VELJA TAL-LEJL QADDIS TAL-GĦID

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

Sibt il-Għid, 20 ta’ April 2019

 

1. In-nisa jieħdu l-fwejjaħ il-qabar, imma jibżgħu li ħa jmorru għalxejn, għax hemm ġebla kbira timbarra d-daħla tal-qabar. Il-mixja ta’ dawn in-nisa hi wkoll il-mixja tagħna; tixbah il-mixja tas-salvazzjoni, li terraqna llejla. Fiha donnu kollox qed jaħbat ma’ ġebla: il-ġmiel tal-ħolqien mad-dramma tad-dnub; il-ħelsien mill-jasar mal-infedeltà għall-Patt; il-wegħdiet tal-profeti mal-indifferenza kerha tal-poplu. Hekk ukoll fl-istorja tal-Knisja u fl-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna: donnu l-passi mwettqa qatt ma jwasslu għad-destinazzjoni. U hekk tista’ tqum l-idea li l-frustrazzjoni tat-tama hi l-liġi mudlama tal-ħajja.

 

Imma llum niskopru li l-mixja tagħna mhix għalxejn, li mhix qed taħbat ma’ ġebla ta’ qabar. Hemm frażi li triegħed lin-nisa u tibdel l-istorja: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?” (Lq 24:5); għaliex taħsbu li kollox huwa inutli, li ħadd ma jista’ jċaqlaq il-ġebliet tagħkom? Għaliex iċċedu għar-rassenjazzjoni jew għall-falliment? Ħuti, l-Għid hu l-festa tat-tneħħija tal-ġebliet. Alla jneħħi l-ġebliet l-aktar iebsa, li magħhom jaħbtu t-tamiet u x-xewqat tagħna: il-mewt, id-dnub, il-biża’, il-mondanità. L-istorja umana ma tispiċċax quddiem ġebla ta’ qabar, għax illum tiskopri l-“ġebla ħajja” (ara 1 Piet 2:4): Ġesù rxoxt. Aħna bħala Knisja fuqu aħna mibnija u, anki meta naħslu naqtgħu qalbna, meta aħna ttentati niġġudikaw kollox skont in-nuqqas ta’ suċċess tagħna, hu jiġi jġedded kollox, jiġi jaqleb ta’ taħt fuq id-delużjonijiet tagħna. Kull wieħed u waħda minna llejla hu msejjaħ isib mill-ġdid f’Min hu ħaj dak li jneħħi mill-qalb il-ġebliet l-aktar tqal. Nistaqsu qabelxejn lilna nfusna: Liema hi l-ġebla tiegħi li jeħtieġ inneħħi, x’jisimha din il-ġebla?

 

Spiss ixxekkel it-tama tagħna hemm il-ġebla tal-qtigħ il-qalb. Meta nħallu tidħol l-idea li kollox sejjer ħażin u li donnu qatt m’hemm tmiem għal ħwejjeġ agħar, b’rassenjazzjoni naslu biex nemmnu li l-mewt hi aqwa mill-ħajja u nsiru ċiniċi u sarkastiċi, u nġorru fina qtigħ il-qalb li xejn ma jagħmel ġid. Nibnu fina, ġebla fuq oħra, monument lin-nuqqas ta’ sodisfazzjon, qabar lit-tama. Bit-tgergir tagħna fuq il-ħajja, nagħmluha dipendenti fuq dan it-tgergir u spiritwalment marida. Hekk tidħol speċi ta’ psikoloġija tal-qabar: kull ħaġa tispiċċa hemm, bla tama li toħroġ ħajja minn hemm ġew. Imma għalhekk tagħfas fuqna din il-mistoqsija qawwija tal-Għid: L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? Il-Mulej ma jgħixx fir-rassenjazzjoni. Hu qam, mhuwiex hemm; tfittxux fejn m’inti ħa ssibu qatt: mhuwiex Alla tal-mejtin, imma tal-ħajjin (ara Mt 22:32). Tidfinx it-tama!

 

Hemm it-tieni ġebla li spiss tagħlaq il-qalb: il-ġebla tad-dnub. Id-dnub iħajjar, iwiegħed ħwejjeġ ħfief u immedjati, ġid u suċċess, imma mbagħad iħalli fina solitudni u mewt. Id-dnub hu li nfittxu l-ħajja fost il-mejtin, is-sens tal-ħajja fil-ħwejjeġ li jgħaddu. Għaliex qed tfittxu qalb il-mejtin lil min hu ħaj? Għaliex ma tiddeċidix li tħalli dak id-dnub li, bħal ġebla fil-bokka tal-qalb, qed iżomm lid-dawl divin milli jinfed ġewwa? Għaliex flok id-dwal għammiexa tal-flus, tal-karriera, tal-kburija u tal-pjaċir ma tqegħidx lil Ġesù, id-dawl veru (ara Ġw 1:9)? Għaliex lill-vanità mondana ma tgħidilhiex li m’intix tgħix għaliha, imma għall-Mulej tal-ħajja?

 

2. Nerġgħu lura għan-nisa li jmorru ħdejn il-qabar ta’ Ġesù. Quddiem il-ġebla mħarrka, jibqgħu mbellha; il-Vanġelu jgħid li meta jaraw lill-anġli, jibqgħu “mimlijin biża’” u “għajnejhom lejn l-art” (Lq 24:5). M’għandhomx il-kuraġġ li jerfgħu ħarsithom. U kemm drabi jiġrilna lilna wkoll: nippreferu nibqgħu milwijin fuq il-limiti tagħna, ninsatru fil-biżgħat tagħna. Stramba: imma għaliex nagħmlu hekk? Spiss għax fl-għeluq u fin-niket aħna l-protagonisti, għax iktar faċli nibqgħu waħidna fil-kmamar mudlama tal-qalb milli ninfetħu għall-Mulej. Imma hu biss jista’ jerġa’ jqajjimna. Kien hemm poetessa li kitbet: “Qatt m’aħna ħa nkunu nafu kemm nistgħu nogħlew, sakemm ma niġux imsejħa nqumu” (E. Dickinson, We never know how high we are). Il-Mulej qed isejħilna nqumu fuq riġlejna, inqumu fuq il-Kelma tiegħu, inħarsu fl-għoli u nemmnu li aħna magħmulin għas-Sema, u mhux għall-art; għall-ħwejjeġ għolja tal-ħajja, mhux għall-bassezzi tal-mewt: L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?

 

Alla qed jitlobna nħarsu lejn il-ħajja kif iħares lejha hu, li f’kull wieħed u waħda minna dejjem jara ġmiel li ma jitħassarx. Fid-dnub, jara wlied xi jġib fuq saqajhom; fil-mewt, aħwa xi jqajjem; fid-deżolazzjoni, qlub xi jfarraġ. Mela tibża’ xejn: il-Mulej iħobbha din il-ħajja tiegħek, anki meta tibża’ tħares lejha u taqbdilha jdejha. Fl-Għid qed jurik kemm iħobbha: sal-punt li għexha kollha, li ħass l-uġigħ tagħha, l-abbandun, il-mewt u l-qigħan tal-art biex seta’ joħroġ minnhom rebbieħ u jgħidlek: “M’intix waħdek, afda fija!”. Ġesù hu speċjalista f’li jibdel l-imwiet tagħna f’ħajja, l-għali tagħna fi żfin (ara Salm 30:12): miegħu aħna wkoll nistgħu nagħmlu tagħna l-Għid, jiġifieri l-mogħdija: mogħdija mill-għeluq għall-komunjoni, mid-deżolazzjoni għall-konsolazzjoni, mill-biża’ għall-fiduċja. Ma nibqgħux inħarsu lejn l-art imbeżżgħa, inħarsu lejn Ġesù rxoxt: il-ħarsa tiegħu tfawwarna bit-tama, għax tgħidilna li aħna dejjem maħbuba u li minkejja dak kollu li nistgħu nagħmlu, imħabbtu minn magħna ma titħarrikx. Din hi ċ-ċertezza tal-ħajja li mhijiex negozjabbli: imħabbtu ma titħarrikx. Nistaqsu lilna nfusna: Fil-ħajja lejn fejn qed inħares? Qed nikkontempla ambjenti ta’ qabar jew qed infittex lill-Ħaj?

 

3. L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? In-nisa jiftakru x’jgħidulhom l-anġli, li jżidu: “Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija” (Lq 24:6). Dawn in-nisa kienu nsew it-tama għax ma ftakrux iżjed fi kliem Ġesù, is-sejħa tiegħu fil-Galilija. Għax tilfu l-memorja ħajja ta’ Ġesù, jibqgħu jħarsu lejn il-qabar. Il-fidi għandha bżonn terġa’ tmur il-Galilija, biex tgħix mill-ġdid l-ewwel imħabba ma’ Ġesù, is-sejħa tiegħu: li tiftakru – ri-cordare, jiġifieri, litteralment, tirritorna bil-qalb tagħha, għandu. Hu essenzjali li nirritornaw bi mħabba ħajja għand il-Mulej, inkella jkollna fidi ta’ mużew, mhux il-fidi tal-Għid. Imma Ġesù mhuwiex persunaġġ tal-imgħoddi, hu Persuna ħajja llum; ma nsirux nafuh mill-kotba tal-istorja, niltaqgħu miegħu fil-ħajja. Ejjew illum nagħmlu memorja ta’ meta Ġesù sejħilna, ta’ meta rebaħ fuq id-dlamijiet tagħna, ir-reżistenzi tagħna, id-dnubiet tagħna, ta’ kif messilna l-qalb tagħna bil-Kelma tiegħu.

 

Ħuti, ejjew immorru lura l-Galilija.

 

Meta ftakru f’Ġesù, in-nisa ħallew il-qabar. L-Għid jgħallimna li l-bniedem ta’ fidi ma jiqafx fit-tul iċ-ċimiterju, għax hu msejjaħ jimxi lejn il-Ħaj. Nistaqsu lilna nfusna: fil-ħajja tiegħi, lejn fejn jien miexi? Xi drabi nimxu dejjem u biss lejn il-problemi tagħna, li ma jonqsu qatt, u mmorru għand il-Mulej biss biex jgħinna. Imma allura huma l-bżonnijiet tagħna li jorjentawna, mhux Ġesù. U nibqgħu dejjem infittxu lil Min hu ħaj fost il-mejtin. Kemm drabi, imbagħad, wara li nkunu ltqajna mal-Mulej, nerġgħu lura qalb il-mejtin, induru fuqna nfusna nħaffru fid-dispjaċiri, ir-rimorsi, il-ġrieħi u d-delużjonijiet tagħna, mingħajr ma nħallu lill-Irxoxt jibdilna! Għeżież ħuti, ejjew nagħtu lill-Ħaj il-post ċentrali f’ħajjitna. Nitolbu l-grazzja li ma nħallux il-kurrent, il-baħar ta’ problemi jkaxkruna; li ma nitfarrkux mal-ġebliet tad-dnub u fuq is-sikek tal-qtigħ il-qalb u tal-biża’. Infittxu lilu, inħalluh ifittixna, infittxu lilu f’kollox u qabel kollox. U miegħu nqumu.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard