MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

GĦAĊ-ĊELEBRAZZJONI TAT-

LII JUM DINJI TAL-PAĊI

1 TA’ JANNAR 2019

 

Il-politika tajba qiegħda għas-servizz tal-paċi

 

1. Is-sliem lil din id-dar!”

Meta jibgħat lid-dixxipli tiegħu fil-missjoni, Ġesù jgħidilhom: “Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: ‘Is-sliem lil din id-dar’. U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom” (Lq 10:5-6).

 

Fil-qalba tal-missjoni tad-dixxipli ta’ Kristu hemm li huma joffru l-paċi. U din l-offerta hi għal dawk kollha, irġiel u nisa, li jibqgħu jittamaw fil-paċi qalb it-traġedji u l-vjolenza tal-istorja umana.[1] Id-“dar” li fuqha jitkellem Ġesù hi kull familja, kull komunità, kull pajjiż, kull kontinent, fis-singularità u fl-istorja tagħhom; hi qabelxejn kull persuna, bla dinstinzjoni jew diskriminazzjoni. Hi wkoll id-“dar komuni” tagħna: il-pjaneta li fiha Alla qegħedna biex ngħixu u li aħna msejħin nieħdu ħsiebha b’għożża kbira.

 

Ħa jkun dan ukoll mela l-awgurju tiegħi fil-bidu tas-sena l-ġdida: “Is-sliem lil din id-dar!”.

 

2. L-isfida ta’ politika tajba

Il-paċi hi simili għat-tama li dwarha jitkellem il-poeta Charles Péguy;[2] hi bħal warda fraġli li qed tipprova tiftaħ qalb il-blat tal-vjolenza. Dan nafuh: it-tiftixa għall-poter, ikun xi jkun il-prezz, twassal għal abbużi u inġustizzji. Il-politika hi mezz fundamentali biex jissawru s-sens ta’ ċittadinanza u l-ħidmiet tal-bniedem, imma meta, min-naħa ta’ dawk li jħaddmuha, ma tingħaxx bħala servizz b’risq il-bnedmin kollha, tista’ ssir għodda ta’ oppressjoni, ta’ emarġinazzjoni u saħansitra ta’ qerda.

 

“Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed”, jgħidilna Ġesù, “għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd” (Mk 9:35). Kif kien jisħaq il-Papa San Pawlu VI: “Li nieħdu bis-serjetà l-politika fid-diversi livelli tagħha – lokali, reġjonali, nazzjonali u dinjija – ifisser naffermaw id-dmir tal-bniedem, ta’ kull bniedem, li jagħraf ir-realtà konkreta u l-valur tal-libertà tal-għażla li tiġri offruta lilu biex ifittex iwettaq flimkien il-ġid tal-belt, tan-nazzjon, tal-umanità”.[3]

 

Fil-fatt, il-funzjoni u r-responsabbiltà politika jikkostitwixxu sfida permanenti għal dawk kollha li jirċievu l-mandat li jaqdu lil pajjiżhom, biex jipproteġu lil dawk li jgħixu fih u biex jaħdmu ħalli joħolqu l-kundizzjonijiet għal ġejjieni denn u ġust. Jekk titwettaq fir-rispett fundamentali tal-ħajja, tal-libertà u tad-dinjità tal-persuni, il-politika tista’ ssir tassew għamla eminenti ta’ karità.

 

3. L-imħabba u l-virtujiet umani għal politika b’risq is-servizz tad-drittijiet umani u tal-paċi

Il-Papa Benedittu XVI fakkarna li “kull Nisrani huwa msejjaħ għal din il-karità, skont il-vokazzjoni tiegħu u kemm jista’ jkollu influwenza fil-pólis. […] Meta tagħtih ir-ruħ il-karità, l-impenn favur il-ġid komuni għandu siwi ogħla mis-sempliċi impenn sekulari u politiku. […] L-għemil tal-bniedem fuq l-art, meta jkun imnebbaħ u msaħħaħ bil-karità, ikun jiswa għall-bini ta’ dik il-belt ta’ Alla universali li lejha riesqa l-istorja tal-familja umana”.[4] Hu programm li jistgħu jidentifikaw ruħhom miegħu l-politiċi kollha, hi x’inhi l-appartenenza kulturali jew reliġjuża tagħhom li, flimkien, jixtiequ jwettquh għall-ġid tal-familja umana, billi jipprattikaw dawk il-virtujiet umani li jaqblu mal-għemil politiku tajjeb: il-ġustizzja, l-ugwaljanza, ir-rispett reċiproku, is-sinċerità, l-onestà, il-fedeltà.

 

F’dan ir-rigward, jixraq hawn li nfakkru l-“beatitudnijiet tal-politiku”, li ppropona l-Kardinal Vjetnamiż François-Xavier Nguyễn Vãn Thuận, li miet fl-2002, u li kien xhud fidil tal-Vanġelu:

 

Hieni l-politiku li għandu għarfien għoli u profond tar-rwol tiegħu.

Hieni l-politiku li l-persuna tiegħu hi mera ta’ kredibbiltà.

Hieni l-politiku li jħabrek b’risq il-ġid komuni u mhux għall-interess personali tiegħu.

Hieni l-politiku li b’fedeltà sħiħa jibqa’ koerenti.

Hieni l-politiku li jfittex iwettaq l-għaqda.

Hieni l-politiku li huwa impenjat fit-twettiq ta’ bidla radikali.

Hieni l-politiku li jaf jisma’.

Hieni l-politiku li ma jibżax.[5]

 

Kull tiġdid tal-funzjonijiet elettivi, kull skadenza elettorali, kull tappa tal-ħajja pubblika huma okkażjoni biex nerġgħu lura għall-għajn u għall-punti ta’ riferiment li jnebbħu l-ġustizzja u d-dritt. Aħna żguri li l-politika tajba qiegħda għas-servizz tal-paċi; hi tirrispetta u tippromovi d-drittijiet umani fundamentali, li huma wkoll dmirijiet reċiproċi, biex bejn il-ġenerazzjonijiet tal-lum u dawk tal-futur tintiseġ rabta ta’ fiduċja u ta’ rikonoxxenza.

 

4. Il-vizzji tal-politika

Imma flimkien mal-virtujiet, lanqas fil-politika ma jonqsu l-vizzji, li ġejjin kemm minn inkompetenzi personali u kemm minn tagħwiġ fl-ambjent u fl-istituzzjonijiet. Hu ċar għal kulħadd li l-vizzji tal-ħajja politika jneħħu mill-kredibbiltà tas-sistemi li fihom tiżvolġi ruħha, kif ukoll l-awtorevolezza, fid-deċiżjonijiet u fl-azzjoni tal-persuni li jiddedikaw ruħhom għaliha. Dawn il-vizzji, li jdgħajfu l-ideal ta’ demokrazija awtentika, huma l-kawża ta’ mistħija tal-ħajja pubblika u jipperikolaw il-paċi soċjali: il-korruzzjoni – fid-diversi xejriet tagħha ta’ approprjazzjoni żbaljata tal-ġid pubbliku jew ta’ strumentalizzazzjoni tal-persuni –, it-tiċħid mid-dritt, in-nuqqas ta’ rispett għar-regoli komunitarji, it-tixħim illegali, il-ġustifikazzjoni tal-poter bil-forza u bil-pretest arbitrarju tar-“raġunijiet tal-Istat”, it-tendenza li wieħed jipperpetwa l-poter, il-ksenofobija u r-razziżmu, ir-rifjut li wieħed jieħu ħsieb tal-Art, l-isfruttament bla limitu tar-riżorsi naturali bl-għan li jsir profitt immedjat, it-tkasbir ta’ dawk li sfaw eżiljati.

 

5. Il-politika tajba tippromovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-fiduċja fl-oħrajn

Meta t-tħaddim tal-poter politiku jimmira biss biex iħares l-interessi ta’ ftit individwi pprivileġġjati, il-ġejjieni jisfa kompromess u ż-żgħażagħ jistgħu jiġu ttentati mill-qtigħ il-qalb, għax ikkundannati biex jibqgħu fit-trufijiet tas-soċjetà, bla possibbiltà li jieħdu sehem fi pjan għall-futur. Imma meta l-politika tittraduċi ruħha, b’mod konkret, fl-inkuraġġiment taż-żgħażagħ bit-talenti tagħhom u tal-vokazzjonijiet li għandhom jitwettqu, il-paċi tixtered fil-kuxjenzi u fuq l-uċuħ. Issir fiduċja dinamika, li trid tfisser “jien nafda fik u nemmen miegħek” fil-possibbiltà li naħdmu flimkien għall-ġid komuni. Għalhekk il-politika tiffavorixxi l-paċi jekk tesprimi ruħha fl-għarfien tal-kariżmi u tal-ħiliet ta’ kull persuna. “X’hemm iżjed sabiħ minn id imnewla? Din ingħatatilna minn Alla biex nagħtu u nirċievu. Alla ma ridhiex toqtol (ara Ġen 4:1ss) jew li ġġagħal lil min ibati, imma li tikkura u tgħin lil min jgħix. Flimkien mal-qalb u mal-intelliġenza, l-id tista’ ssir, anki hi, strument ta’ djalogu”.[6]

 

Kulħadd jista’ jnewwel il-ġebla tiegħu għall-bini tad-dar komuni. Il-ħajja politika awtentika, li tissejjes fuq id-dritt u fuq id-djalogu leali bejn is-suġġetti, tiġġedded bil-konvinzjoni li kull mara, kull raġel u kull ġenerazzjoni għandhom fihom wegħda li tista’ tikxef enerġiji ġodda relazzjonali, intellettwali, kulturali u spiritwali. Fiduċja bħal din qatt mhu faċli ngħixuha, għax ir-relazzjonijiet umani huma kumplessi. B’mod partikulari, f’dawn iż-żminijiet qed ngħixu fi klima ta’ sfiduċja li għandha għeruqha fil-biża’ mill-ieħor jew mill-barrani, fl-ansjetà li ħa nitilfu l-vantaġġi tagħna, u b’xorti ħażina tidher ukoll fuq livell politiku, permezz ta’ atteġġjamenti ta’ għeluq jew nazzjonaliżmi li jipperikolaw dik il-fraternità li tagħha tant għandha bżonn id-dinja globalizzata tagħna. Illum iżjed minn qatt qabel, is-soċjetajiet tagħna jeħtieġu “bennejja tal-paċi” li jistgħu jkunu ħabbara u xhieda awtentiċi ta’ Alla l-Missier li jrid il-ġid u l-ferħ tal-familja tal-bnedmin.

 

6. Le għall-gwerra u għall-istrateġija tal-biża’

Mitt sena wara tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija, waqt li niftakru fiż-żgħażagħ li mietu f’dawn it-taqbidiet u fil-popolazzjonijiet ċivili milquta ħażin, illum iżjed minn qatt qabel nafu x’inhi t-tagħlima terribbli tal-gwerer fratriċidi, jiġifieri li l-paċi qatt ma tista’ tirriduċi ruħha biss għall-bilanċ tal-forzi u tal-biża’. Li nżommu lill-ieħor taħt theddida jfisser nirriduċuh għall-istat ta’ oġġett u nċaħħduh mid-dinjità tiegħu. Din hi r-raġuni għaliex naffermaw mill-ġdid li l-eskalazzjoni f’termini ta’ intimidazzjoni, kif ukoll it-tixrid bla kontroll tal-armamenti huma kontra l-morali u t-tiftixa tal-vera armonija. It-terrur imħaddem fuq il-persuni l-iżjed vulnerabbli jikkontribwixxi għall-eżilju ta’ popli sħaħ fit-tiftixa ta’ art fejn issaltan il-paċi. Mhumiex sostenibbli d-diskorsi politiċi li jippruvaw jakkużaw il-migranti bid-deni kollu u jċaħħdu lill-foqra mit-tama. Imma rridu nisħqu li l-paċi tissejjes fuq ir-rispett ta’ kull persuna, hi x’inhi l-istorja tagħha, fuq ir-rispett tad-dritt u tal-ġid komuni, tal-ħolqien li ġie fdat f’idejna u tal-għana morali mgħoddi lilna mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna.

 

Barra dan, ħsiebna jmur b’mod partikulari lejn it-tfal li jgħixu fiż-żoni attwali ta’ kunflitt, u lejn dawk kollha li jimpenjaw ruħhom biex ħajjithom u d-drittijiet tagħhom jiġu mħarsa. Fid-dinja, tifel minn sitta hu milqut mill-vjolenza tal-gwerra jew mill-konsegwenzi tagħha, meta ma jiġix ingaġġat biex isir hu stess suldat jew ostaġġ tal-gruppi armati. Ix-xhieda ta’ dawk li qed iħabirku biex iħarsu d-dinjità u r-rispett tat-tfal hu wisq aktar prezzjuż għall-futur tal-umanità.

 

7. Proġett kbir ta’ paċi

Qed niċċelebraw f’dawn il-jiem is-sebgħin anniversarju mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata l-għada tat-Tieni Gwerra Dinjija. Dwar dan, niftakru l-osservazzjoni tal-Papa San Ġwanni XXIII: “Meta fil-bnedmin iwarrad l-għarfien tad-drittijiet tagħhom, f’dak l-għarfien ma jistax ma jitqanqalx ukoll il-ħsieb dwar id-dmirijiet rispettivi: fis-suġġetti li jkollhom dan l-għarfien, tad-dmir li jagħtu l-valur lid-drittijiet bħala esiġenza u espressjoni tad-dinjità tagħhom; u fil-bnedmin l-oħra kollha, tad-dmir li jagħrfu l-istess drittijiet u li jirrispettawhom”.[7]

 

Fil-fatt, il-paċi hi l-frott ta’ proġett politiku kbir li jissejjes fuq ir-responsabbiltà reċiproka u fuq l-interdipendenza tal-bnedmin. Imma hi wkoll sfida li jeħtieġ tiġi milqugħa jum wara l-ieħor. Il-paċi hi koverżjoni tal-qalb u tar-ruħ, u faċli nagħrfu tliet dimensjonijiet li ma jinħallux minn xulxin ta’ din il-paċi interjuri u komunitarja:

- il-paċi magħna nfusna, fejn nirrifjutaw ir-riġidità żejda, ir-rabja u n-nuqqas ta’ sabar u, kif kien tal-fehma San Franġisk de Sales, inħaddmu “ftit tal-ħlewwa magħna nfusna”, biex nistgħu noffru “ftit tal-ħlewwa lill-oħrajn”;

- il-paċi mal-oħrajn: tal-familja, il-ħbieb, il-barranin, il-foqra, min qed ibati…; bis-sogru li niltaqgħu miegħu u nisimgħu l-messaġġ li ġab miegħu;

- il-paċi mal-ħolqien, fejn niskopru mill-ġdid il-kobor tad-don ta’ Alla u l-parti ta’ responsabbiltà li tmiss lil kull wieħed u waħda minna, bħala nies li ngħixu f’din id-dinja, ċittadini u atturi tal-ġejjieni.

 

Il-politika tal-paċi, li taf tajjeb x’inhi d-dgħufija umana u terfa’ r-responsabbiltà tagħha, xorta waħda tista’ dejjem tixrob mill-ispirtu tal-Magnificat li Marija, Omm Kristu l-Feddej u Sultana tal-Paċi, tgħanni f’isem il-bnedmin kollha: “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. […] ftakar fil-ħniena tiegħu, bħalma wiegħed lil missirijietna, b’risq Abraham u nislu għal dejjem” (Lq 1:50-55).

Mill-Vatikan, 8 ta’ Diċembru 2018

 

Franġisku

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Ara Lq 2:14: Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!.

[2] Ara Le Porche du mystère de la deuxième vertu, Paris 1986.

[3] Ittra appostolika Octogesima adveniens (14 ta’ Mejju 1971), 46.

[4] Enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 7.

[5] Ara Diskors fil-wirja-konvenju “Civitas” ta’ Padova: “30giorni”, n. 5 tal-2002.

[6] Benedittu XVI, Diskors lill-Awtoritajiet tal-Benin, Contonou, 19 ta’ Novembru 2011.

[7] Enċiklika Pacem in terris (11 ta’ April 1963), 24.