Lill-Beatitudni Tiegħu Grégoire Pierre XX Ghabroyan 

Patrijarka taċ-Ċiliċja ta’ l-Armeni

 

Il-ħatra tiegħek fis-Sede taċ-Ċiliċja ta’ l-Armeni hi għalija raġuni ta’ ferħ kbir, u rroddlok ħajr ta’ l-ittra li biha l-Beatitudni Tiegħek għarrfitni dwar dan, fejn tlabtni l-komunjoni ekkleżjastika.

 

Nissieħeb mal-fidili kollha tal-Patrijarkat biex nagħtik l-awgurju fratern u kordjali tiegħi u nitlob fuqek il-kotra tal-grazzji divini biex il-ministeru ġdid tiegħek iġib frott kbir.  Meta l-Mulej jagħti l-ġid tiegħu, artna tagħti l-frott tagħha (ara Salm 85:13)!

 

Il-ħatra tal-Beatitudni Tiegħek seħħet f’mument fejn il-Knisja qed tħabbat wiċċha ma’ diffikultajiet u sfidi ġodda, bħalma hi, b’mod partikulari, is-sitwazzjoni ta’ parti mill-fidili Kattoliċi Armeni li qed iġarrbu provi kbar fil-Lvant Nofsani.  Madankollu, imdawla mill-fidi tagħna fi Kristu Rxoxt, ħarsitna fuq id-dinja hi mimlija bit-tama u l-ħniena, għax aħna ċerti li s-Salib ta’ Ġesù hu s-siġra li tagħti l-ħajja.

 

Jiena konvint li l-Beatitudni Tiegħek, f’komunjoni ma’ l-għeżież Missirijiet tas-Sinodu, bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, se tagħraf, bl-għerf kollu tal-Vanġelu, tkun Pater et Caput, Ragħaj Tajjeb ta’ dik il-parti tal-Poplu ta’ Alla li ġiet fdata f’idejk.  L-għadd ta’ martri Armeni, u San Girgor ta’ Narek, Duttur tal-Knisja, mhux sa jonqsu li jidħlu għalik.

 

Minn qalbi nagħtik, Beatitudni, il-komunjoni ekkleżjastika li qed titlobni, fi qbil mat-tradizzjoni tal-Knisja u man-normi ta’ bħalissa.

 

Nafda lilek u lill-ministeru tiegħek f’idejn Ġesù Kristu u l-ħarsien ta’ l-Omm Imqaddsa ta’ Alla, u minn qalbi nibgħatlek il-Barka Appostolika li nestendi fuq il-Patrijarkat kollu.

 

Mill-Vatikan, 25 ta’ Lulju 2015

 

Franġisku

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard