Il-Qari li għadna kemm smajna jippreżenta żewġ elementi ċentrali għall-ħajja tan-Nisrani: il-Ħobż u l-Kelma.

 

Il-Ħobż. Il-ħobż hu l-ikel essenzjali biex ngħixu, u Ġesù fil-Vanġelu joffri ruħu għalina bħala Ħobż tal-ħajja, qisu jrid jgħidilna: “ma tistgħux tgħaddu mingħajri”. U juża espressjonijiet qawwija: “Kulu ġismi u ixorbu demmi” (ara Ġw 6:53). Xi jfisser dan? Li f’ħajjitna huwa essenzjali li nidħlu f’relazzjoni li tagħtina l-ħajja, personali miegħu. Ġisem u demm. L-Ewkaristija dan li hi: mhix xi rit sabiħ, imma l-komunjoni l-iżjed intima, l-iżjed konkreta, l-iżjed sorprendenti li nistgħu nistħajlu ma’ Alla: komunjoni ta’ mħabba hekk reali li tieħu l-għamla ta’ ikla. Il-ħajja Nisranija minn hawn titlaq kull darba, minn din il-mejda, fejn Alla jrejjaqna bi mħabbtu. Mingħajru, Ħobż tal-ħajja, kull sforz fil-Knisja hu għalxejn, kif fakkarna Dun Tonino Bello: “Mhumiex biżżejjed l-opri ta’ karità, jekk ma jkunx hemm l-għajn, jekk ma jkunx hemm il-punt tat-tluq li hi l-Ewkaristija, kull impenn pastorali ikun biss dawrien fil-vojt”.[i]

 

Ġesù fil-Vanġelu jżid: “Min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija” (v. 57). Qisu jrid jgħid: min jgħix bl-Ewkaristija jagħmel tiegħu l-istess mentalità tal-Mulej. Hu ħobż maqsum għalina u min jirċevih isir hu wkoll ħobż maqsum, li ma jtellax il-ħmira tal-kburija, imma jingħata għall-oħrajn: jieqaf jgħix għalih innifsu, għas-suċċess tiegħu, biex jikseb xi ħaġa hu jew biex isir xi ħaġa, imma jgħix għal Ġesù u bħal Ġesù, jiġifieri għall-oħrajn. Li jgħix għal hi l-marka ta’ min jiekol minn dan il-Ħobż, is-“siġill tal-fabbrika” tan-Nisrani. Jgħix għal. Nistgħu nwaħħluh avviż fuq barra ta’ kull knisja: “Wara l-quddiesa ma nibqgħux ngħixu għalina nfusna, imma għall-oħrajn”. Kemm tkun ħaġa sabiħa li f’din id-djoċesi ta’ Dun Tonino Bello jkun hemm dan l-avviż, mal-bibien tal-knejjes, biex jaqrah kulħadd: “Wara l-quddiesa ma nibqgħux ngħixu għalina nfusna, imma għall-oħrajn”. Dun Tonino hekk għex: fostkom kien Isqof-qaddej, Ragħaj li sar ħaġa waħda mal-poplu, li quddiem it-Tabernaklu tgħallem iħalli lin-nies tiekol minnu. Kien joħlom Knisja mġewħa għal Ġesù u intolleranti għal kull mondanità, Knisja li “taf tilmaħ il-ġisem ta’ Kristu fit-tabernakli skomdi tal-miżerja, tat-tbatija, tas-solitudni”.[ii] Għax, kien jgħid, “l-Ewkaristija ma tissaportix it-telqa”, u jekk wieħed ma jqumx mill-mejda, hi tibqa’ “sagrament mhux komplut”.[iii] Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Fija, dan is-Sagrament qed jitwettaq? B’mod iżjed konkret: Nieħu gost biss niġi moqdi fuq il-mejda mill-Mulej, jew inqum ukoll biex naqdi bħalu? Nagħti f’ħajti dak li nirċievi fil-quddiesa? U bħala Knisja nistgħu nistaqsu: Wara tant u tant tqarbin, sirna nies ta’ komunjoni?

 

Il-Ħobż tal-ħajja, il-Ħobż maqsum fil-fatt huwa wkoll Ħobż ta’ sliem. Dun Tonino kien jisħaq li “l-paċi ma tiġix meta wieħed sempliċiment jaqbad il-ħobż u jmur jieklu għalih waħdu. […] Il-paċi hi xi ħaġa iżjed minn hekk: tfisser li ngħixu flimkien”. Tfisser “nieklu l-ħobż flimkien mal-oħrajn, bla firdiet minn xulxin, billi persuni differenti joqogħdu madwar l-istess mejda”, fejn “l-ieħor hu wiċċ li għad irrid niskopri, nikkontempla, immelles”.[iv] Għax il-ġlied u l-gwerer “isibu l-għeruq tagħhom fl-isfumar tal-uċuħ”.[v] U aħna, li naqsmu minn dan il-Ħobż ta’ għaqda u ta’ sliem, aħna msejħin inħobbu kull wiċċ, ninsġu mill-ġdid kull ħjata mqattgħa; u nkunu, dejjem u kullimkien, bennejja tal-paċi.

 

Flimkien mal-Ħobż, hemm il-Kelma. Il-Vanġelu jfakkarna fid-diskussjonijiet tqal li nqalgħu dwar kliem Ġesù: “Kif jista dan jagħtina ġismu biex nikluh?” (v. 52). Hemm arja ta’ xettiċiżmu f’dawn il-kelmiet. Kemm kliem minn tagħna jixbah lil dawn: Kif jista’ l-Vanġelu jsolvi l-problemi tad-dinja? X’jiswa tagħmel it-tajjeb qabel tant ħażen? U hekk naqgħu fl-iżball ta’ dawk in-nies, li baqgħu mwaħħlin jiddiskutu kliem Ġesù, flok qabdu u laqgħu l-bidla li talab hu f’ħajjithom. Ma fehmux li l-Kelma ta’ Ġesù hi biex nimxu fil-ħajja, mhux biex noqogħdu bilqiegħda npaċpċu fuq dak li għaddej. Dun Tonino, proprju fi żmien l-Għid, awguralna li nilqgħu din il-ħajja ġdida, biex ngħaddu sa fl-aħħar mill-kliem għall-fatti. Għalhekk ħeġġeġ b’ħerqa kbira lil min ma kellux il-kuraġġ jinbidel: “l-ispeċjalisti tad-dubju. Dawk l-għorrief li joqogħdu jiżnu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi. Dawk li joqogħdu jikkalkulaw u jqisu mitt darba sal-punt tat-turment qabel ma jagħmlu xi pass”.[vi] Lil Ġesù ma nistgħux inweġbuh skont il-kalkoli u l-konvenjenzi tal-mument; irridu nweġbuh bl-“iva” ta’ ħajjitna kollha. Hu ma jfittixx ir-riflessjonijiet tagħna, imma l-konverżjoni ta’ ħajjitna. Jimmira għall-qalb.

 

Dan tissuġġerihulna l-istess Kelma ta’ Alla. Fl-Ewwel Qari, Kristu Rxoxt idur fuq Sawl u ma joqgħodx jipproponilu raġunamenti sottili, imma jitolbu jirriskja ħajtu. Jgħidlu: “Issa qum u idħol il-belt, u hemmhekk jgħidulek x’għandek tagħmel” (Atti 9:6). Qabelxejn: “Qum”. L-ewwel ħaġa evita li tibqa’ fl-art, li tirrassenja ruħek għall-ħajja, tibqa’ maħkum mill-biża’. Kemm drabi Dun Tonino kien itenni: “Bilwieqfa!”, għax “quddiem l-Irxoxt ma tistax toqgħod jekk mhux bilwieqfa”.[vii] Dejjem erġa’ qum, ħares ’il fuq, għax l-appostlu ta’ Ġesù ma jistax jgħaddiha b’sodisfazzjonijiet ċkejknin.

 

Il-Mulej imbagħad lil Sawl jgħidlu: “Idħol il-belt”. Anki lil kull wieħed u waħda minna: “Mur, tibqax magħluq fl-ispazji komdi tiegħek, irriskja!”. “Irriskja!”. Il-ħajja Nisranija rridu ninvestuha għal Ġesù u ngħadduha fil-qadi tal-oħrajn. Wara li tkun iltqajt mal-Irxoxt, ma tistax tistenna, ma tistax tħalli għal darb’oħra; trid tmur, toħroġ, minkejja l-problemi u d-dubji kollha. Naraw, ngħidu aħna, kif Sawl, wara li tkellem ma’ Ġesù, imqar jekk agħma, qam u daħal il-belt. Naraw lil Ħananija li, imqar jekk imbeżżgħa u ħosbien, jgħid: “Hawn jien, Mulej!” (v. 10) u jmur dritt għand Sawl. Aħna lkoll imsejħin, f’kull qagħda li nsibu ruħna fiha, inwasslu t-tama tal-Għid, inkunu “Ċirinej tal-ferħ”, kif kien iħobb jgħid Dun Tonino; qaddejja tad-dinja, imma nies tal-Irxoxt, mhux impjegati. Mingħajr qatt intawlu gdiedem sal-art, mingħajr qatt nirrassenjaw ruħna. Kemm hu sabiħ li nkunu “kurriera tat-tama”, li b’sempliċità u ferħ inxerrdu l-Hallelujah tal-Għid.

 

Fl-aħħar Ġesù lil Sawl jgħidlu: “Jgħidulek x’għandek tagħmel”. Sawl, bniedem deċiż u assertiv, jiskot u jmur, doċli għall-Kelma ta’ Ġesù. Jaċċetta li jobdi, isir pazjenti, jifhem li ħajtu m’għadhiex tiddependi minnu nnifsu. Jitgħallem l-umiltà. Għax li tkun umli ma jfissirx li tkun ċapsa jew toqgħod għal kollox, imma doċli għal Alla u mhux mimli bik innifsek. Hekk anki l-umiljazzjonijiet, bħal dik li ġarrab Sawl mal-art fit-triq ta’ Damasku, isiru providenzjali, għax ineżżgħuna mill-preżunzjonijiet u jħallu lil Alla jerġa’ jqajjimna. U l-Kelma ta’ Alla hekk tagħmel: teħles, terġa’ tqajjem, tmexxina ’l quddiem, umli imma fl-istess ħin kuraġġjużi. Ma tagħmilniex protagonisti affermati u kampjuni tal-bravuri tagħna, le, imma xhieda ġenwini ta’ Ġesù, li miet u rxoxta, fid-dinja.

 

Ħobż u Kelma. Għeżież ħuti, f’kull quddiesa aħna nieklu mill-Ħobż tal-ħajja u mill-Kelma li ssalva: ejjew ngħixu dak li niċċelebraw! Hekk, bħal Dun Tonino, inkunu għejun ta’ tama, ta’ ferħ u ta’ paċi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[i] Configurati a Cristo capo e sacerdoteCirenei della gioia, 2004, 54-55.

[ii] Sono credibili le nostre Eucarestie?Articoli, corrispondenze, lettere, 2003, 236.

[iii] Servi nella Chiesa per il mondoivi, 103-104.

[iv] La non violenza in una società violentaScritti di pace, 1997, 66-67.

[v] La pace come ricerca del voltoOmelie e scritti quaresimali, 1994, 317.

[vi] Lievito vecchio e pasta nuovaVegliare nella notte, 1995, 91.

[vii] L-aħħar tislima fi tmiem il-Quddiesa taż-Żjut, 8 ta’ April 1993.