MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

GĦAT-XXVIII JUM DINJI TAL-MARID

11 ta’ Frar 2020

 

“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,

u jiena nserraħkom” (Mt 11:28)

 

Għeżież ħuti,

 

1. Il-kelmiet li qal Ġesù: Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom (Mt 11:28) juru l-mixja misterjuża tal-grazzja li turi ruħha fis-sempliċi u li tagħti mistrieħ lill-imħabbtin u l-imtaqqlin. Dawn il-kelmiet jesprimu s-solidarjetà tal-Iben ta’ Alla, Ġesù Kristu, quddiem umanità mħabbta u fit-tbatija. Kemm persuni jbatu fil-ġisem u fl-ispirtu! Huwa jsejjaħ lil kulħadd lejh: “Ejjew għandi”, u jwegħedhom is-serħan u l-mistrieħ. Meta Ġesù jgħid dan, għandu quddiem għajnejh il-persuni li jiltaqa’ magħhom kuljum fit-toroq tal-Galilija: ħafna nies sempliċi, foqra, morda, midinbin, emarġinati u mtaqqlin mit-toqol tal-liġi u mis-sistema soċjali oppressiva Dawn in-nies dejjem fittxewh biex jisimgħu kelmtu – kelma li tati t-tama (Angelus, 6 ta’ Lulju 2014).

 

Fit-XXVIII Jum Dinji tal-Marid, Ġesù jistieden lill-morda u lill-imġarrbin, lill-foqra li jafu li jiddependu kompletament minn Alla u li, feruti bit-toqol tal-prova, għandhom bżonn il-fejqan. Ġesù Kristu, lil dawk li jgħixu fit-turment is-sitwazzjoni proprja tagħhom ta’ fraġilità, tbatija u dgħufija, ma jimponix fuqhom liġijiet, iżda joffrilhom ħnientu, jiġifieri l-persuna tiegħu li sserraħ. Ġesù jħares lejn l-umanità feruta. Huwa għandu għajnejn li jaraw, li jintebħu, għaliex iħarsu fil-fond u ma jżebbġux b’mod indifferenti, iżda jieqfu u jilqgħu l-bniedem sħiħ, kull bniedem fil-kundizzjoni ta’ saħħtu, mingħajr ma jwarrbu lil ħadd, jistiednu lil kull wieħed biex jidħol fih biex jagħmel esperjenza ta’ ħlewwa.  

 

2. Għaliex Ġesù Kristu jħaddan dawn is-sentimenti? Għaliex hu stess sar dgħajjef, għadda mit-tbatija umana u wara rċieva serħan mill-Missier. Fil-fatt, dawk biss li jgħaddu minn din l-esperjenza jkunu kapaċi jfarrġu lil ħaddieħor. Huma diversi l-forom gravi ta’ tbatija: mard li ma jitfejjaqx jew kroniku, patoloġiji psikiċi, dawk li jeħtieġu riabilitazzjoni jew kura paljattiva, id-diżabbiltajiet varji, il-mard fit-tfal u tax-xjuħija… F’dawn iċ-ċirkustanzi xi minn daqqiet tinħass nuqqas ta’ umanità u għalhekk ikun meħtieġ li wieħed jippersonalizza t-trattament mal-marid, iżid mal-kura li tingħata dik l-attenzjoni partikolari, biex ikun hemm fejqan uman sħiħ. Fil-marda l-persuna ma tħosshiex biss mhedda fl-integrità fiżika tagħha, iżda wkoll fid-dimensjoni relazzjonali, intellettwali, affettiva, spiritwali; u għalhekk tistenna sostenn, solleċitudni, attenzjoni… insomma, tistenna l-imħabba. Barra minn hekk mal-marid hemm il-familja tiegħu li qed tbati u hija wkoll titlob il-faraġ u li nkunu qrib tagħha.

 

3. Għeżież ħuti morda, il-mard ipoġġikom f’qagħda partikolari fost dawk li huma “mħabbtin u mtaqqlin”, u jiġbdu l-ħarsa u l-qalb ta’ Ġesù. Mingħandu jiġi d-dawl għal dawk il-mumenti mudlama tagħkom, it-tama fil-qtigħ il-qalb tagħkom. Huwa jistedinkom biex tmorru għandu: “Ejjew. Fil-fatt, l-inkwiet u l-mistoqsijiet li jqumu fikom f’dan “il-lejl” tal-ġisem u tal-ispirtu. Fih issibu l-qawwa li tissuperawhom. Iva, Kristu ma taniex riċetti, iżda bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu jeħlisna mill-ħażen li jgħaffiġna.

 

F’dawn il-kundizzjonijiet għandkom bżonn żgur ta’ post fejn titrejqu. Il-Knisja trid tkun dejjem iktar u dejjem aħjar dik “il-lukanda” tas-Samaritan it-tajjeb li semma Kristu (ara Lq 10:34), jiġifieri d-dar li fiha tistgħu ssibu l-grazzja tiegħu li tesprimi ruħha fil-familjarità, fl-akkoljenza, fis-serħan. F’din id-dar tistgħu tiltaqgħu ma’ persuni li, imfejqa mill-ħniena ta’ Alla fid-dgħufijiet tagħhom, ikunu kapaċi jgħinukom iġġorru s-salib billi tagħmlu mill-feriti proprji tagħkom fetħa, li minnha tħarsu lejn l-orizzont lil hinn mill-marda tagħkom u tirċievu d-dawl u n-nifs għal ħajjitkom.

 

F’din il-ħidma ta’ serħan mal-aħwa morda jsib postu s-servizz tal-ħaddiema tas-saħħa, it-tobba, l-infermiera, il-personal sanitarju u amministrattiv, l-awżiljarji, il-voluntiera li b’kompetenza jaġixxu biex il-marid iħoss il-preżenza ta’ Kristu, li joffri serħan u li jitgħabba bil-persuna marida billi jfejqilha l-ġrieħi. Iżda anki dawn il-ħaddiema huma rġiel u nisa bid-dgħufijiet tagħhom u bil-mard tagħhom. Għalihom b’mod partikolari jgħodd dak li għidt: “Meta aħna nirċievu s-serħan u l-faraġ ta’ Kristu, aħna msejħa min-naħa tagħna biex inkunu serħan u faraġ għall-aħwa, bi mġiba ħelwa u umli, fuq l-eżempju tal-Imgħallem (Angelus, 6 ta’ Lulju 2014).

 

4. Għeżież ħaddiema tas-saħħa, kull intervent djanjostiku, preventiv, terapewtiku, ta’ tfittxija, ta’ kura u riabilitazzjoni huwa indirizzat lil persuna marida, fejn is-sostantiv “persuna” jiġi dejjem qabel l-aġġettiv “marida”. Għalhekk l-aġir tagħkom għandu kontinwament ikun indirizzat għad-dinjità u għall-ħajja tal-persuna, mingħajr ebda ċediment għal atti ta’ natura ta’ ewtanasja, ta’ suwiċidju assistit jew qerda tal-ħajja, lanqas meta l-istat tal-marda huwa wieħed irreversibbli.

 

Fl-esperjenza tal-limiti u tal-possibbiltà ta’ falliment anki tax-xjenza medika quddiem każijiet kliniċi dejjem iktar problematiċi u riżultati negattivi, intom imsejħin tinfetħu għad-dimensjoni traxxendentali li tista toffrilkom is-sens sħiħ tal-professjoni tagħkom. Niftakru li l-ħajja hija sagra u tappartieni lil Alla, u għalhekk hija invjolabbli u mhux disponibbli (ara Istruzzjoni Donum vitæ, 5; Enċiklika Evangelium vitæ, 29-53). Il-ħajja għandha tkun milqua, imħarsa, irrispettata u moqdija mill-bidu sat-tmiem; dan huwa mitlub fl-istess ħin kemm mir-raġuni u kemm mill-fidi f’Alla awtur tal-ħajja. F’ċerti każi l-oġġezzjoni tal-kuxjenza hija għażla neċessarja biex tibqgħu koerenti għal dik l-“iva” għall-ħajja u għall-persuna. F’kull każ, il-professjonalità tagħkom, imexxija mill-karità Nisranija, tkun l-aħjar servizz għad-dritt tal-bniedem, dak tal-ħajja. Meta ma tistgħux tfejqu, tistgħu dejjem tikkuraw b’ġesti u proċeduri li jagħtu mistrieħ u serħan lill-marid.  

 

B’dispjaċir, f’ċerti kuntesti ta’ gwerra u ta’ kunflitt vjolenti, jaqgħu taħt il-mira l-personal sanitarju u l-istrutturi li jieħdu ħsieb li jilqgħu u jassistu l-morda. F’ċerti żoni anki l-poter politiku jippretendi li jimmanipula l-assistenza medika għall-vantaġġ proprju tiegħu, hekk li jillimita l-awtonomija ġusta tal-professjoni sanitarja. Fir-realtà, li wieħed jattakka lil dawk li huma ddedikati għas-servizz tal-membri sofferenti tal-ġisem soċjali ma huwa ta’ vantaġġ għal ħadd.

 

5. F’dan it-XXVIII Jum Dinji tal-Marid, naħseb f’ħafna mill-aħwa li fid-dinja kollha m’għandhomx il-possibbiltà li jirċievu l-kura meħtieġa, għaliex jgħixu fil-faqar. Għalhekk indur fuq l-istituzzjonijiet sanitarji u fuq il-gvernijiet tal-pajjiżi kollha tad-dinja sabiex, fil-kunsiderazzjoni tal-aspett ekonomiku, ma jittraskurawx il-ġustizzja soċjali. Nittama li, f’għaqda mal-prinċipji tas-solidarjetà u tas-sussidjarjetà, jikkoperaw sabiex kulħadd ikollu aċċess għal kura adegwata għall-ħarsien u l-akkwist mill-ġdid tas-saħħa. Nirringrazzja mill-qalb il-voluntiera li jingħataw għas-servizz tal-morda, li f’ċerti każi jkunu jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ strutturi, u b’ġesti ta’ ħlewwa u ta’ viċinanza jkunu jirriflettu x-xbieha ta’ Kristu, is-Samaritan it-tajjeb.

 

Lill-Verġni Marija, Saħħa tal-morda, nafda lill-persuni kollha li qegħdin iġorru l-piż tal-mard, flimkien mal-familjari tagħhom, kif ukoll l-operaturi sanitarji kollha. Lil kulħadd b’affett niżgurahom li jiena qrib tagħhom bit-talb u nibagħtilhom mill-qalb il-Barka Appostolika.

 

Mill-Vatikan, 3 ta’ Jannar 2020

Tifkira tal-Isem Qaddis ta’ Ġesù

 

Franġisku

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Mons. Renato Borg