L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Il-Laqgħa għal-lajċi b’responsabbiltajiet politiċi fil-qadi tal-popli tal-Amerika Latina

 

Il-vidjo messaġġ tal-Papa Franġsku

 

Vidjo messaġġ  tal-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku
lill-parteċipanti fil-laqgħa organizzata minn CAL-CELAM: 
"LAQGĦA GĦAL-LAJĊI B’RESPONSABBILTAJIET POLITIĊI 
FIL-QADI TAL- POPLI TAL-AMERIKA LATINA"

[Bogotà, 1 - 3 Diċembru, 2017]

L-Għodwa t-tajba!

Nixtieq nibda billi nsellem u nirringrazzja lid-diriġenti politiċi li aċċettaw l-istedina biex  jieħdu sehem fi ġrajja li jien stess ħeġġiġt għaliha sa mill-bidunett: “Il-Laqgħa għal-lajċi b’responsabbiltajiet politiċi fil-qadi tal-popli tal-Amerika Latina”. Insellem ukoll lill-Kardinali u lill-Isqfijiet li qed jakkumpanjawkom u li magħhom ser ikollkom djalogu li jiswa għal kulħadd.

Il-Papiet kollha, mill-Papa Piju XII ‘l hawn, dejjem tkellmu dwar il-politika bħala “forma l-aktar għolja tal-imħabba”. Tista’ tfisser dan billi tgħid li l-politika hi servizz ta’ valur enormi li jsir b’dedikazzjoni biex jitwettaq il-ġid komuni tas-soċjetà. Il-politika hi qabel kollox qadi; iżda mhijiex qaddejja ta’ ambizzjonijiet individwali, ta’ arroganza ta’ fazzjonijiet u ta’ ċentri ta’ interess. Bħala servizz, lanqas ma hi sid, li jippretendi li għandu jirregola d-dimensjonijiet kollha tal-ħajja tan-nies u saħansitra jasal għal xi  forma ta’ awtokrazija u totalitarjaniżmu. Meta nitkellem minn awtokrazija u totalitarjaniżmu mhux qed nirreferi għas-seklu li għadda, imma qed nitkellem dwar illum, dwar id-dinja tal-lum, u forsi anki dwar xi pajjiż fl-Amerika Latina. Nistgħu ngħidu li l-qadi ta’ Ġesù li ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi – u l-qadi li l-Mulej jitlob mill-appostli u dixxipli tiegħu hu bħal dak mitlub mill-politiċi. Hu servizz ta’ sagrifiċċju u dedikazzjoni, li xi drabi jwassal biex politiċi jitqiesu bħala “martri” għall-kawża tal-ġid komuni fin-nazzjonijiet tagħhom.

Il-punt ta’ riferiment fundamentali għal dan is-servizz hu l-ġid komuni, xi ħaġa li titlob fermezza, impenn u intelliġenza. Mingħajru ma jistgħux jitwettqu kif imiss id-drittijiet u l-aspirazzjonijiet l-aktar nobbli tal-persuni, tal-familji u tal-gruppi intermedji in ġenerali, għax ma jkunx hemm dak l-ispazju ordnat u ċivili fejn wieħed jista’ jgħix u jaħdem. Il-ġid komuni. Il-Konċilju Vatikan II iddefinixxa l-ġid komuni skont il-patrimonju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja meta qal li “dan jiġbor fih dawk il-kundizzjonijiet tal-ħajja soċjali li bihom l-individwu, il-familji  u l-għaqdiet jistgħu jiksbu l-perfezzjonament tagħhom b’mod aktar sħiħ u aktar malajr” (Gaudium et spes, n. 74).

Huwa ċar li s-serviżż ma jitqabbilx mal-poter. Ħadd ma jrid poter impotenti, iżda biex il-poter ma jiddeġenerax irid ikun ordinat b’mod li jkun ta’ servizz. Jekk il-poter ma jkunx ta’ servizz jiddeġenera. Naturalment, mhux qed nirreferi għall-“politika tajba”, fis-sens l-aktar nobbli tat-tifsira tagħha, u lanqas għad-deġenerazzjoni ta’ dik li nsejħulha “politikerija”. “Biex tinbena ħajja politika li tixraq tassew lill-bniedem m’hemm xejn aħjar milli tinkoraġġixxi sens interjuri tal-ġustizzja, tal-imħabba u tas-servizz tal-ġid komuni u li ssaħħaħ il-konvinzjonijiet fundamentali dwar in-natura vera tal-komunità politika, u wkoll dwar l-għan, l-eżerċizzju rett u l-limiti tal-awtorità politika”(Gaudium et spes, n. 73). Ibqgħu żguri li l-Knisja Kattolika “żżomm ta’ min ifaħħru u jgħożżu x-xogħol ta’ dawk li jagħtu rwieħhom għall-ġid tal-pajjiż biex jaqdu l-bnedmin u jaċċettaw ir-responsabbiltà ta’ dan id-dmir” (Gaudium et spes, n. 75).

Fl-istess ħin, jiena żgur li lkoll inħossu l-ħtieġa li d-dinjità tal-politika tiġi riabilitata. Meta tħares lejn l-Amerika Latina, ma tistax ma tosservax in-nuqqas ta’ fiduċja popolari fejn tidħol il-politika, il-kriżi tal-partiti politiċi, in-nuqqas ta’ dibattiti politiċi ta’ valur li jimmiraw lejn proġetti u strateġiji ta’ livell nazzjonali u latin-amerikan u li jmorru ‘l hemm mill-politika ta’ kabotaġġ! Barra minn hekk, baraxx ta’ akkużi reċiproċi li jfittxu l-popolarità, spiss jieħdu post djalogu miftuħ, li jsir b’rispett u li jfittex il-konverġenzi possibbli. Qed tonqos ukoll il-formazzjoni u l-bidla fejn jidħlu ġenerazzjonijiet politiċi ġodda. Għalhekk, il-poplu jħares mill-bogħod u jikkritika lill-politiċi; jarahom bħala korporazzjoni ta’ professjonisti li jieħdu ħsieb l-interessi tagħhom, inkella jirrabjaw u jakkużahom li huma mgħarrqa fil-korruzzjoni, xi drabi mingħajr id-distinzjoni mistħoqqa. F’dan ma tara  xejn minn dak li għandu x’jaqsam ma’ dik il-parteċipazzjoni pożittiva u meħtieġa  ta’ popli li għandhom interess fil-ħajja u d-destin tagħhom, xi ħaġa li għandha tanima x-xena politika tan-nazzjonijiet. Jidher ċar li hemm bżonn ta’ diriġenti politiċi li jgħixu b’ħerqa l-qadi għall-popli tagħhom, li tbaqbaq fihom il-fibra tal-ethos u l-kultura tagħhom, li huma solidali mat-tbatijiet u t-tamiet tal-popli tagħhom. Hemm bżonn ta’ politiċi li jpoġġu l-ġid komuni qabel l-interessi privati tagħhom, li ma jħallux il-qawwiet kbar finanzjarji u medjatiċi jbezzgħuhom, li huma kompetenti u  għandhom is-sabar meħtieġ quddiem problemi kumplessi, li huma lesti li jisimgħu u jitgħallmu mid-djalogu demokratiku, li jgħaqqdu t-tfittixja għall-ġustizzja mal-ħniena u r-rikonċiljazzjoni. Ma nikkuntentawx ruħna b’xi naqra politika: għandna bżonn ta’ mexxejja politiċi kapaċi li jimmobiltaw setturi kbar popolari filwaqt li jimmiraw lejn objettivi kbar, nazzjonali u latini-amerikani.

Naf personalment mexxejja politiċi latini-amerikani, ta’ orjentamenti politiċi differenti, li joqorbu lejn din il-figura ideali.

Kemm għandna bżonn ta’ “politika tajba u nobbli” fl-Amerika Latina, u ta’ protagonisti f’din il-politika! Il-problemi u l-isfidi li jrridu naffronataw huma kbar! Fl-ewwel post hemm il-ħarsien tad-don tal-ħajja f’kull fażi u espressjoni tagħha. L-Amerika Latina għandha bżonn ukoll ta’ tkabbir industrijali u teknoloġiku sħiħ u sostenibbli, flimkien ma’ politika li taffronta t-traġedja tal-faqar u timmira lejn l-ekwità u l-inklużjoni. Mhuwiex veru żvilupp  dak li jħalli folol ta’ nies mingħajr ma jieħu ħsiebhom u jżid in-nuqqas ta’ ugwaljanza soċjali. Ma nistgħux nittraskuraw l-edukazzjoni integrali, li tibda fil-familja u tiżviluppa ruħha b’tagħlim ta’ kwalità għal kulħadd. Trid tissaħħaħ in-nisġa familjari u soċjali. Kultura li ġġib l-għaqda - u mhux waħda li ġġib il-firda – trid issaħħaħ dawk il-mezzi fundamentali li jibnu l-umanità u s-soċjetà u s-sisien solidi ta’ ħbiberija soċjali li tbarri l-individwaliżmu, il-massifikazzjoni, il-polarizzazzjoni u l-manipulazzjoni. Jeħtieġ nimxu lejn demokraziji maturi, parteċipattivi, mingħajr il-pjaga tal-korruzzjoni jew tal-kolonizzazzjoni ideoloġika, jew il-pretensjonijiet awtokratiċi u d-demogaġiji bl-irħis. Ejjew nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna u ta’ dawk l–aktar vulnerabbli li jgħammru fiha billi nevitaw kull tip ta’ indifferenza qattiela u ta’ sfruttament selvaġġ. Ejjew mill-ġdid nagħtu spinta ‘l fuq b’mod konkret il-ħtieġa tal-integrazzjoni ekonomika, soċjali, kulturali u politika ta’ ġnus ħutna, biex bil-mod il-mod nibnu l-kontinent tagħna.  Dan ikun akbar meta jħaddan fih “l-identitajiet kollha”, bit-taħlit tar-razez li hemm fih, u jkun paradigma ta’ rispett  lejn id-drittijiet umani, ta’ paċi u ta’ ġustizzja. Ma nistgħux nirrassenjaw ruħna mas-sitwazzjoni ħażina li llum spiss niddiskutu dwarha.

Nixtieq nagħmel punt ieħor f’din ir-riflessjoni. Meta Papa Benedittu XVI għamel id-diskors ta’ inawgurazzjoni fil-Ħames Konferenza Ġenerali tal-Isqfijiet tal-Amerika Latina f’Aparecida, hu tkellem bi tħassib dwar: “in-nuqqas ta’ min jinnotah (...) ta’ ilħna u inizjattivi ta’ mexxejja politiċi b’personalità qawwija u dedikazzjoni ġeneruża, li huma koerenti mal-konvinzjonijiet etiċi u reliġjużi tagħhom”. L-Isqfijiet tal-kontinent kollu ddeċidew li din l-osservazzjoni għandha tidħol fil-konklużjonijiet ta’ Aparecida u tkellmu dwar “dixxipli u missjunarji tal-ħajja pubblika” (n.502). Fir-realtà, f’kontinent fejn hemm numru daqshekk kbir ta’ nies mgħammdin fil-Knisja Kattolika, fejn it-tradizzjoni kattolika għadha ħajja u fejn hemm abbundanza ta’ pjetà popolari, kif jista’ jkun li l-Kattoliċi jidhru pjuttost irrelevanti fix-xena politika, jekk mhux ukoll assimilati ma’ loġika mondana? Hemm dubju dwar jekk hemmx xhieda ta’ Kattoliċi eżemplari fix-xena politika, iżda wieħed jinnota n-nuqqas ta’ kurrenti qawwija li jiftħu t-triq għall-Evanġelju fil-ħajja politika tan-nazzjonijiet. Dan ma jfissirx li wieħed jagħmel prożelitiżmu permezz tal-politika; xejn minn dan. Hemm ħafna li jistqarru li huma Kattoliċi, li spiss juru nuqqas ta’ koerenza mal-konvinzjonijiet etiċi u reliġjużi tal-maġisteru kattoliku. Ma nistgħux niġġudikaw il-kuxjenza tagħhom, imma l-azzjonijiet tagħhom iva. Ma nafux dak li jseħħ fil-kuxjenza tagħhom, ma nistgħux niġġudikawha, imma l-azzjonijiet tagħhom jidhru. Hemm oħrajn li tant huma meħudin mill-impenji politiċi li jispiċċaw ipoġġu l-fidi tagħhom fit-tieni post, jiftaqru u ma jkollhomx il-ħila jiggwidaw u jħallu l-marka ta’ ħajjithom fuq id-dimensjonijiet kollha tal-ħajja tal-persuna, anki fejn tidħol il-politika. Ma jonqsux ukoll dawk li jħossu li r-Rgħajja u l-komunitajiet Insara ma jirrikonoxxuhomx, ma jagħmlulhomx kuraġġ, ma jakkumpanjawhomx u ma jgħinuhomx iħarsu l-fidi tagħhom u jikbru fiha. U naslu sabiex fl-aħħar mill-aħħar, is-sehem nisrani fl-azzjoni politika jimmanifesta ruħu biss fid-dikjarazzjonijiet tal-Isqfijiet, mingħajr ma wieħed jagħraf il-missjoni partikulari tal-lajċi kattoliċi biex iġibu l-ordni fis-soċjetà, imexxuha u jittrasformawha skont il-kriterji evanġeliċi u l-patrimonju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja.

Dan kollu wassalni biex nagħżel it-tema “L-impenn indispensabbli tal-lajċi kattoliċi fil-ħajja pubblika tal-Pajjjiżi tal-Amerika Latina” għall-Assemblea Plenarja tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerika Latina, li saret mill-1-4 ta’ Marzu 2016. Fid-19 ta’ Marzu ktibt ittra lill-Kardinal Marc Ouellet, President ta’ din il-Kummissjoni, li fiha għal darb’oħra ġbidt l-attenzjoni dwar ir-riskju tal-klerikaliżmu u għamilt din il-mistoqsija: “Għalina r-rgħajja, xi jfisser il-fatt li l-lajċi qed jaħdmu fil-ħajja pubblika?” “Ifisser li naraw kif  ninkoraġġixxu, nakkumpanjaw u nistimolaw it-tentattivi u l-isforzi kollha li jagħmlu biex iżommu ħajja t-tama u l-fidi f’dinja mimlija kontradizzjonijiet, speċjalment għal dawk l-aktar foqra u ma’ dawk l-aktar foqra. Ifisser, li bħala rgħajja, irridu nieħdu l-impenn li nkunu fost il-poplu u mal-poplu, irridu nsostnu l-fidi u t-tama tiegħu. Irridu niftħu l-bibien, naħdmu miegħu, noħolmu miegħu, nirriflettu miegħu u fuq kollox nitolbu miegħu”. “Hemm bżonn insiru nafu l-belt” - allura dak kollu li qed iseħħ fil-ħajja tan-nies tagħna – “u nibdew b’ħarsa kontemplattiva, jew aħjar b’ħarsa ta’ fidi li tiskopri lil dak Alla li jgħammar fid-djar, fit-toroq, fil-pjazez tiegħu”.   

Minflok, “ħafna drabi waqajna fit-tentazzjoni li naraw il-lajk impenjat bħala  dak li jaħdem fl-opri tal-Knisja u/jew fl-affarijiet tal-parroċċa jew tad-djoċesi. Ftit irriflettejna fuq kif ser nakkumpanjaw lill-imgħammed fil-ħajja pubblika li jgħix kuljum, fuq kif fil-ħidma u fir-responsabbiltajiet li għandu hu jimpenja ruħu bħala nisrani fil-ħajja pubblika. Bla ma ndunajna, ħloqna elite lajkali, u emminna li l-lajċi impenjati huma dawk biss li jaħdmu “f’affarijiet tal-qassisin”. Insejna u ttraskurajna lil min jemmen u ħafna drabi jaħraq it-tama tiegħu fil-ġlieda ta’ kuljum biex jgħix il-fidi tiegħu. Dawn huma s-sitwazzjonijiet  li l-klerikaliżmu ma jistax jara, għax hu aktar imħasseb biex jiddomina spazji milli biex jiġġenera proċessi. Intant hemm bżonn nagħrfu li l-lajk għandu bżonn ta’ forom ġodda ta’ organizzazzjoni u ta’ ċelebrazzjoni tal-fidi, minħabba fir-realtà u l-identità tiegħu, minħabba li hu jinsab fil-qalba tal-ħajja soċjali, pubblika u politika,  u għax jipparteċipa f’forom kulturali li jitwieldu l-ħin kollu”.

Hemm bżonn li l-lajċi kattoliċi ma jibqgħux indifferenti għall-affarijiet pubbliċi u lanqas jibqgħu magħluqa fit-tempji tagħhom; m’għandhomx  jistennew direttivi u konsenji ekkleżjali biex jissieltu favur il-ġustizzja u forom ta’ ħajja aktar umana għal kulħadd. “Qatt m’ għandu jkun ir-ragħaj li jgħid lil-lajk dak li għandu jagħmel jew jgħid; il-lajk jaf  dan aktar u aħjar minna.  Mhuwiex ir-ragħaj li għandu jistabbilixxi dak li l-fidili għandhom jgħidu fid-diversi oqsma. Bħala rgħajja, magħquda mal-poplu tagħna, jagħmlilna tajjeb jekk nistaqsu lilna nfusna kif qed inħeġġu u nippromwovu l-imħabba u l-fraternità, ix-xewqa għall-ġid, il-verità u l-ġustizzja.  Kif ser nagħmlu biex il-korruzzjoni ma tbejjitx  fi qlubna”. Saħansitra lanqas fil-qlub tagħna r-Rgħajja. Fl-istess ħin jagħmlilna tajjeb nisimgħu b’ħafna attenzjoni l-esperjenzi, ir-riflessjonijiet u t-ħassib li jaqsmu magħna l-lajċi li jgħixu l-fidi tagħhom fid-diversi oqsma tal-ħajja soċjali u politika.   

Id-djalogu sinċier tagħkom f’din il-laqgħa hu importanti ħafna. Tkellmu bil-libertà. Djalogu bejn kattoliċi, prelati u politiċi, fejn hemm il-komunjoni bejn persuni li għandhom l-istess fidi, jista’ jkun determinanti aktar mill-oppożizzjonijiet leġittmi ta’ għażliet politiċi. Dan għax aħna nieħdu sehem fl-Ewkaristija, li hi l-għajn u l-quċċata ta’ kull komunjoni. Mid-djalogu tagħkom jistgħu joħorġu elementi ta’ dawl, elementi li jagħtu orjentament għall-missjoni tal-Knisja fid-dinja tal-lum. Grazzi mill-ġdid u l-ħidma t-tajba!   

 

Miġjub mit-Taljan għall-Maltin minn Vivienne Attard

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta