Padre Lombardi
Aħna ppruvajna ngħidu lill-Papa biex joqgħod bi kwietu, jistrieħ fil-vjaġġ bejn Kuba u l-Messiku; imma hu hekk mimli ħeġġa u ferħ wara din il-laqgħa, li ried assolutament jerġa’ jiltaqa’ magħna, biex jaqsam magħna s-sentimenti tiegħu u jgħidilna dak li jixtieq. Santità, grazzi ħafna.
Il-Papa Franġisku
Il-lejla t-tajba. Nemmen li bid-Dikjarazzjoni li rċivejtu [id-Dikjarazzjoni komuni mal-Patrijarka Kirill], għandkom biżżejjed xogħol għal-lejl kollu u anki għal għada! Għalhekk m’aħniex ħa nagħmlu mistoqsija u tweġiba. Imma nixtieq naqsam magħkom dak li qed inħoss.
Qabel xejn, is-sentiment ta’ merħba u ta’ disponibbiltà tal-President Castro. Jien kont kellimtu fuq din il-laqgħa, l-aħħar darba, u hu kien dispost jagħmel minn kollox u stajna naraw li ħejja għal dan kollu. U rrid nirringrazzjah ta’ dan.
It-tieni: mal-Patrijarka Kirill. Kien djalogu bejn l-aħwa. Punti ċari, li qed iħassbu lilna t-tnejn li aħna, tkellimnihom. B’ħafna ċarezza. Jien ħassejtni qisni qiegħed quddiem ħija, u anki hu qalli l-istess ħaġa. Żewġ isqfijiet li l-ewwel nett tkellmu fuq il-qagħda tal-Knejjes tagħhom; imbagħad it-tieni, fuq il-qagħda tad-dinja, tal-gwerer, gwerer li issa qed jirriskjaw li ma jibqgħux daqshekk “f’biċċiet”, imma li qed jinvolvu lil kulħadd; u fuq il-qagħda ta’ l-Ortodossija, tas-Sinodu pan-Ortodoss li ġej… Imma jien ngħidilkom, tassew, ħassejt ferħ ġo fija li kien ġej mill-Mulej. Hu tkellem b’mod ħieles u anki jien tkellimt liberament. Il-ferħ kien jinħass. It-tradutturi kienu bravi, it-tnejn li huma. Kien kollokju “bejn sitt pari għajnejn”: il-Patrijarka Kirill, jien, l-Eminenza Tiegħu l-Metropolita Hilarion u l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Koch, u ż-żewġ tradutturi. Imma b’ħafna libertà. Tkellimna aħna t-tnejn, u l-oħrajn jekk konna nistaqsuhom xi ħaġa.
It-tielet, sar programm ta’ attivitajiet possibbli komuni bejnietna, għax l-għaqda nibnuha mexjin flimkien. Darba jien għidt li jekk l-għaqda nagħmluha fl-istudju, billi nistudjaw it-teoloġija u l-bqija, forsi jilħaq jasal il-Mulej u nkunu għadna nfittxu l-għaqda. L-għaqda nibnuha fit-triq, aħna u mexjin: hekk ta’ l-inqas il-Mulej, meta jiġi, isibna nimxu.
Imbagħad iffirmajna din id-Dikjarazzjoni li għandkom f’idejkom: se jkun hemm ħafna interpretazzjonijiet, ħafna. Imma jekk ikun hemm xi dubju, Padre Lombardi jkun jista’ jagħtikom it-tifsira vera tal-ħaġa. M’hix Dikjarazzjoni politika, m’hix Dikjarazzjoni soċjoloġika, hi dikjarazzjoni pastorali, anki meta nitkellmu fuq is-sekulariżmu jew fuq ħwejjeġ espliċiti, fuq il-manipulazzjoni bijoġenetika jew fuq dawn il-ħwejjeġ kollha. Imma hi pastorali: ta’ żewġ isqfijiet li ltaqgħu għax imħassbin pastoralment. U jien ħriġt kuntent. Imma hemm jistennewni 23km ta’ papamobile miftuħa…
Grazzi ħafna tax-xogħol tagħkom: agħmlu dak li tistgħu! Grazzi ħafna, grazzi.
Padre Lombardi
Grazzi ħafna lilek, Santità, u l-vjaġġ it-tajjeb.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard