QUDDIESA IN CŒNA DOMINI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Ħabs ta’ Velletri (Ruma)

Ħamis ix-Xirka, 18 ta’ April 2019

 

Insellmilkom ilkoll u nirringrazzjakom li lqajtuni għandkom.

 

Irċivejt ittra sabiħa, xi jiem ilu, minn xi wħud minnkom li llum mhumiex hawn, imma qaluli affarijiet sbieħ wisq u ngħidilhom grazzi għal dak li kitbu.

 

F’din it-talba ninsab magħqud ħafna magħkom: dawk li qegħdin hawn u dawk li mhumiex.

 

Smajna x’għamel Ġesù. Interessanti. Jgħid il-Vanġelu: “Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh”, jiġifieri Ġesù kellu s-setgħa kollha, kollox. U mbagħad, jibda jagħmel dan il-ġest tal-ħasil tar-riġlejn. Hu ġest li kienu jagħmluh l-ilsiera f’dak iż-żmien, għax ma kienx hemm asfalt fit-toroq u n-nies, xħin tasal, kien ikollha t-trab ma’ saqajha; meta kienu jaslu f’dar għal żjara jew għall-ikel, kien ikun hemm l-ilsiera u jaħslulhom saqajhom. U Ġesù jagħmel dan il-ġest: jaħsel is-saqajn. Jagħmel ġest ta’ lsir: hu, li kellu s-setgħa kollha f’idejh, hu, li kien il-Mulej, jagħmel il-ġest ta’ lsir. U mbagħad jagħti parir lil kulħadd: “Dan il-ġest agħmluh intom ukoll bejnietkom”. Jiġifieri aqdu lil xulxin, kunu aħwa fil-qadi, mhux fl-ambizzjoni, bħal ta’ min jaħkem fuq l-ieħor jew ta’ min iżeblaħ lill-ieħor, le, kunu aħwa fil-qadi. Int għandek bżonn ta’ xi ħaġa, ta’ servizz? Nagħmilhulek jien. Din hi l-fraternità. Il-fraternità hi umli, dejjem: qiegħda hemm għall-qadi. U jien se nagħmel dan il-ġest – il-Knisja trid li l-Isqof jagħmlu kull sena, darba fis-sena, tal-inqas nhar Ħamis ix-Xirka – biex jimita l-ġest ta’ Ġesù u anki biex jagħti eżempju tajjeb anki lilu nnifsu, għax l-Isqof mhuwiex l-iżjed importanti, imma għandu jkunu l-iktar li jaqdi. U kull wieħed minna għandu jkun qaddej tal-oħrajn.

 

Din hi r-regola ta’ Ġesù u r-regola tal-Vanġelu: ir-regola tal-qadi, mhux ta’ min jaħkem, ta’ min jagħmel il-ħsara, ta’ min jumilja lill-oħrajn. Qadi! Darba minnhom, meta l-Appostli kienu qed jitlewmu bejniethom, jiddiskutu “min hu l-iżjed importanti fostna”, Ġesù ħa tfajjel u qalilhom: “It-tfajjel. Jekk qalbkom ma tkunx qalb ta’ tfajjel ċkejken, m’intomx dixxipli tiegħi”. Qalb ta’ tfajjel, sempliċi, umli, imma li jaqdi. U hemm iżid ħaġa interessanti li nistgħu norbtuha ma’ dan il-ġest tal-lum. Jgħid: “Attenti: il-mexxejja tan-Nazzjonijiet jaħkmu, imma fostkom m’għandux ikun hekk. L-ikbar fostkom għandu jaqdi lill-iżgħar. Min iħossu li hu l-ikbar, għandu jkun qaddej ta’ kulħadd”. Anki aħna lkoll għandna nkunu qaddejja. Hu minnu li fil-ħajja niltaqgħu ma’ problemi: nitlewmu bejnietna… imma din għandha tkun ħaġa li tgħaddi, għax f’qalbna għandu jkun hemm dejjem din l-imħabba li naqdu lill-oħrajn, li nkunu għall­-qadi tal-oħrajn.

 

U dan il-ġest li se nagħmel illum ħa jkun għalina lkoll ġest li jgħinna nkunu iżjed qaddejja ta’ xulxun, iżjed ħbieb, iżjed aħwa fil-qadi. B’dawn is-sentimenti, ejjew inkomplu ċ-ċelebrazzjoni bil-ħasil tar-riġlejn.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard