FESTA TAL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

IT-XXIII JUM DINJI TAL-ĦAJJA KKONSAGRATA

 

QUDDIESA GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

Is-Sibt 2 ta’ Frar 2019

 

Il-Liturġija llum qed turina lil Ġesù li joħroġ jiltaqa’ mal-poplu tigħu. Hi l-festa tal-laqgħa: it-Tarbija bil-ġdid li ġġib magħha tiltaqa’ mat-tradizzjoni tat-Tempju; il-wegħda ssib il-milja tagħha; Marija u Ġużeppi, żgħażagħ, jiltaqgħu ma’ Xmun u Anna, anzjani. Insomma, kollox jidħol f’laqgħa meta jasal Ġesù.

 

X’jgħidilna dan kollu? Qabelxejn li anki aħna msejħin nilqgħu lil Ġesù li ġej jiltaqa’ magħna. Niltaqgħu miegħu: ma’ Alla tal-ħajja jeħtieġ niltaqgħu kull jum ta’ ħajjitna; mhux kull tant u tant, imma kuljum. Li nimxu wara Ġesù mhix deċiżjoni li neħduha darba għal dejjem, imma hi għażla ta’ kuljum. U l-Mulej ma niltaqgħux miegħu virtwalment, imma direttament, niltaqgħu miegħu fil-ħajja, fil-konkretezza tal-ħajja. Inkella Ġesù jsir biss tifkira sabiħa tal-imgħoddi. Imma meta nilqgħuh bħala Sid il-ħajja, iċ-ċentru ta’ kollox, il-qalb tħabbat ta’ kull ħaġa, allura hu jgħix u jerġa’ jgħix fina. U jiġri lilna wkoll dak li ġara fit-Tempju: madwaru kollox jidħol f’laqgħa, il-ħajja ssir armonija. Ma’ Ġesù nerġgħu nsibu l-kuraġġ li nibqgħu mexjin u l-qawwa li nibqgħu sħaħ. Il-laqgħa mal-Mulej hija l-għajn. Mela importanti nerġgħu lura għall-għejun: bil-memorja tagħna nerġgħu lura għal-laqgħat deċiżivi li kellna miegħu, inġeddu l-ewwel imħabba, forsi niktbu l-istorja ta’ mħabbitna mal-Mulej. Jiswa għall-ħajja kkonsagrata tagħna, biex ma ssirx żmien li jgħaddi, imma żmien ta’ laqgħa.

 

Jekk nagħmlu memorja tal-laqgħa li kellna fil-bidu mal-Mulej, nintebħu li din ma kinitx xi kwistjoni privata bejnna u bejn Alla. Le, dik il-laqgħa seħħet fi ħdan poplu li jemmen, qrib tant minn ħutna, fi żminijiet u postijiet preċiżi. Dan jgħidhulna l-Vanġelu, u wriena li l-laqgħa sseħħ fil-poplu ta’ Alla, fl-istorja konkreta tiegħu, fit-tradizzjonijiet ħajjin tiegħu: fit-Tempju, skont il-Liġi, fil-klima tal-profezija, biż-żgħażagħ u l-anzjani flimkien (ara Lq 2:25-28,34). Hekk ukoll il-ħajja kkonsagrata: tikber u twarrad fil-Knisja; jekk tinqata’ għaliha waħidha, tinxef. Hi timmatura meta ż-żgħżagħ u l-anzjani jimxu flimkien, meta ż-żgħażagħ isibu mill-ġdid l-għeruq u l-anzjani jilqgħu l-frott. Imma tistaġna meta nimxu waħidna, meta nibqgħu mwaħħla mal-passat jew niġru żżejjed ’il quddiem biex nippruvaw insalvaw. Illum, festa tal-laqgħa, ejjew nitolbu l-grazzja li niskopru mill-ġdid il-Mulej ħaj, fil-poplu li jemmen, u li nlaqqgħu l-kariżma li rċivejna mal-grazzja tal-lum.

 

Il-Vanġelu jgħidilna wkoll li l-laqgħa ta’ Alla mal-poplu tiegħu għandha punt tat-tluq u destinazzjoni. Tibda mis-sejħa fit-Tempju u tasal għall-viżjoni fit-Tempju. Is-sejħa hi doppja. Hemm l-ewwel sejħa “skont il-Liġi” (v. 22). Hi dik ta’ Ġużeppi u Marija, li jmorru t-Tempju biex iwettqu dak li titlob il-Liġi. It-test jisħaq fuq dan kważi bħal f’ritornell, għal erba’ darbiet (ara vv. 22, 23, 24, 27). Mhix xi ħaġa li ġew imġiegħla jagħmlu: il-ġenituri ta’ Ġesù ma jmorrux hemm għax bilfors jew biex jissodisfaw sempliċiment obbligu estern; imorru biex iwieġbu għas-sejħa ta’ Alla. Imbagħad hemm it-tieni sejħa, skont l-Ispirtu. Hi dik ta’ Xmun u Anna. Anki din tintwera lilna b’ċerta insistenza: għal tliet darbiet, fil-każ ta’ Xmun, jissemma l-Ispirtu s-Santu (ara vv. 25, 26, 27), u jagħlaq bil-profetessa Anna li, imnebbħa, tfaħħar lil Alla (ara v. 38). Żewġ żgħażagħ imorru fit-Tempju għax imsejħa mil-Liġi; żewġ anzjani għax imqanqla mill-Ispirtu. Din is-sejħa doppja, mil-Liġi u mill-Ispirtu, x’għandha x’tgħid lill-ħajja spiritwali tagħna u lill-ħajja kkonsagrata tagħna? Li lkoll aħna msejħin għal ubbidjenza doppja: għal-liġi – fis-sens ta’ dak li jagħti ordni lill-ħajja – u għall-Ispirtu, li jġedded kollox fil-ħajja. Hekk titnissel din il-laqgħa mal-Mulej: l-Ispirtu jurina lill-Mulej, imma biex nistgħu nilqgħuh hemm bżonn tal-perseveranza fidila ta’ kuljum. Imqar l-ikbar kariżmi, mingħajr ħajja ordnata, ma jagħtux frott. Min-naħa l-oħra, l-aqwa regoli mhumiex biżżejjed mingħajr il-ġdid tal-Ispirtu: liġi u Spirtu jmorru id f’id.

 

Biex nifhmu aħjar din is-sejħa li llum qed naraw fl-ewwel jiem tal-ħajja ta’ Ġesù, fit-Tempju, nistgħu mmorru għall-ewwel jiem tal-ministeru pubbliku tiegħu, f’Kana, fejn jibdel l-ilma fi nbid. Anki hemm insibu sejħa għall-ubbidjenza, ma’ Marija li tgħid: “Kulma jgħidilkom [Ġesù] agħmluh” (Ġw 2:5). Kulma jgħidilkom. U Ġesù jitlob ħaġa partikulari; ma jagħmilx minnufih ħaġa ġdida, ma jġibx l-inbid li kien jonqos mix-xejn – seta’ jagħmel hekk kieku ried –, imma jitlob ħaġa konkreta u impenjattiva. Jitlobhom jimlew sitt ġarar kbar tal-ħaġar għall-purifikazzjoni ritwali, li jfakkruna fil-Liġi. Dan kien ifisser li riedu jferrgħu fihom xi sitt mitt litru ta’ ilma mtellgħa mill-bir: żmien u taħbit, li kienu jidhru bla siwi, għax dak li kien jonqos ma kienx l-ilma, imma l-inbid! Imma, proprju minn dawk il-ġarar mimlija sew, “sax-xfar” (v. 7), Ġesù ħareġ l-inbid ġdid. L-istess magħna: Alla jsejħilna niltaqgħu miegħu permezz tal-fedeltà għal ħwejjeġ konkreti – ma’ Alla dejjem niltaqgħu fil-konkretezza –: it-talb ta’ kuljum, il-quddiesa, il-qrar, karità vera, il-Kelma ta’ Alla ta’ kuljum, il-qrubija lejn l-oħrajn, fuq kollox lejn dawk l-iżjed fil-bżonn, spiritwalment u korporalment. Huma ħwejjeġ konkreti, kif inhi fil-ħajja kkonsagrata l-ubbidjenza għas-Superjur u għar-Regoli. Jekk inqiegħdu fil-prattika bl-imħabba din il-liġi – bl-imħabba! –, l-Ispirtu jiġi u jġib miegħu s-sorpriża ta’ Alla, bħalma għamel fit-Tempju u f’Kana. L-ilma tal-ħajja ta’ kuljum allura jinbidel fl-inbid tal-ġdid u l-ħajja, li tidher iżjed marbuta, fir-realtà ssir iżjed ħielsa. Bħalissa qed tiġini f’moħħi soru, umli, li proprju kellha din il-kariżma li tkun qrib tas-saċerdoti u tas-seminaristi. L-aħħar darba hawn, fid-Djoċesi [ta’ Ruma], introduċew il-kawża tal-beatifikazzjoni tagħha. Soru sempliċi: ma kellhiex xi illuminazzjonijiet kbar, imma kellha l-għerf tal-ubbidjenza, tal-fedeltà u tan-nuqqas ta’ biża’ mill-ġdid. Nitolbu lill-Mulej, permezz ta’ Swor Bernardetta, jagħti lilna lkoll il-grazzja li nimxu f’din it-triq.

 

Il-laqgħa, li tiġi mis-sejħa, tilħaq il-qofol tagħha fil-viżjoni. Xmun jgħid: “Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek” (Lq 2:30). Jara lit-Tarbija u jara s-salvazzjoni. Ma jarax il-Messija li jwettaq l-għeġubijiet, imma tarbija ċkejkna. Ma jarax xi ħaġa ta’ barra minn hawn, imma lil Ġesù mal-ġenituri tiegħu, li jieħdu magħhom it-Tempju par gamiem jew żewġ ħamimiet, jiġifieri l-iktar offerta umli (ara v. 24). Xmun jara s-sempliċità ta’ Alla u jilqa’ l-preżenza tiegħu. Ma jfittex xejn aktar, ma jitlob u ma jrid xejn iżjed, biżżejjed għalih li jara lit-Tarbija u jaqbadha f’dirgħajh: “nunc dimittis, issa tista’ tħallini mmur” (ara v. 29). Biżżejjed għalih Alla kif inhu. Fih isib it-tifsira aħħarija tal-ħajja. Hi l-viżjoni tal-ħajja kkonsagrata, viżjoni sempliċi u profetika fis-sempliċità tagħha, fejn wieħed iżomm lill-Mulej quddiem għajnejh u bejn dirgħajh, u ma għandu bżonn ta’ xejn iktar. Il-ħajja hija Hu, it-tama hija Hu, il-futur huwa Hu. Il-ħajja kkonsagrata hi din il-viżjoni profetika fil-Knisja: hi ħarsa li tara lil Alla preżenti fid-dinja, anki jekk ħafna ma jintebħux bih; u leħen li jgħid: “Alla biżżejjed, il-bqija kollu jgħaddi”; hi ġieħ li joħroġ mill-fomm minkejja kollox, kif turi l-profetessa Anna. Kienet mara mdaħħla sew fiż-żmien, li kienet għexet għal tant snin bħala armla, imma ma kinitx mara mdejqa, nostalġika jew magħluqa fiha nfisha; bil-maqlub, tasal u tagħti ġieħ lil Alla, u fuqu biss titkellem (ara v. 38). Nieħu pjaċir naħseb li din il-mara kienet tħobb “isseksek tajjeb”, u kontra l-ħażen tas-seksik din kienet tkun patruna tajba biex tikkonvertina, għax kienet tiġri minn fuq persuna għall-oħra biex tgħidilhom biss: “Dik hi! Dik it-tarbija! Ħaffu ħa tarawha!”. Hekk nieħu pjaċir inħares lejha, bħala mara tal-post.

 

Din hi l-ħajja kkonsagrata: ġieħ li jimla bil-ferħ il-poplu ta’ Alla, viżjoni profetika li tirrivela dak li jgħodd. Meta hu hekk, din twarrad u ssir sejħa lilna lkoll kontra l-medjokrità: kontra l-ftaqir tal-ħajja spiritwali, kontra t-tentazzjoni li ma’ Alla kemm kemm inġaħġħuha, kontra l-adattament għal ħajja komda u mondana, kontra t-tgergir – it-tgemgim! –, in-nuqqas ta’ sodsisfazzjon u li noqogħodu nitbekkew lilna nfusna, kontra d-drawwa li “nagħmlu dak li nistgħu” u li “dejjem hekk sar”: dawn mhumiex frażijiet li jogħġbu lil Alla. Il-ħajja kkonsagrata mhix kemm nibqgħu għaddejjin u ma mmutux, mhix il-preparazzjoni għall-ars bene moriendi”: din hi t-tentazzjoni tal-lum quddiem in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet. Le, mhix kemm inżommu fuq saqajna u ma mmutux, imma hi ħajja ġdida. “Imma… qegħdin ftit…” – hi ħajja ġdida. Hi laqgħa ħajja mal-Mulej fil-poplu tiegħu. Hi sejħa għall-ubbidjenza fidila ta’ kuljum u għas-sorpriżi dejjem ġodda tal-Ispirtu. Hi viżjoni ta’ dak li għandna nħaddnu biex ikollna l-ferħ: Ġesù.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard