebgħu fit-trab tal-art (Ġw 8:6,8). Ma nafux x’kiteb u forsi din mhijiex l-aktar ħaġa importanti: l-attenzjoni tal-Vanġelu fil-fatt hi fuq il-fatt li l-Mulej qed jikteb. Jiġini f’moħħi l-episodju tas-Sinaj, meta Alla kiteb b’sebgħu fuq it-twavel tal-Liġi (ara Eż 31:18), l-istess kif issa qed jagħmel Ġesù. Aktar tard, Alla, permezz tal-profeti, kien wiegħed li mhux sa jikteb iżjed fuq twavel tal-ġebel, imma direttament fuq il-qlub (ara Ġer 31:33), fuq it-twavel tal-laħam ta’ qlubna (ara 2 Kor 3:3). Ma’ Ġesù, il-ħniena ta’ Alla inkarnata, wasal il-mument li jikteb fuq il-qalb tal-bniedem, li jrodd it-tama ċerta lill-miżerja umana: li jagħtina mhux daqstant liġijiet esterni, li spiss iżommu lil Alla u lill-bniedem imbiegħda minn xulxin, imma l-liġi tal-Ispirtu, li jidħol fil-qalb u jeħlisha. Hekk jiġrilha dik il-mara, li tiltaqa’ ma’ Ġesù u terġa’ tibda tgħix. U tmur biex ma tidnibx iżjed (ara Ġw 8:11). Huwa Ġesù li, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jeħlisna mill-ħażen li għandna ġo fina, mid-dnub li l-Liġi setgħet ixxekkel, imma ma setgħetx tneħħih.

 

Safrattant il-ħażen hu f’saħħtu, għandu qawwa li jħajjar għalih: jiġbed lejh, kważi jsaħħar. Biex ninqatgħu minnu mhux biżżejjed l-impenn tagħna, hemm bżonn ta’ mħabba wisq ikbar. Mingħajr Alla ma nistgħux nirbħu lid-dnub: imħabbtu biss terġa’ terfagħna ġewwa fina, hija biss il-ħlewwa tiegħu msawba fi qlubna li tista’ teħlisna. Jekk irridu ninħelsu mid-dnub, jeħtieġ nagħmlu wisa’ għal Alla, li jaħfer u jfejjaq. U dan hu jagħmlu fuq kollox permezz tas-Sagrament li ħa niċċelebraw. Il-Qrar hu l-passaġġ mill-miżerja għall-ħniena, hu Alla li jikteb fuq qalbna. Hemm kull darba naqraw li aħna prezzjużi f’għajnejn Alla, li hu Misser u jħobbna ħafna iżjed minn kemm aħna nħobbu lilna nfusna.

 

“Baqgħu waħidhom huma t-tnejn: l-imsejkna u l-ħniena”. Huma t-tnejn biss. Kemm drabi nħossuna waħidna u nitilfu d-direzzjoni tal-ħajja. Kemm drabi ma nafux iżjed kif nibdew mill-ġdid, mifnija mid-diffikultà li nsibu biex naċċettaw lilna nfusna. Għandna bżonn nibdew mill-ġdid, imma ma nafux mnejn. In-Nisrani jitwieled mill-maħfra li jirċievi fil-Magħmudija. U dejjem minn hemm jerġa’ jitwieled: mill-maħfra sorprendenti ta’ Alla, tal-ħniena tiegħu li terġa’ twaqqafna fuq saqajna. Bħala maħfura biss nistgħu nibdew mill-ġdid, ruħna mġedda, wara li nkunu doqna l-ferħ li aħna tabilħaqq maħbuba kollna kemm aħna mill-Missier. Permezz tal-maħfra ta’ Alla biss iseħħu ħwejjeġ tassew ġodda fina. Nisimgħu mill-ġdid frażi li l-Mulej qalilna llum permezz tal-profeta Iżaija: “Sejjer nagħmel ħaġa ġdida” (Iż 43:19). Il-maħfra tagħtina bidu ġdid, tagħmilna ħlejjaq ġodda, tgħinna mmissu b’idejna l-ħajja ġdida. Il-maħfra ta’ Alla mhix fotokopja li nistgħu nagħmlu bħalha eżatt kull darba li nidħlu fil-konfessjonarju. Meta permezz tas-saċerdot nirċievu l-maħfra ta’ dnubietna, din hi esperjenza dejjem ġdida, oriġinali u li ma tistax tiġi kkuppjata. Tgħaddina milli nħossuna waħidna mal-miżerji u l-akkużaturi tagħna, bħall-mara tal-Vanġelu, għal li nħossuna merfugħa u mħeġġa mill-Mulej, li jtellaqna mill-ġdid.

 

“Baqgħu waħidhom huma t-tnejn: l-imsejkna u l-ħniena”. Kif għandna nagħmlu biex ninnamraw mal-ħniena, biex negħlbu l-biża’ tal-Qrar? Ejjew nilqgħu mill-ġdid l-istedina ta’ Iżaija: “Għadkom ma ttendejtux?” (Iż 43:19). Ħa nittendu bil-maħfra ta’ Alla. Importanti. Tkun ħaġa sabiħa jekk, wara l-Qrar, nibqgħu hemm, bħal dik il-mara, b’ħarsitna msammra fuq Ġesù li għadu kemm ħelisna: mhux iżjed fuq il-miżerji tagħna, imma fuq il-ħniena tiegħu. Inħarsu lejn il-Kurċifiss u ngħidu mistagħġba: “Ara fejn spiċċaw dnubietni. Inti ħadthom fuqek. Ma ppuntajtx sebgħek lejja, imma ftaħtli dirgħajk u rġajt ħfirtli”. Importanti niftakru fil-maħfra ta’ Alla, niftakru fil-ħlewwa tiegħu, nerġgħu niggostaw il-paċi u l-libertà li doqna diġà. Għax din hi l-qalba tal-Qrar: mhux id-dnubiet li nistqarru, imma l-imħabba divina li nirċievu u li tagħha għandna dejjem bżonn. Jista’ jerġa’ jiġina d-dubju: “għalxejn inqerr, dejjem nispiċċa nagħmel l-istess dnubiet”. Imma l-Mulej jafna, jaf li t-taqbida interjuri hi iebsa, li aħna dgħajfa u aktarx ħa naqgħu, li spiss imdorrija nagħmlu l-ħażin. U jipproponilna li nibdew nidraw nagħmlu t-tajjeb, nitolbu l-ħniena. Hu se jkun li jerġa’ jerfagħna u jagħmel minna ħlejjaq ġodda. Mela ejjew nerġgħu nibdew mill-Qrar, irroddu lil dan is-sagrament il-post li jixraqlu fil-ħajja u fil-pastorali!

 

“Baqgħu waħidhom huma t-tnejn: l-imsejkna u l-ħniena”. Aħna wkoll illum fil-Qrar se ngħixu din il-laqgħa ta’ salvazzjoni: aħna, bil-miżerji u d-dnub tagħna; il-Mulej, li jafna, iħobbna u jeħlisna mill-ħażen. Nidħlu għal din il-laqgħa, u nitolbu l-grazzja li niskopruha mill-ġdid.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard