MESSAĠĠ BIL-VIDJO TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FL-OKKAŻJONI TA’ L-OSTENSJONI STRAORDINARJA

TAL-LIŻAR TA’ TURIN

Sibt il-Għid, 30 ta’ Marzu 2013

"Wiċċ ta’ persuna mejta, imma safrattant hu jħares lejna, u fis-skiet ikellimna."

 

Għeżież ħuti,

 

Anki jien nersaq magħkom quddiem il-Liżar imqaddes, u rrodd ħajr lill-Mulej li qed joffrilna, bl-għodda tal-lum, din il-possibbiltà.

 

Anki jekk qed iseħħ f’din l-għamla, dan l-att tagħna m’hux sempliċi osservazzjoni, imma hu qima, hu ħarsa li titlob.  U ngħid iżjed: ifisser li nħalluH imexxina.  Dan il-Wiċċ għandu l-għajnejn magħluqa, u l-wiċċ ta’ persuna mejta, imma safrattant hu jħares lejna, u fis-skiet ikellimna.  Kif jista’ jkun dan?  X’inhi din li l-poplu fidil, bħalma intom intom, jixtieq jieqaf quddiem din l-Ikona ta’ Bniedem imsawwat u mislub?  Għax ir-Raġel tal-Liżar jistedinna nikkonetemplaw lil Ġesù ta’ Nazaret.  Din ix-xbieha – immarkata fuq il-liżar – qed tkellem lil qalbna u timbuttana biex nitilgħu fuq l-Għolja tal-Kalvarju, biex inħarsu lejn l-għuda tas-Salib, u nintelqu fis-sikta elokwenti ta’ l-imħabba.

 

Mela ejjew inħallu tilħaqna din il-ħarsa, li m’hix tfittex lil għajnejna imma lil qalbna.  Nisimgħu xi jrid jgħidilna, fis-skiet, hu li għadda mill-istess mewt għall-ħajja.  Permezz tal-Liżar imqaddes taslilna l-Kelma waħdanija u aħħarija ta’ Alla: l-Imħabba li saret laħam, inkarnata fl-istorja tagħna; l-Imħabba kollha ħniena ta’ Alla li ħa fuqu l-ħażen kollu tad-dinja biex jeħlisna mill-ħakma tiegħu.  Dan il-Wiċċ imbiċċer jixbah lil tant uċuħ ta’ rġiel u nisa miġruħa minn ħajja li ma tirrispettax id-dinjità tagħhom, minn gwerer u vjolenzi li jolqtu lill-iktar dgħajfa…  Madankollu l-Wiċċ tal-Liżar jikkomunika paċi kbira; dan il-Ġisem ittorturat jesprimi maestà sovrana.  Bħallikieku ħalla tgħaddi minnu enerġija miżmuma imma qawwija, donnu qed jgħidilna: Agħmlu l-qalb, ara taqtgħu jieskom; il-qawwa ta’ l-imħabba ta’ Alla, il-qawwa ta’ l-Irxoxt kollox tirbaħ.

 

Għalhekk, aħna u nikkontemplaw lill-Bniedem tal-Liżar, nagħmel tiegħi, f’dan il-waqt, it-talba li San Franġisk ta’ Assisi lissen quddiem il-Kurċifiss:

 

O Alla, l-aktar Għoli u Glorjuż,

dawwal id-dlamijiet ta’ qalbi.

U sawwab fija fidi vera,

tama ċerta u mħabba perfetta.

Agħtini, Mulej, li nħoss u nagħraf lilek

biex nagħmel ir-rieda vera u mqaddsa tiegħek.  Ammen.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard