QUDDIESA U PURĊISSJONI EWKARISTIKA

FIS-SOLENNITÀ TAL-ĠISEM U D-DEMM IMQADDSA TA’ KRISTU

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Parroċċa ta’ Santa Marija Konsolatriċi f’Casalbertone (Ruma)

Il-Ħadd 23 ta’ Ġunju 2019

 

Il-Kelma ta’ Alla llum tgħinna niskopru mill-ġdid żewġ verbi sempliċi, żewġ verbi essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum: ngħidu u nagħtu.

 

Ngħidu. Melkisedek, fl-Ewwel Qari, jgħid: “Imbierek Abram minn El-għeljon, li għamel is-sema u l-art, u mbierek El-għeljon” (Ġen 14:19-20). Melkisedek jgħid billi jbierek. Ibierek lil Abram, li fih sa jkunu mbierka l-ġnus kollha tal-art (ara Ġen 12:3; Gal 3:8). Kollu parti mill-barka: il-kliem ta’ ġid inissel storja ta’ ġid. L-istess jiġri fil-Vanġelu: qabel ma jkattar il-ħobż, Ġesù jbierku: “Ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli” (Lq 9:16). Il-barka tagħmel mill-ħames ħobżiet l-ikel għal kotra kbira: tgelgel kaskata ta’ ġid.

 

Għaliex jagħmel tajjeb li nbierku? Għax inkunu nibdlu l-kelma f’don. Meta nbierku, ma nkunux nagħmlu xi ħaġa għalina, imma għall-oħrajn. Inbierku ma jfissirx li ngħidu kliem sabiħ, ma jfissirx nużaw kliem għaċ-ċirkustanza: le; ifisser nitkellmu tajjeb, nitkellmu bi mħabba. Hekk għamel Melkisedek, meta minn jeddu qal kliem tajjeb fuq Abram, meta dan ma kien qal jew għamel xejn għalih. Hekk għamel Ġesù, meta wriena xi tfisser il-barka fit-tqassim tal-ħobż b’xejn. Kemm drabi aħna wkoll ġejna mbierka, fil-knisja jew fid-djar tagħna, kemm drabi rċivejna kliem li jagħmlilna l-ġid, jew sinjal tas-salib fuq ġbinna… Ġejna mbierka dakinhar tal-Magħmudija, u fl-aħħar ta’ kull quddiesa niġu mbierka. L-Ewkaristija hi skola ta’ barka. Alla jitkellem tajjeb fuqna, uliedu maħbuba, u hekk jagħmlilna l-qalb biex nibqgħu miexja ’l quddiem. U aħna nbierku lil Alla fil-ġemgħat tagħna (ara Salm 68:27), u hekk nerġgħu nsibu l-gost tal-foħrija, li jeħles u jfejjaq il-qalb. Niġu l-quddiesa biċ-ċertezza li aħna mbierka mill-Mulej, u noħorġu biex inbierku aħna wkoll, biex insiru kanali ta’ ġid fid-dinja.

 

Għalina wkoll: importanti li aħna r-Ragħajja niftakru nbierku lill-poplu ta’ Alla. Għeżież saċerdoti, tibżgħux tbierku, tbierku l-poplu ta’ Alla; għeżież saċerdoti, komplu bierku: il-Mulej jixtieq jitkellem tajjeb fuq il-poplu tiegħu, jieħu pjaċir jurina kemm iħobbna. U huwa biss jekk aħna nkunu ġejna mbierka li nistgħu nbierku lill-oħrajn bl-istess dilka ta’ mħabba. Imma x’għafsa ta’ qalb tara b’liema ħeffa llum qed isir bil-maqlub: nisħtu, inżebilħu, nitgħajru. Fil-ġenn li nsibu ruħna fih, ma nafux nitrażżnu u nispiċċaw niżvogaw ir-rabja tagħna fuq kollox u fuq kulħadd. B’xorti ħażina spiss min jgħajjat l-iżjed u jgħajjat l-aħjar, min hu l-iżjed irrabjat, jidher li għandu raġun u l-oħrajn jibdew jaqblu miegħu. Ejjew ma nitteħdux mill-arroganza, ma nħallux l-imrar ikaxkarna miegħu, aħna li nieklu mill-Ħobż li fih kull ħlewwa. Il-poplu ta’ Alla jħobb it-tifħir, ma jgħixx bit-tgergir; hu magħmul għall-barkiet, mhux għat-tgergir. Quddiem l-Ewkaristija, quddiem Ġesù li jsir Ħobż, dan il-Ħobż umli li jiġbor fih il-kollox tal-Knisja, ejjew nitgħallmu nbierku dak li għandna, infaħħru lil Alla, inbierku u mhux nisħtu l-passat tagħna, ngħidu kliem tajjeb lill-oħrajn.

 

It-tieni verb hu nagħtu. Wara li “ngħidu” jiġi li “nagħtu”, kif ġralu Abram li, imbierek minn Melkisedek, “tah l-għexur kollox” (Ġen 14:20). L-istess bħal Ġesù li, wara li qal il-barka, tahom il-ħobż biex seta’ jitqassam, u hekk wera t-tifsira l-iżjed sabiħa tiegħu: il-ħobż mhuwiex biss prodott għall-konsum, imma hu mezz ta’ qsim ma’ xulxin. Fil-fatt, ħaġa tal-għaġeb, fir-rakkont tat-tkattir tal-ħobż qatt ma naqraw bi tkattir. Bil-maqlub, il-verbi użati huma “qasam, tahom, inewlulhom” (ara Lq 9:16). F’kelma waħda, l-enfasi mhix fuq it-tkattir, imma fuq il-qsim. Importanti: Ġesù ma jagħmilx maġija, ma jibdilx il-ħames ħobżiet f’ħamest elef biex imbagħad jgħid: “Issa qassmuhom”. Le. Ġesù jitlob, ibierek dawk il-ħames ħobżiet u jibda jaqsamhom, b’fiduċja fil-Missier. U dawk il-ħames ħobżiet jibqgħu ma jispiċċawx. Din mhijiex maġija, hi fiduċja f’Alla u fil-providenza tiegħu.

 

Fid-dinja dejjem infittxu kif ħa nżidu l-qligħ, kif inżidu l-bejgħ… Iva, imma għal liema skop? Biex nagħtu jew biex ikollna? Biex naqsmu jew biex inrekknu? L-“ekonomija” tal-Vanġelu tkattar billi taqsam, titma’ billi tqassam, ma tissodisfax ir-regħba tal-ftit, imma tagħti l-ħajja lid-dinja (ara Ġw 6:33). Mhux ħu, imma agħti hu l-verb ta’ Ġesù.

 

L-ordni li hu jagħti lid-dixxipli fiha ħafna awtorità: “Agħtuhom intom x’jieklu” (Lq 9:13). Ejjew nippruvaw nistħajlu r-raġunamenti li setgħu għamlu d-dixxipli bejnhom u bejn ruħhom: “Bilkemm għandna ħobż għalina u rridu naħsbu fl-oħrajn! Għax għandna nagħtuhom aħna x’jieklu, jekk huma ġew biex jisimgħu lill-Imgħallem tagħna? Jekk ma ġabux x’jieklu magħhom, dik problema tagħhom, jew inkella jnewlulna l-flus u nixtrulhom”. Mhumiex raġunamenti żbaljati, imma mhumiex dawk ta’ Ġesù, li ma jridx jaf b’raġunamenti: agħtuhom intom x’jieklu. Dak li għandna jagħmel il-frott jekk nagħtuh – dak li jrid jgħid Ġesù –; u ma jimpurtax ikunx ftit jew ħafna. Il-Mulej jagħmel ħwejjeġ kbar bil-ftit tagħna, kif għamel bil-ħames ħobżiet. Hu ma jwettaqx għeġubijiet b’azzjonijiet spettakolari, m’għandux il-bakketta maġika f’idu, imma jaġixxi bi ħwejjeġ umli. Dik ta’ Alla hi omnipotenza umli, magħmula biss mill-imħabba. U l-imħabba tagħmel ħwejjeġ kbar bi ħwejjeġ żgħar. Dan tgħallimhulna l-Ewkaristija: fiha hemm Alla moħbi f’biċċa ħobż. Sempliċi, essenzjali, Ħobż maqsum u mqassam, l-Ewkaristija li nirċievu tgħaddilna l-mentalità ta’ Alla. U twassalna biex aħna stess nagħtu lill-oħrajn il-mediċina kontra l-“jiddispjaċini, imma mhix biċċa tiegħi”, kontra l-“m’għandix ħin, ma nistax, mhix affari tiegħi”. Kontra li ndawru wiċċna n-naħa l-oħra.

 

Fil-belt tagħna mġewħa għall-imħabba u l-kura, li qed tbati t-tifrik u l-abbandun, quddiem tant anzjani waħidhom, familji f’diffikultà, żgħażagħ li qed jissaraw biex ikollhom x’jieklu u jwettqu l-ħolm tagħhom, il-Mulej qed jgħidlek: “Agħtih int x’jiekol”. U int tista’ twieġbu: “Ftit għandi, m’inix kapaċi għal dawn l-affarijiet”. Mhux veru, il-ftit tiegħek hu ħafna f’għajnejn Ġesù jekk ma żżommux għalik waħdek, jekk tpoġġih għas-servizz tal-oħrajn. U int ukoll, qiegħed ruħek għas-servizz tal-oħrajn. U m’intix waħdek: għandek l-Ewkaristija, il-Ħobż tal-mixja, il-Ħobż ta’ Ġesù. Illejla wkoll se nitrejqu bil-Ġisem tiegħu mogħti għalina. Jekk nilqgħuh bil-qalb, dan il-Ħobż jaf jeħles fina l-qawwa tal-imħabba: inħossuna mbierka u maħbuba, u nkunu rridu nbierku u nħobbu, ibda minn hawn, mill-belt tagħna, mit-toroq li llejla se nimxu fihom. Il-Mulej jiġi fit-toroq tagħna biex jgħid tajjeb, jitkellem tajjeb fuqna u biex jagħtina l-kuraġġ, jagħti l-kuraġġ lilna. Jitlob lilna wkoll insiru barka u don.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard