OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

QUDDIESA U KANONIZZAZZJONI

VII ĦADD TAL-GĦID

Pjazza San Pietru - 12 ta’ Mejju 2013

 

Għeżież Ħuti!

F’dan is-7 Ħadd ta’ Żmien il-Għid ninsabu ferħana miġburin biex niċċelebraw il-festa tal-qdusija.  Inroddu ħajr lil Alla li wera d-dija tal-glorja tiegħu, il-glorja tal-Imħabba, fuq il-Martri ta’ Otranto, fuq Madre Laura Montoya u fuq Madre Marija Guadalupe Garcia Zavala.  Insellem lilkom ilkoll li ġejtu għal din il-festa – mill-Italja, mill-Colombia, mill-Messico, u minn pajjiżi oħrajn – u nroddilkom ħajr!

 

Nixtiequ nħarsu lejn il-Qaddisin ġodda fid-dawl tal-Kelma t’Alla mxandra.  Din hija Kelma t’Alla li stednitna għal fedelta’ lejn Kristu, anke sal-Martirju; u fakkritna mill-ġdid fl-urġenza u fis-sbuħija li nwasslu ‘l Kristu u l-Evanġelju tiegħu lil kulħadd; u kellmitna dwar ix-xhieda tal-imħabba li mingħajrha kemm il-martirju kif ukoll il-missjoni jitilfu kull togħma nisranija.

L-Atti tal-Appostli, meta jkellmuna mid-djaknu Stiefnu, l-ewwel martri, jinsistu jtennulna li hu kien bniedem “mimli bl-Ispirtu s-Santu” (6,5; 7,55).  Xi jfisser dan?  Ifisser li huwa kien mimli bl-Imħabba t’Alla, li l-persuna kollha tiegħu, il-ħajja tiegħu kienu mogħtija r-ruħ mill-Ispirtu ta’ Kristu Mqajjem mill-imwiet, b’mod li hu seta’ jimxi wara Ġesu’ bil-fedelta’ sħiħa sal-għotja tiegħu nnifsu.

Illum il-Knisja tipproponielna għall-qima tagħna għadd kbir ta’Martri li kienu msejħin flimkien biex fl-1480 jagħtu x-xhieda l-aktar għolja tal-Evanġelju.  Kienu madwar 800 persuna li baqgħu ħajjin fl-assedju wara l-invażjoni ta’ Otranto u kellhom rashom maqtugħa fil-qrib ta’ dik il-belt.  Huma ma aċċettawx li jiċħdu l-fidi proprja tagħhom u mietu jistqarru l-Kristu Rxuxtat.  Fejn sabu l-qawwa biex jibqgħu fidili?  Sgur fil-fidi li tara ‘l hemm mill-limiti tal-ħarsa tagħna bħala bnedmin, lil hemm minn tmiem il-ħajja f’din l-art, li tgħinna nikkontemplaw “is-smewwiet miftuħa” – kif itenni San Stefnu – u lil Kristu ħaj fuq il-lemin tal-Missier.  Għeżież ħbieb tiegħi, ngħożżu dil-fidi li rċivejna u li hija l-veru teżor, inġeddu l-fedelta tagħna għall-Mulej, anke qalb it-tfixkil u meta nsibu ruħna mhux mifhmuha; Alla ma jonqosna qatt fil-qawwa u s-serenita’.

Fil-waqt li nagħtu qima lill-Martri ta’ Otranto, nitolbu ‘l Alla li jagħti l-qawwa lil tant insara li, proprju f’dawn iż-żminijiet u f’tant pajjiżi fid-dinja, illum ukoll qegħdin isofru vjolenza; nitolbuh ukoll jagħtihom il-kuraġġ tal-fedelta’ u li jwieġbu l-ħażin bit-tajjeb.

It-tieni ħsieb nistgħu nieħduh mill-kelmiet ta’ Ġesu’ li smajna mill-Evanġelju: “Nitlob għal dawk li għad jemmnu  bis-saħħa tal-kelma tagħhom; nitolbok li jkunu lkoll  ħaġa waħda.  Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina” (Ġw 17, 20).  Santa Laura Montoya kienet strument ta’ evanġelizzazzjoni l-ewwel bħala għalliema u wara bħala omm spiritwali tal-indiġeni, li fihom nisslet tama waqt li kienet tilqagħhom bl-imħabba li ħadet minn Alla u twassalhom għandu b’qawwa kbira pedagoġika li kienet tirrispetta l-kultura tagħhom bla ma kienet kontra l-istess kultura.  Fil-ħidma tagħha ta’ evanġelizzazzjoni, Madre Laura ingħatat kollha kemm hi tassew skont l-espressjoni ta’ San Pawl (ara IKor 9, 22).  Illum ukoll l-ulied spiritwali tagħha jgħixu u jwasslu l-Evanġelju f’dawk il-postijiet l-aktar minsijin u ta’ ħtieġa; hekk huma jkunu bħala preżenza ta’ quddiem nett tal-Knisja.

Din l-ewwel qaddisa imwielda fl-art sabiħa tal-Colombia tgħallimna li nkunu ġenerużi m’Alla, ma ngħixux il-fidi weħidna – bħallikieku kien possibbli tgħix il-fidi għalik waħdek – imma li ngħadduha lill-oħrajn, ngħaddu l-ferħ tal-Evanġelju bil-kelma u bix-xhieda tal-ħajja f’kull ambjent li fih inkunu ninsabu.  F’kull post li fih ngħixu, inwasslu r-raġġi ta’ dil-ħajja tal-Evanġelju!  Hija tgħallimna naraw il-wiċċ ta’ Ġesu’ li jidher jirrifletti fl-ieħor jew l-oħra, li nirbħu l-indifferenza u l-individwaliżmu, li jherru l-komunitajiet insara u jherru lill-qlubna.  Hija tgħallimna wkoll nilqgħu lil kulħadd mingħajr preġudizzji, mingħajr diskriminazzjoni, mingħajr domandi għalxejn, bi mħabba sinċiera. Fil-waqt li nagħtu l-aħjar tagħna nfusna u fuq kollox naqsmu magħhom dak li għandna l-aktar prezzjuż, li m’humiex il-ħidmiet tagħna jew l-organizzazzjonijiet tagħna; Le!  Dak li għandna bħala l-aktar li jiswa huwa Kristu u l-Evanġelju tiegħu.

Fl-aħħarnett, it-tielet ħsieb.  Fl-Evanġelju tallum, Ġesu’ jitlob lill-Missier b’dawn il-kelmiet: “Jien għarrafthom ismek u għad ngħarrafhulhom iżjed, biex l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jiena fihom” (Ġw 17,26).  Il-fedelta’ sal-mewt tal-martri u x-xandir tal-Evanġelju lil kulħadd għandhom l-għeruq tagħhom fl-imħabba t’Alla li hija msawwba fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu (ara Rum 5,5) u fix-xhieda li għandna nagħtu għal din l-imħabba fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Santa Marija Guadalupe Garcia Zavala dan kienet tafu sewwa.  Hija ċaħdet il-ħajja komda – kemm ħsara ġġib il-ħajja komda, il-ġid;  il-qalb li nħalluha tiġi nfluwenzata mill-ispirtu tad-dinja tipparalizzana – fil-waqt li hija ċaħdet ħajja komda biex timxi fuq is-sejħa ta’ Ġesu’, u kienet tgħallem biex iħobbu l-faqar, biex tkun tista’ tħobb aktar lill-fqar u l-morda.  Madre Lupita kienet tinżel għarkupptejha fuq l-art tal-isptar quddiem il-morda u dawk abbandunati biex taqdihom bil-ħlewwa u bil-kompassjoni.  U din tissejjaħ: “tmiss il-ġisem ta’ Kristu”.  Il-fqar, l-abbandunati, il-morda, l-imwarrbin huma l-ġisem ta’ Kristu.  Madre Lupita kienet tmiss il-ġisem ta’ Kristu u tgħallimna dan il-mod kif inġibu ruħna: ma nistħux, ma nibżgħux, ma nħossux xi jbegħedna milli “mmissu l-ġisem ta’ Kristu”!  Madre Lupita fehmet xi jfisser dan li “tmiss il-ġisem ta’ Kristu”.  Illum ukoll, uliedha spiritwali ifittxu li jirriflettu l-imħabba t’Alla fl-opri tal-karita’ mingħajr ma jagħtu każ tas-sagrifiċċji waqt li jħabbtu wiċċhom bil-ħlewwa u b’perseveranza appostolika u bil-kuraġġ kollu jiffaċċjaw kull tfixkil.

Din il-qaddisa ġdida Messikana tistedinna li nħobbu kif Ġesu’ ħabbna, u dan ifisser li ma ningħalqux fina nfusna, fil-problemi tagħna, fl-ideat tagħna, fl-interessi tagħna, fi’din id-dinja żgħira li tant iġġibilna ħsara, imma noħorġu u mmorru niltaqgħu ma min jeħtieġ attenzjoni, mgħodrija, għajnuna, biex inwasslulhom qribhom l-imħabba mħeġġa uj ħerqana t’Alla; u dan nagħmluh b’ġesti ta’ delikatezza, interess sinċier u mħabba.

Il-fedelta’ għal Kristu u l-Evanġelju tiegħu, biex inwassluh bil-kelma u bil-ħajja, fil-waqt li nagħtu xhieda tal-imħabba t’Alla bl-imħabba tagħna, bil-karita’ tagħna lejn kulħadd: dawn huma eżempji li jdawwlu u tagħlim li joffrulna l-Qaddisin imxandra llum, imma li fl-istess waqt iqajmu wkoll mistoqsijiet lill-ħajjitna nisranija:  Kif jiena fidil għal Kristu? Inġorru magħna din il-mistoqsija biex naħsbu fuqha matul il-jum: Kif jiena fidil għal Kristu? Jiena kapaċi li “nuri” l-fidi tiegħi bir-rispett, imma wkoll bil-kuraġġ?  Jiena attent għall-oħrajn, nittendi min huwa fil-bżonn, nara f’kulħadd aħwa li rrid inħobb?  Nitolbu, bl-interċessjoni tal-Beata Verġni Marija u tal-Qaddisin ġodda, li l-Mulej jimla l-ħajja tagħna bil-ferħ ta’ mħabbtu.  Ammen.

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap