ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA FL-OKKAŻJONI TAL-ANNIVERSARJU TAŻ-ŻJARA F’LAMPEDUSA

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Altar tal-Katedra, Bażilika ta’ San Pietru

It-Tnejn 8 ta’ Lulju 2019

 

Illum il-Kelma ta’ Alla qed tkellimna fuq salvazzjoni u fuq ħelsien.

 

Salvazzjoni. Matul il-vjaġġ minn Birsaba għal Ħaran, Ġakobb iddeċieda li jieqaf jistrieħ f’post imwarrab. Fil-ħolm, jara sellum li minn isfel iserraħ mal-art u fl-għoli jilħaq is-sema (ara Ġen 28:10-22a). Is-sellum, li minnu jitilgħu u jinżlu l-anġli ta’ Alla, jirrappreżenta r-rabta bejn id-divin u l-uman, li storikament titwettaq fl-inkarnazzjoni ta’ Kristu (ara Ġw 1:51), offerta kollha mħabba ta’ rivelazzjoni u ta’ salvazzjoni min-naħa tal-Missier. Is-sellum hu allegorija tal-inizjattiva divina li tiġi qabel kull moviment uman. Hu l-antitesi tat-torri ta’ Babel, mibni mill-bnedmin li, bis-saħħa tagħhom waħidhom, riedu jilħqu s-sema biex isiru allat. Din id-darba, imma, huwa Alla li “jinżel”, hu l-Mulej li juri ruħu, hu Alla li jsalva. Hu l-Għimmanu-El, l-Alla magħna, iwettaq il-wegħda ta’ appartenenza reċiproka bejn il-Mulej u l-bnedmin, fis-sinjal ta’ mħabba inkarnata u ħanina li tagħti l-ħajja bil-kotra.

 

Quddiem din ir-rivelazzjoni, Ġakobb iwettaq att ta’ affidament fil-Mulej, li jinbidel f’impenn ta’ għarfien u qima li jimmarka mument essenzjali fl-istorja tas-salvazzjoni. Jitlob lill-Mulej iħarsu fil-vjaġġ iebes li għandu jagħmel u jgħid: “Alla tiegħi jkun il-Mulej” (Ġen 28:21).

 

Bħala eku għall-kelmiet tal-Patrijarka, fis-Salm tennejna: “Alla tiegħi, jien fik nittama”. Hu l-kenn tagħna u l-qawwa tagħna, tarka u korazza, iżjed u iżjed fil-mumenti ta’ prova. Il-Mulej hu kenn għall-fidili li jitolbuh fit-tiġrib. Wara kollox hu proprju qalb dawn l-imwieġ li t-talb tagħna jsir l-aktar safi, meta nintebħu li ftit jiswew iċ-ċertezzi li toffri d-dinja u ma jibqgħalna lil ħadd ħlief lil Alla. Alla waħdu jiftaħ beraħ is-Sema għal min jgħix fuq din l-art. Alla waħdu jsalva.

 

U dan l-affidament totali u estrem hu dak li nsibu komuni bejn il-kap tas-sinagoga u l-mara marida fil-Vanġelu (ara Mt 9:18-26). Huma episodji ta’ ħelsien. It-tnejn li huma jersqu lejn Ġesù biex jiksbu mingħandu dak li ħadd iżjed ma seta’ jagħtihom: ħelsien mill-mard u mill-mewt. Minn banda għandna bint ta’ wieħed mill-awtoritajiet għoljin tal-belt; mill-oħra għandna mara mifnija minn marda li tagħmel minnha persuna mwarrba, emarġinata, impura. Imma Ġesù ma jagħmilx distinzjonijiet: il-ħelsien hu msawwab b’ġenerożità fiż-żewġ każi. Il-bżonn iqiegħed lit-tnejn li huma, il-mara u t-tifla, fost “dawk tal-aħħar” li jeħtieġu min iħobbhom u jqajjimhom.

 

Ġesù juri lid-dixxipli tiegħu l-bżonn ta’ għażla preferenzjali favur dawk li huma fl-aħħar post, li fit-tħaddim tal-imħabba għandhom jitqiegħdu fl-ewwel post. Ħafna hu l-faqar ta’ żmienna; kif kiteb San Ġwanni Pawlu II, “il-‘foqra’ huma mġarrbin minn ħafna suriet ta’ faqar: imwarrbin, xjuħ, morda, tfal u dawk kollha li fis-soċjetà huma u jitqiesu bħala ‘l-inqas’ fost kulħadd” (Eżortazzjoni appostolika Vita consecrata, 82).

 

F’dan is-sitt anniversarju miż-żjara f’Lampedusa, il-ħsieb tiegħi jmur għal dawk li huma fl-“aħħar post” u li ta’ kuljum qed jitkarrbu lill-Mulej, jitolbu li jiġu meħlusa mid-deni li jiġu mgħobbija bih. Huma dawk tal-aħħar post ingannati u mitluqa jmutu fid-deżert; huma dawk tal-aħħar post ittorturati, abbużati u vvjolentati fil-kampijiet ta’ detenzjoni; huma dawk tal-aħħar post li jisfidaw il-mewġ ta’ baħar qalil; huma dawk tal-aħħar post mitluqa f’kampijiet ta’ akkoljenza wisq twila biex tissejjaħ temporanja. Dawn huma biss ftit minn dawk tal-aħħar post li Ġesù qed jitlobna nħobbu u nerġgħu nqajmu fuq saqajhom. B’xorti ħażina l-periferiji eżistenzjali tal-bliet tagħna huma miżgħuda bil-kbir b’persuni mormija, imwarrba, imkasbra, iddiskriminati, abbużati, sfruttati, abbandunati, foqra u qed ibatu. Fl-ispirtu tal-Beatitudnijiet aħna msejħin infarrġuhom fit-tiġrib tagħhom u noffrulhom il-ħniena; intaffu l-ġuħ u l-għatx tagħhom għall-ġustizzja; u nġagħluhom iħossu l-paternità kollha għożża ta’ Alla; nuruhom il-mixja lejn is-Saltna tas-Smewwiet. Huma persuni, m’aħniex nitkellmu biss fuq kwistjonijiet soċjali jew migratorji! “M’aħniex nitkellmu biss fuq il-migranti!”, fis-sens doppju li l-migranti huma qabelxejn persuni umani, u li llum huma s-simbolu ta’ dawk kollha li s-soċjetà globalizzata qed tarmi.

 

Tiġina spontanja li nerġgħu naqbdu l-immaġni tas-sellum ta’ Ġakobb. F’Ġesù Kristu r-rabta bejn l-art u s-Sema hi żgurata u aċċessibbli għal kulħadd. Imma biex nitilgħu l-iskaluni ta’ dan is-sellum hemm bżonn tal-impenn, it-taħbit u l-grazzja. L-iktar dgħajfa u vulnerabbli għandhom jiġu megħjuna. Allura nieħu pjaċir naħseb li nistgħu nkunu aħna dawk l-anġli li telgħin u niżlin, jaqbdu minn taħt abthom liċ-ċkejknin, iz-zopop, il-morda, l-imwarrbin: dawk li qegħdin fl-aħħar post, li jekk ma jsibux min jgħinhom, jibqgħu lura u jaraw biss il-miżerji tal-art, mingħajr ma jista’ jkollhom ħjiel minn issa ta’ leħħa tas-Sema.

 

Ħuti, din hi responsabbiltà kbira, li ħadd mhu skużat minnha jekk irridu nwasslu sa tmiemha l-missjoni tas-salvazzjoni u l-ħelsien li għaliha l-Mulej innifsu sejħilna biex nikkollaboraw. Naf li ħafna minnkom, li waslu biss xi ftit xhur ilu, diġà qed jgħinu lil ħuthom li waslu dan l-aħħar. Irrid nirringrazzjakom għal dan is-sinjal hekk sabiħ ta’ umanità, gratitudni u solidarjetà.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard