ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM

U L-PASSJONI TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Pjazza San Pietru

L-XXXIV Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Il-Ħadd 14 ta’ April 2019

 

L-għajat ta’ tifħir fid-daħla f’Ġerusalemm u l-umiljazzjonijiet ta’ Ġesù. L-għajat ta’ festa u l-qilla feroċi. Dan il-misteru doppju jsieħeb ta’ kull sena d-dħul tagħna fil-Ġimgħa Mqaddsa, fiż-żewġ mumenti karatteristiċi ta’ din iċ-ċelebrazzjoni: il-purċissjoni bil-friegħi tal-palm u taż-żebbuġ u mbagħad il-qari solenni tar-rakkont tal-Passjoni.

 

Ejjew nidħlu f’din l-azzjoni animata mill-Ispirtu s-Santu, biex niksbu dak li tlabna fit-talba: li nsieħbu bil-fidi lill-Feddej tagħna fit-triq tiegħu u li nżommu dejjem quddiem għajnejna t-tagħlim kbir tal-Passjoni tiegħu bħala mudell ta’ ħajja u ta’ rebħa kontra l-ispirtu tal-ħażen.

 

Ġesù jurina kif għandna naffrontaw il-mumenti diffiċli u t-tentazzjonijiet l-aktar perikulużi, biex inħarsu fil-qalb tagħna paċi li mhijiex distakk, mhix l-atteġġjament ta’ xi ħadd passiv jew li jaħseb li jiflaħ għal kollox, imma hi telqa fiduċjuża f’idejn il-Missier u r-rieda tiegħu ta’ salvazzjoni, ta’ ħajja, ta’ ħniena; u, fil-missjoni kollha tiegħu, hu għadda mit-tentazzjoni li “jagħmel l-opra tiegħu” billi jagħżel hu l-mod kif u jinħall mill-ubbidjenza tal-Missier. Sa mill-bidu, fit-taqbida ta’ erbgħin jum fid-deżert, sal-aħħar, fil-Passjoni, Ġesù jwarrab minnu din it-tentazzjoni bil-fiduċja ubbidjenti fil-Missier.

 

Illum ukoll, fid-daħla tiegħu f’Ġerusalemm, hu jurina t-triq. Għax f’dik il-ġrajja l-ħażin, il-Prinċep ta’ din id-dinja kellu karta x’jilgħab: il-karta tat-trijonfaliżmu, u l-Mulej wieġeb billi baqa’ fidil għat-triq tiegħu, it-triq tal-umiltà.

 

It-trijonfaliżmu jfittex li jqarrbek lejn id-destinazzjoni permezz ta’ toroq iqsar, ta’ kompromessi foloz. Jimmira biex jirkeb il-karru tar-rebbieħ. It-trijonfaliżmu jgħix b’ġesti u bi kliem li m’għaddewx mill-forġa tas-salib; jikber bil-konfront mal-oħrajn għax dejjem jiġġudikahom agħar, difettużi, falluti… Għamla sottili ta’ trijonfaliżmu hi l-mondanità spiritwali, li hi l-ikbar periklu, l-agħar tentazzjoni li thedded lill-Knisja (De Lubac). Ġesù qered it-trijonfaliżmu bil-Passjoni tiegħu.

 

Il-Mulej tassew qasam u feraħ mal-poplu, maż-żgħażagħ li kienu qed jgħajtu ismu u jsejħulu Sultan u Messija. Qalbu ferħet tara l-ħeġġa u l-festa tal-foqra ta’ Iżrael. Tant li, lil dawk il-Fariżej li talbuh iċanfar lid-dixxipli tiegħu għal dak il-kliem skandaluż ta’ tifħir, hu weġibhom: “Jekk jisktu dawn, jgħajjat il-ġebel” (Lq 19:40). L-umiltà ma tfissirx tiċħad ir-realta, u Ġesù hu tassew il-Messija, hu tassew is-Sultan.

 

Imma fl-istess ħin il-qalb ta’ Kristu tinsab fi triq oħra, fit-triq imqaddsa li hu u l-Missier biss jafu: dik li min-“natura ta’ Alla” twassal għan-“natura ta’ lsir”, it-triq tal-umiljazzjoni fl-ubbidjenza “sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:6-8). Huwa jaf li biex jasal għat-trijonf veru jeħtieġ jagħmel wisa’ lil Alla; u biex jagħmel wisa’ lil Alla hemm biss mod wieħed: li jixxejjen, iċekken lilu nnifsu. Jiskot, jitlob, jiċċekken. Għeżież ħuti, mas-salib ma nistgħux ninnegozjaw: jew inħaddnuh magħna jew niċħduh. U bl-umiljazzjoni tiegħu Ġesù ried jiftħilna t-triq tal-fidi u jimxi qabilna fiha.

 

Warajh, l-ewwel li mxietha kienet l-Omm tiegħu, Marija, l-ewwel dixxiplu. Il-Verġni u l-qaddisin kellhom ibatu biex setgħu jimxu fil-fidi u fir-rieda ta’ Alla. Quddiem il-ġrajjiet ibsin u ta’ tbatija tal-ħajja, it-tweġiba bil-fidi tiswa “għeja partikulari tal-qalb” (ara San Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Redemptoris Mater, 17). Hu l-lejl tal-fidi. Imma minn dan il-lejl biss ifeġġ is-sebħ tal-qawmien. F’riġlejn is-salib, Marija reġgħet ħasbet fil-kelmiet li bihom l-Anġlu kien ħabbrilha lil Binha: “Ikun kbir […]; il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem” (Lq 1:32-33). Marija fuq il-Golgota ssib ruħha quddiem iċ-ċaħda totali ta’ dik il-wegħda: Binha qed imut fuq salib bħal wieħed ħażin. Hekk it-trijonfaliżmu, meqrud mill-umiljazzjoni ta’ Ġesù, ukoll ġie meqrud fil-qalb tal-Omm; it-tnejn li huma għarfu jisktu.

 

Ibda minn Marija, għadd kbir ta’ qaddisin imxew wara Ġesù fit-triq tal-umiltà u fit-triq tal-ubbidjenza. Illum, Jum Dinji taż-Żgħażagħ, nixtieq infakkar f’tant qaddisin żgħażagħ, speċjalment dawk “tal-bieb ta’ maġenbna”, li Alla biss jaf min huma, u li xi drabi hu jieħu pjaċir jiżvelalna b’sorpriża. Għeżież żgħażagħ, la tistħux turu l-ħeġġa tagħkom għal Ġesù, tgħajtu li Hu jgħix, li hu l-ħajja tagħkom. Imma fl-istess waqt tibżgħux timxu warajh fit-triq ta-salib. U meta tħossu li qed jitlobkom tiċħdu lilkom infuskom, tinżgħu ċ-ċertezzi tagħkom, tafdaw ruħkom għalkollox lill-Missier li hu fis-Sema, allura, għeżież żgħażagħ, ifirħu u thennew! Tinsabu fit-triq tas-Saltna ta’ Alla.

 

Għajat ta’ festa u qilla feroċi; impressjonanti s-skiet ta’ Ġesù fil-Passjoni tiegħu, jegħleb imqar it-tentazzjoni li jwieġeb, li jkun “medjatiku”. Fil-mumenti ta’ dalma u tiġrib kbir hemm bżonn nisktu, ikollna l-kuraġġ nisktu, sakemm dan ikun skiet manswet u mhux ta’ korla. Il-ħlewwa tas-skiet ħa turina iktar dgħajfa, iktar umiljati, u hemm id-demonju jagħmel il-qalb u joħroġ fil-beraħ. Jeħtieġ niqfulu fis-skiet, “inżommu l-pożizzjoni tagħna”, imma bl-istess atteġġjament ta’ Ġesù. Hu jaf li l-gwerra hi bejn Alla u l-Prinċep ta’ din id-dinja, u li mhux nisiltu s-sejf irridu, imma nibqgħu kalmi, sħaħ fil-fidi. Din hi s-siegħa ta’ Alla. U fis-siegħa li Alla jinżel għall-battalja, jeħtieġ inħalluh jaħdem. Il-post żgur tagħna jkun taħt il-mant tal-Omm Imqaddsa ta’ Alla. U waqt li nistennew li l-Mulej jiġi u jikkalma t-tempesta (ara Mk 4:37-41), bix-xhieda siekta tagħna fit-talb, noffru lilna nfusna u lill-oħrajn “l-għaliex tat-tama li hemm fina” (1 Pt 3:15). Dan jgħinna ngħixu fit-tensjoni mqaddsa bejn il-memorja tal-wegħdiet, ir-realtà tal-qilla preżenti fis-salib u t-tama tal-qawmien.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard