QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-IMQADDSA MARIJA OMM ALLA

IT-LII JUM DINJI TAL-PAĊI

 

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

It-Tlieta 1 ta’ Jannar 2019

 

“Kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-ragħajja” (Lq 2:18). Nistagħġbu: għal dan aħna msejħin illum, fl-għeluq tal-Ottava tal-Milied, b’ħaristna għadha msammra fuq it-Tarbija li twieldet għalina, fqira minn kollox u għanja fl-imħabba. L-għoġba: dan hu l-atteġġjament li għandu jkollna fil-bidu tas-sena, għax il-ħajja hi don li jagħtina l-possibbiltà li nibdew dejjem mill-ġdid, anki mill-aktar qagħda baxxa.

 

Imma llum huwa wkoll il-jum li fih nistagħġbu quddiem l-Omm ta’ Alla: Alla hu tarbija ċkejkna f’dirgħajn mara, li tredda’ lill-Ħallieq tagħha. L-istatwa li għandna quddiemna turina lill-Omm u lit-Tarbija hekk magħquda ma’ xulxin li jidhru qishom ħaġa waħda. Huwa l-misteru tal-lum, li jqanqal għoġba bla qies: Alla ntrabat mal-bniedem, għal dejjem. Alla u l-bniedem dejjem flimkien, din hi l-aħbar it-tajba tal-bidu tas-sena: Alla mhux xi sid imbiegħed li jgħammar waħdu fis-smewwiet, imma l-Imħabba inkarnata, li twieled bħalna minn omm biex isir ħuna lkoll, biex ikun qrib tagħna: Alla tal-qrubija. Jinsab fuq ħoġor ommu, li hi wkoll omm tagħna, u minn hemm isawwab fuq il-bnedmin ħlewwa u tjieba ġdida. U aħna nistgħu nifhmu aħjar l-imħabba divina, li hi paterna u materna, bħal dik ta’ omm li ma tieqaf qatt temmen f’uliedha u qatt ma titlaqhom waħidhom. Dan Alla-magħna jħobbna minkejja l-iżbalji tagħna, id-dnubiet tagħna, il-mod kif qed ngħixu f’din id-dinja. Alla jemmen fil-bniedem, għax minn qalb il-bnedmin tispikka, l-ewwel u l-ewlenija, l-Omm tiegħu.

 

Fil-bidu tas-sena, ejjew nitolbu lilha l-grazzja tal-istagħġib quddiem Alla tas-sorpriżi. Inġeddu l-għoġba tal-bidu, meta tnisslet fina l-fidi. L-Omm ta’ Alla tgħinna: l-Omm li nisslet lill-Mulej, tnissilna għall-Mulej. Hi omm u tnissel mill-ġdid fl-ulied dak l-istagħġib tal-fidi, għax il-fidi hi laqgħa, mhijiex reliġjon. Il-ħajja, mingħajr stagħġib, issir mudlama, ħaġa li drajnieha; l-istess il-fidi. U anki l-Knisja għandha bżonn iġġedded l-għoġba li hi għamara ta’ Alla l-ħaj, Għarusa tal-Mulej, Omm li tnissel l-ulied. Inkella, tirriskja li tkun tixbah lil mużew sabiħ tal-imgħoddi. Il-“Knisja mużew”. Imma l-Madonna ġġib fil-Knisja l-atmosfera ta’ dar, ta’ dar fejn jgħammar Alla tal-ġdid. Ejjew nilqgħu b’sens ta’ stagħġib il-misteru ta’ Omm Alla, bħan-nies ta’ Efesu fi żmien il-Konċilju. Bħalhom insejħulha “Omm Qaddisa ta’ Alla”. Lilha nħalluha tħares lejna, inħalluha tgħannaqna magħha, inħalluha taqbdilna jdejna.

 

Inħalluha tħares lejna. Dan fuq kollox fil-mument tal-ħtieġa, meta nsibu ruħna maqbuda fl-għoqiedi l-iżjed ikkumplikati tal-ħajja, ġustament inħarsu lejn il-Madonna, lejn l-Omm. Imma ħaġa sabiħa li qabelxejn inħallu lill-Madonna tħares lejna. Meta tħares lejna, hi ma tarax midinbin, imma wlied. Jingħad li l-għajnejn huma mera tar-ruħ; l-għajnejn tal-mimlija bil-grazzja jilmaw bil-ġmiel ta’ Alla, jirriflettu fuqna l-ġenna. Ġesù qal li l-għajn hi “l-musbieħ tal-ġisem” (Mt 6:22): l-għajnejn tal-Madonna jafu jdawlu kull dalma, ikebbsu mill-ġdid ma’ kullimkien it-tama. Ħarsitha mdawra lejna qed tgħidilna: “Kuraġġ, uliedi; hawn jien, l-omm tagħkom!”.

 

Din il-ħarsa ta’ omm, li tispira fiduċja, tgħinna nikbru fil-fidi. Il-fidi hi rabta ma’ Alla li tinvolvi lill-persuna kollha kemm hi, u li biex tiġi mħarsa għandha bżonn tal-Omm ta’ Alla. Ħarsitha ta’ omm tgħinna naraw lilna nfusna bħala wlied maħbuba fi ħdan il-poplu li jemmen f’Alla u ninħabbu bejnietna, lil hemm mil-limiti u mill-orjentamenti ta’ kull wieħed u waħda. Il-Madonna tniżżlilna għeruqna fil-Knisja, fejn l-għaqda tiswa iktar mid-diversità, u ssejħilna biex nieħdu ħsieb ta’ xulxin. Il-ħarsa ta’ Marija tfakkarna li għall-fidi hi essenzjali l-ħlewwa, li trażżan it-telqa. Ħlewwa: il-Knisja tal-ħlewwa. Ħlewwa, kelma li llum ħafna jridu jeqirdu mid-dizzjunarju. Meta fil-fidi hemm post għal Omm Alla, ma nitilfu qatt iċ-ċentru: il-Mulej, għax Marija ma turina qatt lilha nfisha, imma lil Ġesù; u lil ħutna, għax Marija hi omm.

 

Ħarsa tal-Omm, ħarsa tal-ommijiet. Dinja li tħares lejn il-futur mingħajr ħarsa materna għandha viżta qasira. Ħa żżid fil-profitti, imma fil-bnedmin ma tagħrafx iżjed l-ulied. Ikun hemm il-qligħ, imma ma jkunx għal kulħadd. Inkunu ngħixu fl-istess dar, imma mhux bħala aħwa. Il-familja tal-bnedmin hi msejsa fuq l-ommijiet. Dinja fejn il-ħlewwa tal-omm hi meqjusa biss bħala sempliċi sentiment tista’ tkun għanja f’ħafna ħwejjeġ, imma mhux fil-jum ta’ għada. Omm Alla, għallimna l-ħarsa tiegħek fuq il-ħajja u ixħet ħarstek fuqna, fuq il-miżerji tagħna. Dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena.

 

Inħalluha tgħannaqna magħha. Wara l-ħarsa, hawn tidħol il-qalb, fejn, jgħid il-Vanġelu tal-lum, “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19). Jiġifieri l-Madonna kellha kollox għal qalbha, kienet tħaddan kollox, ġrajjiet sbieħ u koroh. U fuq kollox kienet timmedita, jiġifieri kienet twassal kollox lil Alla. Dan hu s-sigriet tagħha. Bl-istess mod għandha għal qalbha l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna: tixtieq tgħannaq is-sitwazzjonijiet kollha tagħna u tippreżentahom lil Alla.

 

Fil-ħajja mfarrka tal-lum, fejn qed nirriskjaw li nitilfu l-fil, hi essenzjali t-tgħanniqa tal-Omm. Hawn wisq tixrid u solitudni madwarna: id-dinja hi kollha kkollegata, imma dejjem inqas magħquda. Għandna bżonn nafdaw ruħna f’idejn l-Omm. Fl-Iskrittura hi tħaddan magħha tant sitwazzjonijiet konkreti u tinsab preżenti fejn hemm il-bżonn: tmur għand kuġintha Eliżabetta, tħaffef tgħin lill-miżżewġin ta’ Kana, tħeġġeġ lid-dixxipli fiċ-Ċenaklu… Marija hi r-rimedju għas-solitudni u għat-tifrik. Hi l-Omm tal-faraġ, li ‘tikkon-sola’: tinsab ma’ min hu waħdu. Hi taf li biex tfarraġ mhux biżżejjed il-kliem, imma hemm bżonn tal-preżenza; u hemm hi preżenti bħala omm. Inħalluha tgħannaq il-ħajja tagħna. Fis-Salve Regina nsejħulha “ħajja tagħna”: tidher esaġerata, għax hu Kristu l-ħajja (ara Ġw 14:6), imma Marija hi hekk magħquda miegħu u hekk qrib tagħna li m’hemm xejn aħjar milli nqiegħdu ħajjitna f’idejha u nagħrfuha bħala “ħajja, ħlewwa u tama tagħna”.

 

Imbagħad fil-mixja tal-ħajja, inħalluha taqbdilna jdejna. L-ommijiet jaqbdu jdejn l-ulied u bi mħabba jintroduċuhom għall-ħajja. Imma kemm ulied illum qed jimxu għal rashom, jitilfu d-direzzjoni, jaħsbu li huma b’saħħithom u jintilfu, ħielsa imma jsiru lsiera. Kemm ulied, għax jinsew l-imħabba tal-omm, jgħixu f’rabja għalihom infushom u indifferenti għal kollox! Kemm ulied, b’xorti ħażina, jirreaġixxu għal kollox u għal kulħadd b’velenu u kattiverija! Il-ħajja hekk hi. Xi kultant jekk nuru li aħna kattivi dan jidher bħala sintomu li aħna b’saħħitna. Imma hi biss dgħufija. Għandna bżonn nitgħallmu mill-ommijiet li l-eroiżmu qiegħed fl-għotja, il-qawwa fil-ħniena, l-għerf fl-umiltà.

 

Alla ma għaddiex mingħajr l-Omm: iktar u iktar għandna bżonnha aħna. Ġesù stess tahielna, mhux f’xi mument kien li kien, imma mis-salib: “Ara ommok!” (Ġw 19:27) qal lid-dixxiplu, lil kull dixxiplu. Il-Madonna m’għadhiex iżjed xi optional: jeħtieġ nilqgħuha f’ħajjitna. Hi s-Sultana tal-paċi, li tegħleb il-ħażen u tmexxina fit-toroq tat-tajjeb, li terġa’ ġġib l-għaqda bejn l-ulied, li teduka għall-ħniena.

 

Aqbdilna jdejna, Marija. Marsusin miegħek nistgħu negħlbu l-kisriet dojoq kollha tal-istorja. Ħudilna f’idejna biex niskopru mill-ġdid ir-rabtiet li jgħaqqduna ma’ xulxin. Iġborna flimkien taħt il-mant tiegħek, fil-ħlewwa tal-imħabba vera, fejn terġa’ tinbena l-familja tal-bnedmin: “Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm Qaddisa ta’ Alla”. Ejjew ngħidu lkoll flimkien lill-Madonna: “Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm Qaddisa ta’ Alla”.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard