QUDDIESA GĦALL-GĦELUQ

TAL-XV ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA

TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 28 ta’ Ottubru 2018

 

L-episodju li għadna kemm smajna hu l-aħħar wieħed li jirrakkonta l-evanġelista Marku mill-ministeru itineranti ta’ Ġesù, li warajh imbagħad jidħol Ġerusalemm biex imut u jqum. Għalhekk Bartimew jiġi l-aħħar wieħed li mexa wara Ġesù tul it-triq: minn tallab fuq il-ġenb tat-triq f’Ġeriko, isir dixxiplu li flimkien mal-oħrajn imur Ġerusalemm. Anki aħna mxejna flimkien, “għamilna s-sinodu”, u issa dan il-Vanġelu qed jissiġilla tliet passi fundamentali għall-mixja tal-fidi.

 

L-ewwel nett inħarsu lejn Bartimew: ismu jfisser “bin Timew”. U t-test jispeċifikah dan: “Bartimew, bin Timew” (Mk 10:46). Imma, waqt li l-Vanġelu jinsisti fuq dan, joħroġ paradoss: il-missier hu assenti. Bartimew hu mitluq waħdu fit-triq, barra minn daru u bla missier: mhuwiex maħbub, imma abbandunat. Hu agħma u m’għandux min jisimgħu; u meta ssogra jitkellem, riedu jsikktuh. Ġesù jisma’ l-karba tiegħu. U meta jiltaqa’ miegħu jħallih jitkellem. Ma kienx diffiċli nintebħu x’kien ħa jitlob Bartimew: hu ċar li agħma jrid li jkollu jew jerġa’ jikseb id-dawl. Imma Ġesù mhuwiex mgħaġġel, jagħti l-ħin biex jisma’. Dan hu l-ewwel pass biex ngħinu fil-mixja tal-fidi: nisimgħu. Hu l-appostolat tal-widna: nisimgħu, qabel ma niftħu ħalqna biex nitkellmu.

 

Għall-kuntrarju, ħafna minn dawk li kienu ma’ Ġesù kienu qed iċanfru lil Bartimew u jriduh jiskot (ara v. 48). Għal dawn id-dixxipli dak it-tallab kien xkiel fil-mixja tagħhom, imprevist fil-programm diġà ffissat minn qabel. Kienu jippreferu t-tempiżmu tagħhom minn dak tal-Imgħallem, li jitkellmu huma milli jisimgħu lill-oħrajn: kienu mexjin wara Ġesù, imma kellhom f’moħħhom il-proġetti tagħhom. Hu riskju li minnu għandna dejjem inħarsu ruħna. Imma għal Ġesù, il-karba ta’ min qed jitlob l-għajnuna ma hijiex tfixkil fil-mixja, imma mistoqsija vitali. Kemm hu importanti għalina li nisimgħu x’għandna x’tgħidilna l-ħajja! Ulied il-Missier tas-Sema jafu jagħtu widen għal ħuthom: mhux għat-tpaċpiċ bla siwi, imma għall-ħtiġijiet tal-proxxmu. Nisimgħu bi mħabba, bis-sabar, kif jagħmel Alla magħna, mat-talb spiss ripetittiv tagħna. Alla ma jegħja qatt, dejjem jifraħ meta nfittxuh. Ejjew nitolbu aħna wkoll il-grazzja ta’ qalb doċli għas-smigħ. Nixtieq ngħid liż-żgħażagħ, f’isimna lkoll l-adulti: skużawna jekk spiss ma tajnikomx widen; iva, flok ftaħna qalbna għalikom, imlejnielkom widnejkom. Bħala Knisja ta’ Ġesù nixtiequ nagħtukom widen bi mħabba, żguri minn żewġ affarijiet: li ħajjitkom hi prezzjuża għal Alla, għax Alla hu żagħżugħ u jħobb liż-żgħażagħ; u li ħajjitkom hi prezzjuża għalina wkoll, anzi meħtieġa biex nibqgħu mexjin ’il quddiem.

 

Wara s-smigħ, it-tieni pass biex insieħbu l-mixja tal-fidi: nersqu qrib. Inħarsu lejn Ġesù, li ma jiddelegax lil xi ħadd minn qalb il-“kotra kbira” li kienet miexja warajh, imma jmur jiltaqa’ ma’ Bartimew hu stess. Jgħidlu: “Xi tridni nagħmillek?” (v. 51). Xi trid: Ġesù jidħol fiż-żarbun ta’ Bartimew, ma jagħtix dahru għax-xewqat tiegħu; li nagħmel: nagħmel, mhux inpaċpaċ biss; lilek: mhux skont ideat iffissati minn qabel għal kulħadd, imma għalik, fis-sitwazzjoni li tinsab fiha. Hekk jagħmel Alla, jidħol hu stess bl-imħabba tiegħu ta’ għożża speċjali għal kull wieħed u waħda minna. Bil-mod kif jaġixxi diġà jgħaddilna l-messaġġ tiegħu: hekk il-fidi twarrad fil-ħajja.

 

Il-fidi tgħaddi mill-ħajja. Meta l-fidi tikkonċentra purament fuq il-formulazzjonijiet duttrinali, tkun tirriskja li tkellem biss lir-ras, mingħajr ma tmiss il-qalb. U meta nikkonċentraw biss fuq x’ħa nagħmlu, nirriskjaw li nsiru moraliżmu u nirriduċu ruħna għall-aspett soċjali. Imma l-fidi hi ħajja: tfisser ngħixu l-imħabba ta’ Alla li bidlitilna ħajjitna. Ma nistgħux inkunu duttrinalisti jew attivisti; aħna msejħin biex inseddqu l-opra ta’ Alla bil-mod ta’ Alla, fil-qrubija: marbuta miegħu, f’komunjoni bejnietna, qrib ta’ ħutna. Qrubija: dan hu s-sigriet biex nistgħu ngħaddu l-qalba tal-fidi lill-oħrajn, u mhux xi aspett sekondarju tagħha.

 

Li nersqu qrib tal-oħrajn ifisser li nwasslu l-ġdid ta’ Alla fil-ħajja ta’ ħutna, din hi l-mediċina kontra t-tentazzjoni tar-riċetti lesti. Nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex Insara kapaċi li nersqu qrib tal-oħrajn, li noħorġu miċ-ċrieki tagħna biex ngħannqu lil dawk li “mhumiex minn tagħna” u li Alla b’ħerqa kbira qed ifittex. Dejjem ħa jkun hemm dik it-tentazzjoni li tidher tant drabi fl-Iskrittura: li naħslu jdejna. Hekk tagħmel il-folla tal-Vanġelu tal-lum, hekk għamel Kajjin ma’ Abel, hekk għamel Pilatu ma’ Ġesù: ħasel idejh. Imma aħna rridu nixbhu lil Ġesù, u bħalu nħammġu jdejna. Hu, it-triq (ara Ġw 14:6), għal Bartimew waqaf fit-triq; hu, id-dawl tad-dinja (ara Ġw 9:5), tbaxxa ħdejn wieħed agħma. Ejjew nagħrfu li l-Mulej ħammeġ idejh għal kull wieħed u waħda minna, u aħna u nħarsu lejn is-salib, nerġgħu nibdew minn hemm, milli niftakar li Alla qorob lejja fid-dnub u fil-mewt. Sar il-proxxmu tiegħi: kollox minn hemm jibda. U meta għall-imħabba tiegħu aħna wkoll nersqu qrib tal-oħrajn, inkunu nġorru l-ħajja ġdida: mhux dawk li jridu jgħallmu lil kulħadd, mhux esperti tas-sagru, imma xhieda tal-imħabba li ssalva.

 

It-tielet pass hu li nagħtu xhieda. Inħarsu lejn id-dixxipli li jsejħu lil Bartimew: ma jmorrux għandu, li kien qed jittallab, b’xi munita biex isikktuh jew biex jagħtuh xi parir; imorru f’isem Ġesù. Fil-fatt ilissnulu biss tliet kelmiet, kollha ta’ Ġesù: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek” (v. 49). Ġesù waħdu fil-bqija tal-Vanġelu jgħid agħmel il-qalb!, għax hu waħdu kapaċi jerġa’ jagħtiha l-ħajja. Ġesù waħdu fil-Vanġelu jgħid qum, biex ifejjaq ir-ruħ u l-ġisem. Ġesù waħdu jsejjaħ, u hekk jibdel il-ħajja ta’ min jimxi warajh, u jerġa’ jqajjem fuq saqajh lil min jinsab mal-art, iġib id-dawl ta’ Alla qalb id-dlamijiet tal-ħajja. Tant ulied, tant żgħażagħ, bħal Bartimew qed ifittxu dawl f’ħajjithom. Qed ifittxu l-imħabba vera. U kif Bartimew, minkejja l-ħafna nies, isejjaħ biss lil Ġesù, hekk huma wkoll jittallbu l-ħajja, imma spiss isibu biss wegħdiet foloz u ftit persuni li tassew jinteressahom minnhom.

 

Mhux atteġġjament Nisrani li noqogħdu nistennew lil ħutna li qed ifittxu biex iħabbtulna huma fuq il-bibien tagħna; irridu mmorru aħna għandhom, u neħdulhom mhux lilna nfusna, imma lil Ġesù. Hu qed jibgħatna, bħal dawk id-dixxipli, biex nagħmlu l-qalb u nqajmu lill-oħrajn f’ismu. Qed jibgħatna biex ngħidu lil kull wieħed u waħda: “Alla qed jitolbok tħallih iħobbok”. Kemm drabi, flok dan il-messaġġ ħellies ta’ salvazzjoni, wassalna lilna nfusna, ir-“riċetti” tagħna, it-“tikketti” tagħna fil-Knisja! Kemm drabi, flok għamilna tagħna kliem il-Mulej, bellajna l-ideat tagħna lil ħaddieħor bħallikieku kienu l-kelma tiegħu! Kemm drabi n-nies tħoss iżjed jagħfas fuqha l-piż tal-istituzzjonijiet tagħna milli l-preżenza ta’ ħbiberija ta’ Ġesù! Allura nkunu ONG, organizzazzjoni parastatali, u mhux il-komunità tal-mifdijin li jgħixu l-ferħ tal-Mulej.

 

Nisimgħu, inkunu qrib, nagħtu xhieda. Il-mixja tal-fidi fil-Vanġelu tintemm b’mod sabiħ u sorprendenti, b’Ġesù li jgħid: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek” (v. 52). U safrattant Bartimew ma għamel l-ebda stqarrija ta’ fidi, ma wettaq l-ebda opra; sempliċiment talab il-ħniena. Il-fidi tibda meta nħossuna fil-ħtieġa ta’ salvazzjoni. Hi t-triq diretta biex niltaqgħu ma’ Ġesù. Il-fidi li salvat lil Bartimew ma kinitx fl-ideat ċari li kellu fuq Alla, imma f’li fettxu, f’li ried jiltaqa’ miegħu. Il-fidi hi kwistjoni ta’ laqgħa, mhux ta’ teorija. Fil-mument tal-laqgħa Ġesù jgħaddi, fil-laqgħa hu l-istess taħbita tal-qalb tal-Knisja. Allura mhux il-prietki tagħna, imma x-xhieda ta’ ħajjitna li tħalli l-frott.

 

U lilkom kollha li ħadtu sehem f’din il-“mixja flimkien”, ngħidilkom grazzi tax-xhieda tagħkom. Ħdimna f’komunjoni u b’qalb miftuħa għal xulxin, bix-xewqa li naqdu lil Alla u lill-poplu tiegħu. Il-Mulej ibierek il-passi tagħna, biex nistgħu nisimgħu liż-żgħażagħ, inkunu qrib tagħhom u nagħtuhom xhieda tal-ferħ ta’ ħajjitna: Ġesù.

  

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard