QUDDIESA GĦALL-JUM DINJI MISSJUNARJU

 

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

Id-XXIX Ħadd ta’ Matul is-Sena, 20 ta’ Ottubru 2019

 

Mill-Qari li smajna nixtieq infakkar tliet kelmiet: sostantiv, verb u aġġettiv. Is-sostantiv hu l-għolja: jitkellem fuqha Iżaija, meta jipprofetizza fuq l-għolja tal-Mulej, ’il fuq mis-smewwiet, li lejha jimxu l-ġnus kollha (ara Iż 2:2). L-għolja tirritorna fil-Vanġelu, meta Ġesù, wara l-qawmien tiegħu, jindika lid-dixxipli bħala l-post fejn jerġgħu jiltaqgħu għolja tal-Galilija, proprju dik il-Galilija miżgħuda b’bosta ġnus differenti, il-“Galilija tal-ġnus” (ara Mt 4:15). Insomma, donnu l-għolja jew il-muntanja hi l-post fejn Alla jħobb jagħti appuntament lill-umanità kollha. Hi l-post tal-laqgħa magħna, kif turi l-Bibbja mis-Sinaj sal-Karmelu sa Ġesù, li xandar il-Beatitudnijiet fuq il-muntanja, ittrasfigura ruħu fuq il-muntanja Tabor, ta ħajtu fuq il-Kalvarju u tela’ s-Sema minn fuq l-Għolja taż-Żebbuġ. Il-muntanja, post ta’ laqgħat kbar bejn Alla u l-bniedem, hija wkoll il-post fejn Ġesù jqatta’ sigħat u sigħat fit-talb (ara Mk 6:46), biex ixierek l-art mas-Sema, lilna ħutu mal-Missier.

 

X’qed tgħidilna lilna l-muntanja? Li aħna msejħin nersqu lejn Alla u lejn l-oħrajn: lejn Alla, l-Aktar Għoli, fil-ħemda, fit-talb, bogħod mit-tpaċpiċ vojt u t-tqassis li jniġġes. Imma wkoll lejn l-oħrajn, li mill-muntanja narawhom f’perspettiva oħra, dik ta’ Alla li jsejjaħ lill-ġnus kollha: mill-għoli l-oħrajn jidhru flimkien u niskopru li l-armonija tal-ġmiel tingħata biss mill-ġabra flimkien. Il-muntanja tfakkarna li m’għandniex noqogħdu nagħżlu bejn ħutna, imma nħaddnuhom ilkoll, bil-ħarsa u fuq kollox bil-ħajja tagħna. Il-muntanja torbot lil Alla u lil ħutna f’tgħanniqa waħda, dik tat-talb. Il-muntanja terfagħna ’l fuq, bogħod minn tant ħwejjeġ materjali li jgħaddu; tistedinna niskopru mill-ġdid l-essenzjal, dak li jibqa’: Alla u l-aħwa. Il-missjoni tibda fuq il-muntanja: hemm niskopru x’jiswa tassew. Fil-qalba ta’ dan ix-xahar missjunarju ejjew nistaqsu: x’jiswa għalija fil-ħajja? Liema huma l-qċaċet li lejhom nimmira?

 

Hemm verb li jsieħeb is-sostantiv muntanja: nitilgħu. Iżaija jsejħilna: “Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej” (2:3). Ma twelidniex biex nibqgħu mal-art, biex nikkuntentaw ruħna bil-pjanura, imma twelidna biex nilħqu l-għoli, biex niltaqgħu ma’ Alla u ma’ ħutna. Imma biex nagħmlu dan hemm bżonn nitilgħu: hemm bżonn inħallu warajna ħajja orizzontali, nitqabdu kontra l-ġibda tal-gravità tal-egoiżmu, nagħmlu l-eżodu tal-jien tagħna. Għalhekk, li nitilgħu sa jiswielna ħafna taħbit, imma hu l-uniku mod kif naraw kollox aħjar, bħal meta tmur timxi fil-muntanji u fil-quċċata biss tara l-isbaħ veduta u tifhem li ma kienx ħa jirnexxilek taraha kieku ma għaddejtx minn dik il-mogħdija dejjem għat-telgħa.

 

U bħalma fuq il-muntanja ma tistax titla’ tajjeb jekk tkun mgħobbi b’ħafna ħwejjeġ, hekk ukoll fil-ħajja hemm bżonn teħles minn dak li m’għandekx bżonn. Dan huwa wkoll is-sigriet tal-missjoni: biex nistgħu nitilqu hemm bżonn inħallu warajna, biex inħabbru hemm bżonn niċċaħħdu. It-tħabbira kredibbli mhix magħmula minn kliem sabiħ, imma minn ħajja tajba: ħajja ta’ qadi, li taf tħalli warajha tant ħwejjeġ materjali li jċekknulna qalbna, jagħmluna indifferenti u jagħlquna fina nfusna; ħajja li titbiegħed mill-ħwejjeġ bla siwi li jkaxkru l-qalb u ssib ħin għal Alla u għall-oħrajn. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: kif inhi sejra t-telgħa tiegħi? Naf inħalli warajja l-bagalji tqal u bla siwi tal-mondanità biex nitla’ fuq l-għolja tal-Mulej? It-triq tiegħi hi għat-telgħa jew qed “niggranfa” mal-blat?

 

Jekk il-muntanja tfakkarna f’dak li jiswa tassew – Alla u ħutna –, u l-verb titla’ jurina kif naslu, it-tielet kelma llum tidwi bħala l-iżjed qawwija. Hu l-aġġettiv kollha, li jispikka fil-Qari: “il-ġnus kollha”, jgħid Iżaija (2:2); “il-popli kollha”, tennejna fis-Salm; Alla jrid li “l-bnedmin kollha jsalvaw”, jikteb Pawlu (1 Tim 2:4); “morru u agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha”, jamar Ġesù fil-Vanġelu (Mt 28:19). Il-Mulej iffissat li jtenni din il-kollha. Jaf li aħna rasna iebsa u ħsiebna biex intennu “tiegħi” u “tagħna”: l-affarijiet tiegħi, in-nies tagħna, il-komunità tagħna… U hu ma jegħja qatt itenni: “kollha”. Kollha, għax ħadd mhu eskluż mill-qalb tiegħu, mis-salvazzjoni tiegħu; kollha, biex il-qalb tagħna tmur lil hinn mid-dwana tal-bnedmin, lil hinn mill-partikulariżmi msejsa fuq l-egoiżmi li lil Alla xejn ma jogħġbuh. Kollha, għax kull persuna hi teżor prezzjuż u s-sens tal-ħajja hu li naqsmu mal-oħrajn dan it-teżor. Din hija l-missjoni: nitilgħu fuq il-muntanja biex nitolbu għal kulħadd u ninżlu mill-muntanja biex insiru don għal kulħadd.

 

Nitilgħu u ninżlu: mela n-Nisrani hu dejjem f’moviment, fi ħruġ. Morru fil-fatt hu l-imperattiv ta’ Ġesù fil-Vanġelu. Ta’ kuljum naħbtu ma’ tant persuni, imma – nistgħu nistaqsu lilna nfusna – qegħdin niltaqgħu mal-persuni li nsibu quddiemna? Nagħmluha tagħna dik l-istedina ta’ Ġesù jew moħħna biss fi ħwejjiġna? Kulħadd jistenna xi ħaġa mill-oħrajn; in-Nisrani jmur għand l-oħrajn hu. Ix-xhud ta’ Ġesù qatt ma jfittex ir-rikonoxximent tal-oħrajn, imma jfittex kif sa jħobb lil min ma jafx lill-Mulej. Ix-xhud ta’ Ġesù joħroġ jiltaqa’ ma’ kulħadd, mhux biss ma’ dawk li huma tiegħu, fil-grupp ċkejken tiegħu. Ġesù lilek ukoll qed jgħidlek: “Mur, titlifx l-okkażjoni li tagħti xhieda!”. Ħija, oħti, il-Mulej jistenna minnek dik ix-xhieda li ħadd ma jista’ jagħtiha flokok. “Jalla int tagħraf liema hi dik il-kelma, dak il-messaġġ ta’ Ġesù li Alla jixtieq ilissen lid-dinja bil-ħajja tiegħek, […] u hekk il-missjoni prezzjuża tiegħek ma tisfax mitlufa” (Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 24).

 

X’istruzzjonijiet jagħtina l-Mulej biex noħorġu niltaqgħu ma’ kulħadd? Waħda biss, sempliċi ħafna: agħmlu dixxipli. Imma, attenti: dixxipli tiegħu, mhux tagħna. Il-Knisja tkun tħabbar tajjeb biss jekk tgħix ta’ dixxiplu. U d-dixxiplu jimxi ta’ kuljum wara l-Imgħallem u jaqsam mal-oħrajn il-ferħ tad-dixxipulat. Mhux billi jaħkem, jobbliga, jagħmel il-proseliti, imma billi jagħti xhieda, jinżel għall-istess livell, dixxipli mad-dixxipli, noffru bi mħabba dik l-imħabba li rċivejna. Din hi l-missjoni: nagħtu arja pura, ta’ valur għoli, lil min qed jgħix mgħaddas fit-tinġis tad-dinja; inwasslu lid-dinja dik il-paċi li timliena bil-ferħ kull darba li niltaqgħu ma’ Ġesù fuq il-muntanja, fit-talb; nuru b’ħajjitna u saħansitra bi kliemna li Alla jħobb lil kulħadd u qatt ma jaqta’ qalbu minn ħadd.

 

Għeżież ħuti, kull wieħed u waħda minna għandu, kull wieħed u waħda minna “hu missjoni fuq din l-art” (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 273). Qegħdin hawn biex nagħtu xhieda, inbierku, infarrġu, nerfgħu mill-ġdid, ngħaddu l-ġmiel ta’ Ġesù. Kuraġġ, hu qed jistenna ħafna minnek! Il-Mulej għandu bħal ansjetà minħabba dawk li għadhom ma jafux li huma wlied maħbuba tal-Missier, aħwa li għalihom ta ħajtu u l-Ispirtu s-Santu. Trid ittaffi din l-ansjetà ta’ Ġesù? Mur bl-imħabba għand kulħadd, għax ħajtek hi missjoni prezzjuża: mhix piż li jkollok terfa’ ta’ bilfors, imma don x’toffri. Kuraġġ, bla biża’: immorru għand kulħadd!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard