Dan il-Ħadd il-Knisja tantiċipa xi ftit il-ferħ tal-Milied, u għalhekk jissejjaħ “Ħadd il-ferħ”.  F’dan iż-żmien ta’ tħejjija għall-Milied, għall-Quddiesa nilbsu l-vjola, imma l-lum għandna dan l-ilbies roża, għax beda jwarrad il-ferħ tal-Milied.  U l-ferħ tal-Milied hu ferħ speċjali; imma hu ferħ li ma jtulx biss għal nhar il-Milied, għax hu għall-ħajja kollha tan-Nisrani.  Hu ferħ seren, ħiemed, ferħ li dejjem isieħeb lin-Nisrani.  Anki fil-waqtiet iebsin, fil-waqtiet ta’ diffikultà, dan il-ferħ ikun hemm u jissarraf f’paċi.  In-Nisrani, jekk hu veru Nisrani, ma jitlef qatt il-paċi f’qalbu, lanqas fit-tbatija.  Dik il-paċi hi don tal-Mulej.  Il-ferħ Nisrani hu don tal-Mulej.  “Eħħ, Dun, aħna nagħmlu pranzu tajjeb, u kulħadd ikun kuntent”.  Din ħaġa sabiħa, pranzu tajjeb ma jagħmilx ħażin; imma m’hux dan il-ferħ Nisrani li dwaru qed nitkellmu l-lum, il-ferħ Nisrani hu ħaġa oħra.  Iwassalna anki biex nagħmlu festa, veru, imma hu ħaġa oħra.  U għalhekk il-Knisja trid turina liema hu dan il-ferħ Nisrani.

 

L-Appostlu San Pawl lit-Tessalonkin jgħidilhom: “Ħuti, ifirħu dejjem”.  U kif nista’ nkun ferħan?  Hu jgħid: “Itolbu bla heda, u f’kollox roddu ħajr lil Alla”.  Il-ferħ Nisrani nsibuh fit-talb, jiġi mit-talb u anki mir-radd ta’ ħajr tagħna lil Alla: “Grazzi, Mulej, ta’ tant ħwejjeġ sbieħ!”.  Imma hemm persuni li ma jafux jirringrazzjaw lil Alla: dejjem ifittxu fuq xiex igergru.  Kont naf soru – ’il bogħod minn hawn! – u din is-soru kienet twajba, kienet tħabrek… imma ħajjitha kienet tgħaddiha tgerger, tgerger fuq kull ma jiġri…  Fil-kunvent kienu jsejħulha “Swor Lamentela”, tifhem għaliex.  Imma n-Nisrani ma jistax ikun li jgħix hekk, dejjem jara kif kif ħa jgerger: “Dak għandu xi ħaġa li jien m’għandix, dak…  Rajt x’ġara?…”.  Dan m’hux atteġġjament Nisrani!  U ħażin li hemm Insara b’wiċċ l-askri, b’wiċċ imkemmex bid-dwejjaq, li ma jafx bi sliem.  Qatt, qatt ma kien hemm qaddis jew qaddisa li kellhom wiċċ funebri, qatt!  Il-qaddisin dejjem b’wiċċhom ferħan.  Jew ta’ l-inqas, fit-tbatija, wiċċ sielem.  L-ogħla tbatija, il-martirju ta’ Ġesù: Hu kellu dik il-paċi fuq wiċċu u ħsiebu kien fl-oħrajn: f’ommu, fi Ġwanni, fil-ħalliel… kien moħħu fl-oħrajn.

 

Biex ikollna dan il-ferħ Nisrani, l-ewwel irridu nitolbu; it-tieni, irroddu ħajr.  U kif nagħmel biex irrodd ħajr?  Ħares lura lejn ħajtek, u aħseb f’tant ħwejjeġ tajbin li tatek il-ħajja: tant.  “Dun, veru li qed tgħid, imma jien ġarrabt ukoll tant azzjonijiet ħżiena!” – “Iva, veru, dan jiġri lil kulħadd.  Imma int aħseb fil-ħwejjeġ tajba” – “Jien kbirt f’familja Nisranija, kelli ġenituri Nsara, għall-grazzja ta’ Alla għandi xogħol, il-familja tiegħi m’hix tbati ġuħ, kollha b’saħħitna…”.  Ma nafx, imma hemm tant affarijiet, u rodd ħajr lil Alla tagħhom.  U hekk nidraw nifirħu.  Nitolbu, irroddu ħajr…

 

U mbagħad, l-Ewwel Qari jissuġġerilna dimensjoni oħra li tista’ tgħinna niksbu l-ferħ: li nwasslu lill-oħrajn l-aħbar it-tajba.  Aħna Kristjani.  “Kristjani” ġejja minn “Kristu”, u “Kristu” jfisser “il-midluk”.  U aħna “midluka”: l-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani bid-dilka tiegħu.  Aħna midlukin: Kristjani tfisser “midluka”.  U għal xiex ġejna midlukin?  Biex nagħmlu xiex?  “Bagħatni nwassal il-bxara t-tajba” lil min?  “Lill-fqajrin”, “indewwi l-ġrieħi lill-qlub miksura, inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, lill-ħabsin il-ħelsien mill-ħabs, biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej” (ara Is 61:1-2).  Din hi l-vokazzjoni ta’ Kristu u anki l-vokazzjoni ta’ l-Insara.  Li mmorru għand l-oħrajn, għand dawk li għandhom bżonn, kemm ħtiġijiet materjali, kemm spiritwali…  Tant nies li qed tbati minħabba fi problemi familjari…  Inwasslu l-paċi hemm, inwasslu d-dilka ta’ Ġesù, dak iż-żejt ta’ Ġesù li jagħmel tant ġid u jfarraġ ir-ruħ.

 

Mela, biex ikollna dan il-ferħ fit-tħejjija tagħna għall-Milied, l-ewwel irridu nitolbu: “Mulej, agħmel li ngħix dan il-Milied bil-veru ferħ”.  Mhux bil-ferħ tal-konsumiżmu li jwassalna sa l-24 ta’ Diċembru mimlijin tensjoni, għax “fadalli din, fadalli dik…”.  Le, dan m’hux il-ferħ ta’ Alla.  Nitolbu.  It-tieni: irroddu ħajr lill-Mulej għall-ħwejjeġ tajba li tana.  It-tielet, naħsbu kif nistgħu noħorġu niltaqgħu ma’ l-oħrajn, ma’ dawk li għandhom id-diffikultajiet, il-problemi – naħsbu fil-morda, f’tant problemi – biex inwasslulhom ftit tad-dilka, tal-paċi, tal-ferħ.  Dan hu l-ferħ tan-Nisrani.  Ftehimna?  Bilkemm fadal ħmistax, ftit inqas: tlettax-il jum.  F’dawn il-jiem, nitolbu.  Imma tinsewx: nitolbu li jkollna l-ferħ tal-Milied.  Irroddu ħajr lil Alla għal tant ħwejjeġ li tana, qabel xejn il-fidi.  Din hi grazzja kbira.  It-tielet, naħseb ftit fejn nista’ mmur biex inwassal ftit tas-serħan, ta’ paċi lil dawk li qed ibatu.  Talb, radd il-ħajr u għajnuna lill-oħrajn.  U hekk naslu għall-Milied tal-Midluk, ta’ Kristu, midluka bil-grazzja, bit-talb, bl-azzjoni ta’ grazzja u ta’ għajnuna lill-oħrajn.

 

Il-Madonna timxi magħna tul din it-triq li twassal għall-Milied.  Imma ftakru: ifirħu, ifirħu!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard