Fl-Ewwel Qari smajna kif il-Mulej jieħu ħsieb ta’ wliedu bħalma jagħmel ġenitur: jara li jagħti lil uliedu ikel bnin.  Permezz tal-Profeta, Alla jgħid: “Għaliex taħlu fluskom f’dak li m’huwiex ħobż, u ġidkom f’dak li ma jxebbax?” (Is 55:2).  Bħal missier tajjeb u omm tajba, Alla jrid jagħti ħwejjeġ tajba lil uliedu.  U x’inhu dan l-ikel bnin li Alla jagħtina?  Hu l-Kelma tiegħu: il-Kelma tiegħu tgħinna nikbru u nagħmlu frott tajjeb fil-ħajja, l-istess kif ix-xita u s-silġ jagħmlu l-ġid lill-art u jagħmluha għammiela (ara Is 55:10-11).  Hekk intom, ġenituri, u anki intom, parrini, nanniet, zijiet, tkunu tgħinu lil dawn it-trabi jikbru tajjeb jekk tagħtuhom il-Kelma ta’ Alla, il-Vanġelu ta’ Ġesù.  U dan tridu tagħtuh ukoll bl-eżempju!  Ħuduha drawwa ta’ kuljum li taqraw silta mill-Vanġelu, imqar ċkejkna, u ġġorru dejjem magħkom Vanġelu żgħir fil-but, fil-basket, biex tistgħu taqrawh.  U dan ikun ta’ eżempju għall-ulied, meta jaraw lil missierhom, lil ommhom, lill-parrini, lin-nannu, lin-nanna, liz-zijiet jaqraw il-Kelma ta’ Alla.

 

Intom, ommijiet, agħtu lil uliedkom il-ħalib – anki issa, jekk qed jibku għax bil-ġuħ, reddgħuhom, tinkwetawx.  Nirringrazzjaw lill-Mulej għad-don tal-ħalib, u nitolbu għal dawk l-ommijiet – b’xorti ħażina huma ħafna – li ma għandhomx minn fejn jagħtu x’jieklu lil uliedhom.  Nitolbu u nfittxu kif ngħinuhom lil dawn l-ommijiet.  Mela, dak li l-ħalib jagħmel għall-ġisem, il-Kelma ta’ Alla tagħmlu għall-ispirtu: il-Kelma ta’ Alla tkabbar il-fidi.  U grazzi għall-fidi aħna ġejna mnissla minn Alla.  Dan hu li jseħħ fil-Magħmudija.  Smajnieh lill-Apposltu Ġwanni: “Kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn Alla” (1 Ġw 5:1).  Hu f’din il-fidi li wliedkom qed jiġu mgħammda.  Il-lum hi l-fidi tagħkom, għeżież ġenituri u parrinijiet.  Hi l-fidi tal-Knisja, li fiha dawn iċ-ċkejknin qed jirċievu l-Magħmudija.  Imma għada, bil-grazzja ta’ Alla, tkun il-fidi tagħhom, l-“iva” personali tagħhom lil Ġesù Kristu, li jagħtina l-imħabba tal-Missier.

 

Kont qed ngħid: hi l-fidi tal-Knisja.  Dan hu tabilħaqq importanti.  Il-Magħmudija ddaħħalna fil-ġisem tal-Knisja, fil-poplu qaddis ta’ Alla.  U f’dan il-ġisem, f’dan il-poplu li jinsab miexi, il-fidi tingħadda minn nisel għal nisel: hi l-fidi tal-Knisja.  Hi l-fidi ta’ Marija, Omm tagħna, il-fidi ta’ San Ġużepp, ta’ San Pietru, ta’ Sant’Indrija, ta’ San Ġwann, il-fidi ta’ l-Appostli u tal-Martri, li waslet sa għandna, permezz tal-Magħmudija: katina ta’ trasmissjoni tal-fidi.  Kemm hi ħaġa sabiħa din!  Qisna qed ngħaddu minn id għall-oħra x-xemgħa tal-fidi: dan se nesprimuh ukoll dalwaqt bil-ġest tal-mixegħla tax-xemgħat mill-Blandun ta’ l-Għid.  Il-blandun jirrappreżenta lil Kristu Rxoxt, ħaj fostna.  Intom, familji, ħudu minn għandU d-dawl tal-fidi li tridu tgħaddu lil uliedkom.  Dan id-dawl tirċevuh fil-Knisja, fil-ġisem ta’ Kristu, fil-poplu ta’ Alla li jimxi f’kull żmien u f’kull post.  Lil uliedkom għallmuhom li ma tistax tkun Nisrani ’l barra mill-Knisja, ma tistax timxi wara Ġesù Kristu mingħajr il-Knisja, għax il-Knisja hi omm, hi trawwimna fl-imħabba ta’ Ġesù Kristu.

 

Mill-qari Bibliku tal-lum joħroġ b’qawwa kbira aspett ieħor: fil-Magħmudija aħna kkonsagrati mill-Ispirtu s-Santu.  Il-kelma “Kristjan” dan li tfisser, tfisser li aħna kkonsagrati bħal Ġesù, fl-istess Spirtu wieħed li fih kien mgħaddas Ġesù tul ħajtu kollha fuq din l-art.  Hu l-“Kristu”, il-midluk, l-ikkonsagrat, u l-imgħammdin huma “Kristjani”, jiġifieri kkonsagrati, midluka.  U għalhekk, għeżież ġenituri, għeżież parrini, jekk tridu li t-trabi tagħkom isiru Kristjani, Insara veri, għinuhom jikbru “mgħaddsa” fl-Ispirtu s-Santu, jiġifieri f’dik is-sħana ta’ l-imħabba ta’ Alla, fid-dawl tal-Kelma tiegħu.  Għalhekk, tinsewx issejħu spiss lill-Ispirtu s-Santu, ta’ kuljum.  “Int titlob, Sinjura?” – “Iva” – “Lil min titlob?” – “Nitlob lil Alla” – Imma “Alla”, hekk, ma jeżistix: Alla hu persuna u bħala persuna jeżisti l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.  “Int lil min titlob?” – “Lill-Missier, l-Iben, l-Ispirtu s-Santu”.  Is-soltu nitolbu lil Ġesù.  Meta nitolbu l-“Missierna”, nitolbu lill-Missier.  Imma lill-Ispirtu s-Santu ma tantx nitolbuh.  Kemm hu importanti nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, biex jgħallimna nġibu ’l quddiem il-familja tagħna, lil uliedna, biex dawn it-tfal jikbru fl-ambjent tat-Trinità Qaddisa!  Hu propju l-Ispirtu li jista’ jmexxihom ’il quddiem.  Għalhekk tinsewx issejħu ta’ spiss lill-Ispirtu s-Santu, ta’ kuljum.  Tistgħu tagħmlu dan, ngħidu aħna, b’din it-talba sempliċi: “Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek”.  Tistgħu tagħmlu din it-talba għal uliedkom, barra naturalment għalikom stess!

 

Meta titolbu dan, ħossu l-preżenza materna tal-Verġni Marija.  Hi tgħallimna nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, u ngħixu skond l-Ispirtu, bħal Ġesù.  Il-Madonna, l-omm tagħna, issieħeb dejjem il-mixja ta’ wliedkom u tal-familji tagħkom.  Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard