GĦASAR

FIL-FTUĦ TAL-OTTAVA TA’ TALB

GĦALL-GĦAQDA TAL-INSARA

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ San Paolo fuori le Mura

Il-Ġimgħa 18 ta’ Jannar 2019

 

Illum fetħet il-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda bejn l-Insara, li fiha aħna lkoll mistiedna nitolbu lil Alla dan id-don kbir. L-għaqda tal-Insara hi frott tal-grazzja ta’ Alla u aħna jeħtieġ niddisponu ruħna biex nilqgħuha b’qalb ġeneruża u miftuħa. Illejla nħossni partikularment kuntent li qed nitlob flimkien mar-rappreżentanti tal-Knejjes l-oħra preżenti Ruma, li minn qalbi nsellmilhom. Insellem ukoll lid-Delegazzjoni ekumenika tal-Fillandja, lill-istudenti tal-Ecumenical Institute of Bossey, li qed iżuru Ruma biex jinżlu iktar fil-fond tal-għarfien tagħhom tal-Knisja Kattolika, u liż-żgħażagħ Ortodossi u Ortodossi Orjentali li qed jistudjaw hawnhekk bl-għajnuna tal-Kumitat tal-Kollaborazzjoni Kulturali mal-Knejjes Ortodossi, li jaħdem fi ħdan il-Kunsill għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara.

 

Il-ktieb tad-Dewteronomju jistħajjel lill-poplu ta’ Iżrael bil-kamp tiegħu fuq il-pjanuri ta’ Mowab, wasal biex jidħol fl-Art li Alla wiegħdu. Hawn Mosè, bħala missier attent u mexxej maħtur mill-Mulej, itenni l-Liġi lill-poplu, jgħallmu u jfakkru li għandu jgħix b’fedeltà u ġustizzja meta jkun daħal joqgħod fl-art imwiegħda.

 

Is-silta li għadna kemm smajna tagħti l-indikazzjonijiet fuq kif għandhom jiġu ċċelebrati t-tliet festi ewlenin tas-sena: il-Pesach (l-Għid), ix-Shavuot (Għid il-Ħamsin), u Sukkot (l-Għerejjex). Kull waħda minn dawn il-festi ssejjaħ lil Iżrael għall-gratitudni għall-ġid li rċieva mingħand Alla. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ festa titlob is-sehem ta’ kulħadd. Ħadd ma jista’ jiġi mwarrab: “U tifraħ quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, int u wliedek, subien u bniet, l-ilsir u l-ilsira tiegħek, il-Levita li jkun fi blietek, u l-barrani, l-iltim u l-armla, li jkunu f’nofsok fil-post li jkun għażel il-Mulej biex iqiegħed ismu fih” (Dewt 16:11).

 

Għal kull festa hemm bżonn pellegrinaġġ “fil-post li jagħżel il-Mulej li jqiegħed ismu fih” (v. 2). Hemm, l-Iżraelita fidil għandu joqgħod quddiem il-Mulej. Minkejja li kull Iżraelita kien ilsir fl-Eġittu, mingħajr ma kellu xejn tiegħu, “m’għandux jidher quddiem il-Mulej idu f’idu” (v. 16) u l-għotja ta’ kull wieħed għandha tkun skont il-qies tal-barka li l-Mulej tah. Mela kulħadd se jirċievi s-sehem tiegħu mill-għana tal-pajjiż u jibbenefika mit-tjieba ta’ Alla.

 

M’għandux jissorprendina l-fatt li t-test bibliku miċ-ċelebrazzjoni tat-tliet festi ewlenin jgħaddi għall-ħatra tal-imħallfin. L-istess festi jsejħu lill-poplu għall-ġustizzja, u jfakkru fl-ugwaljanza fundamentali bejn il-membri kollha, kollha dipendenti bl-istess mod mill-ħniena divina, u jsejjaħ lil kull wieħed u waħda biex jaqsam mal-oħrajn il-ġid li rċieva. Il-ġieħ u l-glorja mogħtija lill-Mulej fil-festi tas-sena jimxu id f’id mal-ġieħ u l-ġustizzja mal-proxxmu, fuq kollox jekk hu dgħajjef u fil-bżonn.

 

L-Insara tal-Indoneżja, fir-riflessjoni tagħhom fuq l-għażla tat-tema għal din il-Ġimgħa ta’ Talb, iddeċidew li jħallu jnebbħuhom dawn il-kelmiet tad-Dewteronomju: Għandek tfittex il-ġustizzja, u l-ġustizzja biss (16:20). Huma mħassbin għall-mod kif it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżhom, immexxi mil-loġika tal-kompetizzjoni, qed iħalli lil ħafna fil-faqar, u jagħti biss lill-ftit li jistagħnew bil-kbir. U dan b’riskju għall-armonija ta’ soċjetà fejn persuni ta’ diversi etniji, ilsna u twemmin qed jgħixu flimkien, u jaqsmu fl-istess sens ta’ responsabbiltà reċiproka.

 

Imma dan ma jgħoddx biss għall-Indoneżja: din is-sitwazzjoni qed narawha fil-bqija tad-dinja. Meta s-soċjetà ma jibqgħalhiex bħala fundament il-prinċipju tas-solidarjetà u tal-ġid komuni, naraw l-iskandlu ta’ persuni li jgħixu fil-faqar estrem maġenb il-binjiet għoljin, il-lukandi imponenti u ċ-ċentri kummerċjali lussużi, simboli ta’ għana mill-akbar. Insejnieh dak l-għerf tal-Liġi ta’ Mosè, li jgħallimna kif, jekk l-għana ma jiġix maqsum bejn kulħadd, is-soċjetà tinqasam.

 

San Pawl, meta jikteb lir-Rumani, japplika l-istess loġika għall-komunità Nisranija: dawk li huma b’saħħithom għandhom jieħdu ħsieb tad-dgħajfa. Ma nkunux inġibu ruħna ta’ Nsara meta “nfittxu nogħġbu lilna nfusna” (15:1). Fuq l-eżempju ta’ Kristu, fil-fatt, jeħtieġ nagħmlu ħilitna biex nedifikaw lil dawk li huma dgħajfa. Is-solidarjetà u r-responsabbiltà komuni għandhom ikunu l-liġijiet li jrieġu l-familja Nisranija.

 

Bħala poplu qaddis ta’ Alla, anki aħna ninsabu dejjem fuq il-punt li nidħlu fis-Saltna li l-Mulej wegħedna. Imma, għax aħna mifruda bejnietna, għandna bżonn niftakru fis-sejħa għall-ġustizzja li jagħmlilna Alla. Anki bejn l-Insara hemm ir-riskju li tgħolli rasha l-loġika li kienu jafu l-Iżraeliti fiż-żminijiet ta’ dari u tant popli żviluppati llum il-ġurnata, jiġifieri li, fit-tentattiv biex ingeddsu l-ġid u l-għana, ninsew id-dgħajfa u dawk li huma fil-ħtieġa. Faċli ninsew l-ugwaljanza fundamentali li teżisti bejnietna: li fil-bidu konna kollha lsiera tad-dnub u li l-Mulej salvana fil-Magħmudija, u sejħilna wliedu. Faċli naħsbu li l-grazzja spiritwali li rċivejna hi proprjetà tagħna, xi ħaġa li nimmeritawha bi dritt u li hi tagħna. Barra dan, hu possibbli li d-doni li rċivejna mingħand Alla jagħmulna għajnejna għad-doni li hu qassam lil Insara oħra. Hu dnub gravi li nbaxxu jew inżebilħu d-doni li l-Mulej ta lil aħwa oħra, għax naħsbu li dawn ġew b’xi mod ipprivileġġjati inqas minn Alla. Jekk għandna ħsibijiet bħal dawn, qed nippermettu li l-istess grazzja li rċivejna mingħand Alla ssir għajn ta’ kburija bina nfusna, ta’ inġustizzja u ta’ firda. U hekk kif nistgħu nidħlu fis-Saltna mwiegħda?

 

Il-kult li jixirqilha dik is-Saltna, il-kult li titlob il-ġustizzja, hu festa li fiha jieħu sehem kulħadd, festa fejn id-doni milqugħa jsiru aċċessibbli u jinqasmu bejn kulħadd. Biex immiddu l-ewwel passi lejn dik l-art imwiegħda li hi l-għaqda ta’ bejnietna, jeħtieġ qabelxejn nagħrfu b’umiltà li l-barkiet li rċivejna mhumiex tagħna b’xi dritt imma huma tagħna b’don, u li ngħatawlna biex naqsmuhom mal-oħrajn. It-tieni, jeħtieġ nagħrfu l-valur tal-grazzja mogħtija lil komunitajiet Insara oħra. Konsegwentement, nibdew nixtiequ nipparteċipaw fid-doni tal-oħrajn. Poplu Nisrani mġedded u mogħni b’dan il-qsim ta’ doni jkun poplu li kapaċi jimxi b’pass sod u fiduċjuż fit-triq li twassal għall-għaqda.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard