|
Messaġġ ta’ Papa Franġisku
għat-53 Jum Dinji
tal-Komunikazzjoni Soċjali
« “Aħna
membri ta’ xulxin”
(Efes
4,25).
Minn komunitajiet tas-social
network għall-komunità
umana »
Għeżież ħuti,
Sa minn meta l-internet
beda jkun għad-dispożizzjoni
tagħna, il-Knisja dejjem fittxet
li tippromwovi l-użu tiegħu biex
in-nies jiġu aktar flimkien u
biex ikun mezz ta’ solidarjetà
bejn kulħadd. B’dan il-messaġġ
nixtieq li għal darb’oħra
nistedinkom tirriflettu fuq kemm
hi ħaġa bażika u importanti li
nkunu f’relazzjoni bejnietna u
biex, f’dan il-baħar ta’ sfidi
fil-kuntest komunikattiv
tal-lum, niskopru mill-ġdid
ix-xewqa tal-bniedem li ma
jibqax waħdu, fis-solitudni
tiegħu.
Il-metafora tan-“net”
u tal-“komunità”
Illum, l-ambjent tal-media tant
sar mifrux li ma jintgħarafx
mill-isfera tal-ħajja ta’
kuljum. In-netwerk huwa riżorsa
ta’ żmienna. Hu għajn ta’
għarfien u relazzjonijiet li
qatt ma konna noħolmuhom.
Madankollu, hemm bosta esperti
li meta jiġu biex jitkellmu dwar
il-bidliet profondi li bihom
it-teknoloġija qed timmarka
l-loġika tal-produzzjoni,
taċ-ċirkolazzjon u tal-użu
tal-kontenut, dawn jisħqu wkoll
fuq ir-riskji li jheddu
t-tfittxija u l-kondiviżjoni ta’
informazzjoni awtentika fuq
skala globali. Jekk l-internet
hu tassew
possibbiltà
straordinarja ta’ aċċess
għall-għarfien, huwa veru wkoll
li dan hu wieħed mill-postijiet
l-aktar esposti
għall-informazzjoni żbaljata u
għat-tgħawwiġ konxju u immirat
tal-fatti u tar-relazzjonijiet
interpersonali, li spiss
jintużaw biex itellfu l-krettu.
Hemm bżonn nagħrfu li jekk
min-naħa l-waħda n-netwerks
soċjali jservu biex jgħaqqduna,
biex insibu u ngħinu lil xulxin,
min-naħa l-oħra dawn
jiffaċilitaw l-użu manipulattiv
ta’ informazzjoni personali,
bl-għan ta’ vantaġġ fuq livell
politiku jew ekonomiku, mingħajr
rispett lejn il-persuna u
d-drittijiet tagħha.
L-istatistika turi li fost
iż-żgħażagħ, wieħed minn kull
erbgħa hu involut f’episodji ta’
cyberbulling[1]
Fil-kumplessità
ta’ dan ix-xenarju, forsi jiswa
li mmorru lura lejn il-metafora
tan-netwerk li tpoġġiet fil-bidu
bħala l-bażi tal-internet, biex
nirriflettu u niskopru mill-ġdid
il-potenzjal pożittiv tagħha.
Il-figura tan-netwerk tistedinna
biex nirriflettu fuq l-għadd
kbir ta’ linji u kif dawn jidħlu
f’xulxin, xi ħaġa li tiżgura
l-istabbilità
tan-netwerk minkejja li m’hemmx
ċentru, li m’hemmx struttura
ġerarkika, forma ta’
organizzazzjoni vertikali.
In-netwerk jiffunzjona grazzi
għas-sehem flimkien tal-elementi
kollha.
Jekk inħarsu lejn id-dimensjoni
antropoloġika tal-metafora
tan-network, din tfakkarna
f’figura oħra mimlija tifsiriet:
dik tal-komunità.
Aktar ma komunità
tfittex li tkun
magħquda u solidali, aktar ma
tkun animata minn sentimenti ta’
fiduċja u tfittex objettivi
komuni, aktar tkun b’saħħitha.
Il-komunità
bħala netwerk ta’ solidarjetà
teħtieġ is-smigħ reċiproku u
d-djalogu mibni fuq l-użu
responsabbli tal-kelma.
Fix-xenarju preżenti, ilkoll
nistgħu naraw b’mod ċar li s-social
network
community
mhijiex awtomatikament sinomina
ma’ komunità.
Fl-aħjar każi, dawn is-sistemi
jirnexxilhom jagħtu prova ta’
għaqda u solidarjetà,
iżda spiss jibqgħu sempliċiment
gruppi ta’ individwi li
jirrikonoxxu lil xulxin permezz
ta’ interessi komuni jew tħassib
karatterizzat minn rabtiet
dgħajfa. Barra minn hekk, ħafna
drabi fis-social web
l-identità
tkun imsejsa fuq l-oppożizzjoni
fil-konfront tal-persuna l-oħra,
li tkun barranija għall-grupp.
Wieħed iħares aktar lejn dak li
jifred milli lejn dak li
jgħaqqad, filwaqt li jagħti lok
għas-suspett u għal sfog ta’
kull tip ta’ preġudizzju
(etniku, sesswali, reliġjuż u
oħrajn). Din it-tendtenza
tinkoraġġixxi gruppi li jeskludu
d-diversità
u li anki fl-ambjent diġitali
jappoġġaw individwaliżmu
sfrenat, waqt li xi drabi
jispiċċaw biex jispiraw
mibegħda. Hekk, dik li suppost
tkun tieqa fuq id-dinja ssir
vetrina li fiha wieħed jesibixxi
n-narċiżiżmu personali.
In-netwerk hu opportunità
li twassalna biex ningħaqdu
mal-oħrajn, iżda jista’ wkoll
issaħħaħ l-awto-iżolament
tagħna, għax kapaċi jkun bħal
għanqbuta li taqbadna fin-nassa
tagħha. Iż-żgħażagħ huma dawk
l-aktar esposti biex jilludu
ruħhom u jaħsbu li s-social
web tista’ tissodisfahom
għal kollox fuq livell
relazzjonali. Dan qed iġib
miegħu l-fenomenu perikoluż ta’
“eremiti soċjali” li jwassal
liż-żgħażagħ għar-riskju li
jinqatgħu kompletament
mis-soċjetà.
Din id-dinamika drammatika turi
qasma serja fin-nisġa
relazzjonali tas-soċjetà,
ġerħa li ma nistgħux ninjorawha.
Din ir-realtà
multiformi u perikoluża ġġib
magħha diversi kwistjonijiet ta’
natura etika, soċjali, ġuridika,
politika, ekonomika, u hi sfida
wkoll għall-Knisja. Filwaqt li
l-gvernijiet qed ifittxu modi
legali biex jirregolaw u
jipproteġu l-viżjoni oriġinali
ta’ netwerk ħieles, miftuħ u
żgur, aħna lkoll għandna
l-possibbiltà
u r-responsabbiltà
li nkattru l-użu pożittiv
tiegħu.
Hi ħaġa ċara li mhux biżżejjed
jiżdiedu l-konnessjonijiet biex
tikber il-komprensjoni
reċiproka. Mela, kif ser nerġgħu
nsibu l-identità
komunitarja vera filwaqt li
nagħrfu r-responsabbiltà
li għandna lejn xulxin anki fl-online
netwerk?
“Aħna
membri ta’ xulxin”
Nistgħu nwieġbu billi nagħtu
ħarsa lejn it-tielet metafora,
dik tal-ġisem u l-membri
tiegħu li San Pawl juża
biex jitkellem dwar
ir-relazzjoni ta’
reċiproċità
bejn il-bnedmin, mibnija fuq
organiżmu li jgħaqqadhom.
“Warrbu minnkom il-gideb u għidu
l-verità
wieħed lill-ieħor, għax aħna
membri ta’ xulxin” (Efes 4,25).
L-Appostlu qed jisħaq li la
aħna membri ta’ xulxin, mela
jeħtieġ li nwarrbu l-gideb u
ngħidu l-verità:
l-obbligu li nħarsu l-verità
jiġi mill-ħtieġa li
r-relazzjoni ta’ komunjoni ta’
bejnietna ma tkunx gidba.
Fil-fatt, il-verità
timmanifesta ruħha
fil-komunjoni. Min-naħa l-oħra,
meta tigdeb tkun qed tiċħad
b’mod egoistiku li inti parti
mill-ġisem; tkun qed tiċħad li
trid tagħti lilek innifsek
lill-oħrajn, u hekk tkun qed
titlef it-triq waħdanija biex
issib lilek innifsek.
Il-metafora tal-ġisem u l-membri
tiegħu twassalna biex
nirriflettu fuq l-identità
tagħna, li hi bbażata fuq
il-komunjoni u fuq il-fatt li
l-oħrajn huma differenti minna.
Bħala nsara, aħna lkoll membri
tal-ġisem wieħed li tiegħu
Kristu huwa r-ras. Dan jgħinna
biex ma nħarsux lejn l-ieħor
bħala xi ħadd li jikkompeti
magħna, imma biex, anki jekk hu
għadu tagħna, narawh bħala
persuna. M’hemmx bżonn ta’
avversarju biex niddefinixxu
lilna nfusna, għax il-ħarsa ta’
inklużjoni li jgħallimna Kristu
twassalna biex niskopru
lill-ieħor b’mod ġdid; narawh
bħala parti integranti u
meħtieġa biex ikun hemm
relazzjoni u biex inkunu qrib
xulxin.
Kapaċità
ta’ din ix-xorta
biex il-bnedmin jagħrfu lil
xulxin u jikkomunikaw bejniethom
b’dan il-mod għandha l-għeruq
tagħha fil-komunjoni ta’ mħabba
li hemm fit-tliet Persuni
divini. Alla mhuwiex Solitudni,
imma Komunjoni; huwa Mħabba u
għalhekk komunikazzjoni, għax
l-imħabba tikkomunika dejjem,
anzi tikkomunika lilha nnifisha
biex tiltaqa’ mal-ieħor. Biex
jikkomunika magħna u jagħtina
lilu nnifsu, Alla adatta ruħu
għal-lingwaġġ tagħna filwaqt li
stabbilixxa djalogu veru
mal-umanità
matul l-istorja
(ara
Kon. Vatikan II,
Dei
Verbum,
2).
Għax maħluqin fuq is-sura u
x-xbieha t’ Alla li hu komunjoni
u komunikazzjoni tiegħu nnifsu,
aħna dejjem inġorru f’qalbna
x-xenqa li ngħixu l-komunjoni,
li nkunu parti minn komunità.
San Bażilju jisħaq: “Ma hemm
xejn fin-natura tagħna hekk
speċifiku daqs dak li nidħlu
f’rabta ma’ xulxin, li nħossu
l-bżonn ta’ xulxin”
[2].
Il-kuntest attwali jsejħilna
lkoll biex ninvestu
fir-relazzjonijiet, biex anki
fin-netwerk u permezz
tan-netwerk naffermaw
il-karattru interpersonali tal-umanità
tagħna.
U bir-raġun kollu, aħna l-Insara
msejħin biex nimmanifestaw dik
il-komunjoni li timmarka l-identità
tagħna ta’ nies li jemmnu.
Fil-fatt, il-fidi stess hi
relazzjoni, hi laqgħa, u
bil-qawwa tal-imħabba t’Alla
aħna nistgħu nikkomunikaw,
nilqgħu u nagħrfu li l-persuna
l-oħra hi rigal u nwieġbu għal
dan ir-rigal.
Il-komunjoni li tixbaħ lil dik
mgħejxa mit-Trinità
hija preċiżament
dik li tiddistingwi l-persuna
mill-individwu. Il-fidi f’Alla
li hu Trinità
twassalni biex nagħraf li jien
għandi bżonn tal-ieħor biex
inkun jiena nnifsi. Inkun tassew
uman, tassew personali, biss
meta nirrelata mal-oħrajn.
Fil-fatt it-terminu “persuna”
jfisser l-essri uman bħala
“wiċċ”, li jitfa’ ħarstu fuq
l-oħrajn, li jinvolvi ruħu
mal-oħrajn. Il-ħajja tagħna ssir
dejjem aktar
umana
daqskemm ma tibqax individwali
imma ssir aktar personali. F’din
il-mixja awtentika li fiha
l-bniedem isir dejjem aktar
bniedem, naraw li minn individwu
li jħares lejn l-ieħor bħala xi
ħadd rivali għalih, isir persuna
li jagħraf lill-ieħor bħala
sieħeb fi vjaġġ.
Minn
“like”
għal
’“ammen”
L-immaġni tal-ġisem u l-membri
tfakkarna li l-użu tas-social
web jikkompleta l-encounter
li jsir permezz tal-ġisem,
tal-qalb, tal-għajnejn,
tal-ħars, tan-nifs tal-ieħor.
Jekk in-netwerk jintuża bħala
estensjoni jew bħala stennija
għal laqgħa ta’ din ix-xorta,
allura l-kunċett tan-netwerk ma
jkunx ittradut u jibqa’ riżorsa
ta’ komunjoni. Jekk il-membri
ta’ familja jużaw in-netwerk
biex ikunu aktar magħquda
bejniethom u biex meta jiltaqgħu
għall-ikel ikunu jistgħu jħarsu
f’għajnejn xulxin, allura
n-netwerk ikun riżorsa. Jekk
komunità
ekkjeżjali tikkordina
l-attivitajiet tagħha permezz
tan-netwerk, biex imbagħad
tiċċelebra l-Ewkaristija
flimkien, allura n-netwerk ikun
riżorsa. Jekk in-netwerk ikun
okkażjoni biex inkunu aktar
qrib ta’ stejjer u esperjenzi
sbieħ jew ta’ tbatija li huma ‘l
bogħod minna, biex nitolbu u
flimkien infittxu l-ġid ħalli
nerġgħu niskopru dak li
jgħaqqadna, alllura jkun
riżorsa.
Hekk nistgħu ngħaddu
mid-djanjosi għat-terapija:
niftħu t-triq għad-djalogu,
għall-encounter,
għat-tbissima,
għall-espressjonijiet ta’
tenerezza.... Dan hu n-netwerk
li rridu, mhux dak li jaqbadna
f’nassa, imma dak li jeħlisna,
li jieħu ħsieb komunjoni ta’
persuni ħielsa. Il-Knisja stess
hi netwerk minsuġa
mill-komunjoni ewkaristika, fejn
l-għaqda mhijiex ibbażata fuq
numru ta’ “likes” , imma fuq
il-verità,
fuq “l-ammen” li permezz tagħha
kull wieħed jaderixxi
għall-Ġisem ta’ Kristu u jilqa’
lill-oħrajn.
Mill-Vatikan, 24 ta’ Jannar
2019,
Tifkira ta’
San Franġisk
ta’
Sales.
Franciscus
[1]
Osservatorju
Internazzjonali
għall-prevenzjoni tas-cyberbullying
li ser ikollu l-headquarters
tiegħu fil-Vatikan.
[2]
Regole ampie, III, 1:
PG 31, 917°;ara
Benedetto XVI,
Messaġġ
għall-43
Jum Dinji
tal-Komunikazzjoni Soċjali
(2009).
Miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Vivienne Attard
|