VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-MOZAMBIQUE, IL-MADAGAASCAR U L-GŻEJJER MAURITIUS

(4 - 10 ta' SETTMEBRU, 2019)

 

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, IS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKUzz

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Palazz PresidenzJale (Maputo)

Il-Ħamis, 5 ta’ Settembru 2019

 

Sur President,

Membri tal-Gvern u tal-Korp Diplomatiku,

Awtoritajiet Distinti,

Rappreżentanti tas-soċjetà ċivili,

Sinjuri!

Grazzi, Sur President għall-kliem ta' merħba kif ukoll tal-istedina ġentili biex niġi nżur in-nazzjon tiegħek.  Jiena hieni li nerġa' ninsab fl-Afrika biex nibda dal-vjaġġ appostoliku f'dal-pajjiż, tant imbierek  bi sbuħija naturali, kif ukoll b'għana kulturali kbir li, flimkien mal ferħ tal-ħajja li għalih hu magħruf il-poplu tagħkom, tiżdied ukoll it-tama ta' ġejjieni aħjar.

Insellem minn qiegħ qalbi lill-membri tal-Gvern, tal-Korp Diplomatiku u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li hawn preżenti.  Fil-persuna tagħkom nixtieq niltaqa' u nsellem b'tant imħabba l-poplu kollu tal-Mozambique li, mix-xmara Rovuma sa Maputo, jiftħilna l-bibien li jiffavorixxu ġejjieni mġedded ta' paċi u rikonċiljazzjoni.

Nixtieq li l-ewwel kliem ta' qrubija u solidarjetà jkunu indirizzati lil dawk kollha li dan l-aħħar intlaqtu mill-vjolenza taċ-ċikluni Idai u Kenneth, li l-konsegwenzi qerrieda tagħhom għadhom itaqqlu tant familji, speċjalment fl-inħawi  fejn ir-rikostruzzjoni għad ma qabditx l-art għax teħtieġ attenzjoni partikolari.  Sfortunatament ma nistax niġi nżurkom, imma rrid li tkunu tafu li jien naqsam magħkom l-ansjetà, in-niket u anki l-impenn tal-komunità kattolika intom u tiffaċċjaw sitwazzjoni daqsant iebsa.  Qalb din it-traġedja u d-deżolazzjoni, nitlob ill-Providenza biex ma tiġix nieqsa l-ħerqa tal-atturi kollha ċivili u soċjali sabiex iqiegħdu lill-persuna fiċ-ċentru u jirnexxilhom jaslu għar-rikostruzzjoni tant meħtieġa.

Nixtieq ukoll nesprimi l-apprezzament tiegħi, u ta' parti kbira mill-komunità internazzjonali, għall-isforzi li minn għexieren ta' snin 'l hawn ilhom isiru sabiex il-paċi terġa' tkun ir-regola, u r-rikonċiljazzjoni l-aħjar triq biex ikunu affaċċjati d-diffikultajiet u l-isfidi li tiltaqgħu magħhom bħala nazzjon.  B'dan l-ispirtu u b'dan l-għan, madwar xahar ilu, f'Serra della Gorongosa, ġie ffirmat il-ftehim biex jieqaf it-taqbid militari darba għal dejjem bejn l-aħwa fil-Mozambique.  Ġrajja importanti li nsellmulha u nittamaw li tkun deċisiva, u li saret minn persuni kuraġġużi lejn it-triq tal-paċi li nbdiet minn dak il-Ftehim Ġenerali li kien iffirmat f'Ruma fl-1992.

Kemm ġrajja seħħew minn mindu kien iffirmat dak il-ftehim storiku li ssiġilla l-paċi u li minnu nibtu l-ewwel rimjiet!  Dawn huma r-rimjiet li jirfdu t-tama u jnisslu l-fiduċja biex ma nħallux li l-istorja tinkiteb mit-taqbid bejn l-aħwa, iżda mill-ħila li tagħrfu lil xulxin bħala aħwa, ulied l-istess art, amministraturi ta' destin komuni.  Il-kuraġġ ta-paċi!  Kuraġġ ta' kwalità għolja: mhux dak tas-saħħa brutali u tal-vjolenza, imma dak li jinkiseb permezz ta' tfittxija bla heda tal-ġid komuni (cfr Pawlu VI, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi, 1973).

Intom tafu x'inhi t-tbatija, il-luttu, id-disperazzjoni, imma ma ridtux li l-kriterju li jmexxi  r-relazzjonijiet umani jkun il-vendetta jew it-tjassir, u lanqas li l-mibgħeda u l-vjolenza jkollhom l-aħħar kelma. Kif kien fakkar il-predeċessur tiegħi San Ġwanni Pawlu II meta żar pajjizkom fl-1988, bil-gwerra "bosta rġiel, nisa u tfal ibatu għax ma jkollhomx dar fejn jgħammru, jonqsuhom l-ikel, l-iskejjel fejn jitgħallmu, l-isptarijiet fejn isibu l-kura, knejjes fejn jitlaqgħu u oqsma li jimpjegaw il-ħaddiema tal-id.  Eluf kbar ta' persuni jkollhom jiċċaqalqu biex imorru jfittxu l-kenn u mezzi tal-għixien; oħrjan jispiċċaw rifuġjati fil-pajjiżi tal-madwar.  (....)  "Le għall-vjolenza u iva għall-paċi!"  (Diskors waqt iż-żjara lill_President tar-Repubblika, 16 ta' Settmebru, 1988, n. 3).

Tul das-snin intom intbaħtu illi t-tfittxija għall-paċi dejjiema - missjoni li tinvolvi lil kulħadd - teħtieġ ħidma iebsa, sfiqa u bla heda, għaliex il-paċi tixbaħ: "fjura fraġli li tipprova tinbet qalb il-blat tal-vjolenza" (messaġġ għall-Jum Dinjii tal-Paċi, 2019), u għalhekk jeħtieġ li tibqa' tiġġedded bid-determinazzjoni imma mingħajr fanatiżmu, bil-kuraġġ iżda mingħajr glorifikazzjoni, bil-pereveranza imma b'mod intelliġenti: le għall-vjolenza qerrieda, iva għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni.

Kif nafu, il-paċi mhix sempliċiment in-nuqqas ta' gwerra, imma l-impenn bla heda - fuq kollox min dawk li jinsabu fil-pożizzjoijiet tal-akbar responsabiltà - li jingħata għarfien u tkun garantita konkretament ir-rikostruzzjoni tad-dinjità, li spiss tintesa jew tkun injorata, min-naħa ta' ħutna sabiex huma jħossuhom protagonisti tad-destin tan-nazzjon tagħhom.  ma nistgħux inwarrbu minn quddiem għajnejna l-fatt li "n-nuqqas ta' ugwaljanza fejn jidħlu l-opportunitajiet, l-għamliet diversi tal-aggressjoni u l-gwerra, isibu art għammiela li llum jew għada twassal għall-isplużjoni.  Meta s-soċjetà - lokali, nazzjonali jew dinjija - twarrab lejn il-periferija parti minnha nfisha, ebda programm politiku u ebda forzi tal-ordni jew tal-ġenju ċivili ma jkunu jistgħu jiggarantixxu t-trankwillità għat-tul" (Eż. App. Il-Feerħ tal-Vanġelu, 59).

Il-paċi kienet il-mutur tal-iżvilupp fil-Mozambique f'diversi setturi.  Il-progress miksub fl-istruzzjoni u fis-saħħa jippromettu ħafna.  Ninkoraġġikom biex tkomplu tmexxu 'l quddiem il-ħidma tat-tisħiħ tal-istrutturi u tal-istituzzjonijiet meħtieġa sabiex ħadd ma jħossu abbandunat, partikolarment iż-żgħażagħ tagħkom, li jiffurmaw il-parti l-kbira tal-popolazzjoni.  Huma mhumiex biss it-tama ta' din l-art, huma l-preżent li jsejjaħ, ifittex u jeħtieġ isib toroq dinjitużi li jippermettulhom jiżviluppaw it-talenti tagħhom kollha; huma potenzjal biex tinżera' u tikber il-ħbiberija soċjali tant mixtieqa.

Kultura tal-paċi teħtieġ "proċess bla waqfien li fih kull ġenerazzjoni ġdida tinvolvi ruħha b'mod sħiħ" (ibid., 220).  Għalhekk ir-rotta għandha tkun waħda li tiffavorixxi l-kultura tal-laqgħa li tiffertiliżżaha bis-sħiħ: tagħraf lill-ieħor, toħloq rabtiet, tibni pontijiet.  F'das-sens huwa importanti li l-memorja tibqa' ħajja biex tkun it-triq li tmexxi lejn il-ġejjieni, mogħdija li twassal biex jitfittxu għanijiet komuni, valuri maqbula, ideat li jgħinu biex jingħelbu l-interessi settorjali, korporattivi jew individwali, ħalli l-għana tan-nazzjon tagħkom jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta' kulħadd, speċjalment tal-aktar foqra.  Intom għandkom missjoni storika u kuraġġuża x'taqdu: tħallux l-impenn tagħkom inin sakemm ikun għad fadal tfal u adoloxxenti bla skola, familji bla dar, ħaddiema mingħajr impieg, bdiewa mingħajr art....  Din hija l-bażi ta' ġejjieni ta' tama għax ikun ġejjieni ta' dinjità!  Dawn huma l-armi tal-paċi.

Il-paċi tistedinna wkoll biex nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna.  Minn dan l-aspett, il-Mozambique hu art imbierka, u intom mistednin, b'mod speċjali biex tieħdu ħsieb sewwa ta' dil-barka.  Id-difiża tal-art hi wkoll difiża tal-ħajja, li teħtieġ attenzjoni speċjali meta qed nassistu għal tendenza li taħtaf u tisraq, imbuttata mill-kilba tal-ħażna li, ġeneralment, lanqas biss hi kultivata minn persuni li jgħixu f'din l-art, u anqas u anqas għandha l-għan li tħares il-ġid komuni tal-poplu tagħkom.

Sur President, Awtoritajiet distinti, intom ilkoll bennejja tal-isbaħ opra li tista' ssir: ġejjieni ta' paċi u rikonċiljazjzoni bħala garanzija tad-dritt għall-ġejjieni ta' uliedkom.  Nitlob lil Alla sabiex, fiż-żmien li se nqatta' magħkom, jien ukoll - f'għaqda ma' ħuti l-isqfijiet u l-Knisja Kattolika pellegrini fid-dinja - nagħti sehemi sabiex il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni jibdew isaltnu bejnietkom b'mod definittiv.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber