LAQGĦA MAL-KLERU TAD-DJOĊESI TA’ RUMA

MEDITAZZJONI TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ San Ġwann fil-Lateran

Il-Ħamis 7 ta’ Marzu 2019

 

Ir-rikonċiljazzjoni

 

L-għodwa t-tajba lilkom ilkoll.

 

Kemm hi dejjem ħaġa sabiħa li, ta’ kull sena, fil-bidu tar-Randan, ninġabru hawn għal din il-liturġija tal-maħfra ta’ Alla. Jagħmlilna tajjeb – anki lili! – u nħoss f’qalbi paċi kbira, issa li kull wieħed minna rċieva l-ħniena ta’ Alla u taha lill-oħrajn, ħutu. Ejjew ngħixu dan il-mument bħala dak li tassew hu, bħala grazzja straordinarja, miraklu permanenti tat-tjieba divina, fejn għal darb’oħra r-Rikonċiljazzjoni ta’ Alla, oħt il-Magħmudija, tqanqalna, taħsilna bid-dmugħ, troddilna l-ġmiel ta’ qabel.

 

Din il-paċi u din il-gratitudni li jitilgħu minn qalbna lill-Mulej jgħinuna nifhmu kif il-Knisja kollha u kull wieħed u waħda minn uliedha jista’ jgħix u jikber grazzi għall-ħniena ta’ Alla. L-Għarusa tal-Ħaruf issir “bla tebgħa, bla tikmix” (Efes 5:27) b’don ta’ Alla, il-ġmiel tagħha hu fejn twassalha l-mixja ta’ tisfija u ta’ trasfigurazzjoni, jiġifieri ta’ eżodu li għalih qed jistedinha dejjem il-Mulej: “Għalhekk, araw, jiena se niġbidha, neħodha fid-deżert u lil qalbha nkellem” (Hos 2:16). Qatt m’għandna nieqfu niftħu għajnejn xulxin għat-tentazzjoni tal-awtosuffiċjenza u ta’ min joqgħod jogħġob lilu nnifsu, bħallikieku konna Poplu ta’ Alla b’inizjattiva tagħna jew b’mertu tagħna. Dan l-għeluq fina nfusna hu ikrah ħafna u dejjem ħsara ħa jagħmlilna: kemm l-awtosuffiċjenza fl-għemil u kemm id-dnub tal-mera, li noqogħdu nieħdu pjaċir bina nfusna: “Kemm jien sabiħ! Kemm jien bravu!”. Aħna m’aħniex poplu ta’ Alla b’inizjattiva tagħna, b’mertu tagħna; le, tassew, aħna minn issa, jew għad inkunu għal dejjem, il-frott tal-għemil ħanin tal-Mulej: Poplu ta’ kburin li ġejna mċekkna mill-umiltà ta’ Alla, Poplu ta’ msejknin – ejjew ma nibżgħux ngħiduha din il-kelma: “jiena msejken” – li stagħnejna bil-faqar ta’ Alla, Poplu ta’ misħuta li ġejna ġġustifikati minn Dak li sar il-“Misħut” imdendel mas-salib (ara Gal 3:13). Ma ninsewh qatt dan: “mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn!” (Ġw 15:5). Intenni, l-Imgħallem qalilna: “mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn!”. U hekk tinbidel il-biċċa, m’iniex iżjed jien quddiem il-mera li nħares lejja nnifsi, m’iniex jien iċ-ċentru tal-attività, lanqas iċ-ċentru tat-talb, tant drabi… Le, le, huwa hu ċ-ċentru. Jiena fit-tarf. Hu ċ-ċentru, hu li jagħmel kollox, u dan jitlob minna passività qaddisa – dik li mhix qaddisa hi t-telqa, le, dik le – passività qaddisa quddiem Alla, fuq kollox quddiem Ġesù, hu li jagħmel kollox.

 

Għalhekk dan iż-żmien tar-Randan hu tabilħaqq grazzja: jgħinna nerġgħu nsibu fejn hu postna quddiem Alla u nħallu lilu jkun il-kollox tagħna. Imħabbtu terfagħna mit-trab (ftakar li mingħajri int trab, qalilna lbieraħ il-Mulej), l-Ispirtu tiegħu minfuħ mill-ġdid fi mnifsejna jagħtina l-ħajja ta’ mqajma mill-mewt. L-id ta’ Alla, li ħalaqna fuq is-sura u x-xbieha tal-misteru Trinitarju tiegħu, għamlitna kotrana fl-għaqda waħda, differenti imma inseparabbli minn xulxin. Il-maħfra ta’ Alla, li llum iċċelebrajna, hi qawwa li terġa’ twaqqaf il-komunjoni fuq kull livell: fostna l-presbiteri fil-presbiterju wieħed djoċesan; mal-Insara kollha, fil-ġisem waħdieni li hu l-Knisja; mal-bnedmin kollha, fl-għaqda tal-familja umana. Il-Mulej jippreżentana lil xulxin u jgħidilna: ara ħuk, “għadam minn għadmek, laħam minn laħmek” (ara Ġen 2:23), dak li miegħu int imsejjaħ tgħix l-“imħabba li ma tmut qatt” (1 Kor 13:8).

 

Għal dawn is-seba’ snin ta’ mixja djoċesana ta’ konverżjoni pastorali, li jifirduna mill-Ġublew tal-2025 (wasalna fit-tieni waħda), ipproponejtilkom il-ktieb tal-Eżodu bħala paradigma. Il-Mulej jaġixxi, illum bħal dakinhar, u jibdel “dak li mhux poplu” f’Poplu ta’ Alla. Din hi x-xewqa tiegħu u l-pjan tiegħu anki għalina.

 

Mela, x’jagħmel il-Mulej meta b’għafsa ta’ qalb jara kif Iżrael hu poplu “ta’ ras iebsa” (Eż 32:9), “miġbud għall-ħażen” (Eż 32:22) bħal fl-episodju tal-għoġol tad-deheb? Tibda ħidma kollha sabar ta’ rikonċiljazzjoni, pedagoġija ta’ għerf, fejn hu jhedded u jfarraġ, iġagħalhom jagħrfu l-konsegwenzi tal-ħażen imwettaq u jiddeċiedi li jinsa d-dnub, jikkastiga billi jolqot lill-poplu u jfejjaq il-ġerħa li fetaħ. Proprju fit-test ta’ Eżodu 32-24, li se tipproponu f’dan ir-Randan għall-meditazzjoni tal-komunitajiet tagħkom, il-Mulej donnu ħa deċiżjoni radikali: “Jien ma nitlax f’nofskom magħkom” (Eż 33:3). Mela l-Mulej jingħalaq, jitbiegħed. Aħna għandna esperjenza ta’ dan, fil-mumenti koroh, ta’ deżolazzjoni spiritwali. Jekk xi ħadd minnkom ma għaddiex minn dawn il-mumenti, nagħtih parir imur jitkellem ma’ konfessur tajjeb, ma’ direttur spiritwali, għax jonqsok xi ħaġa fil-ħajja; ma nafx x’inhi, imma li ma ġġarrabx deżolazzjoni… mhix ħaġa normali, anzi ngħid li mhix Nisranija. Aħna jkollna minn dawn il-mumenti. Ma nibqax nimxi quddiemek; nibgħatlek l-anġlu tiegħi (ara Eż 32:34) biex jimxi quddiem triqtek, imma jien ma niġix. Meta l-Mulej jitlaqna waħidna, mingħajr il-preżenza tiegħu, u aħna nkunu fil-parroċċa, naħdmu u mgħobbijin bix-xogħol, imma mingħajr il-preżenza tal-Mulej, fid-deżolazzjoni… Mhux biss fil-faraġ, imma fid-deżolazzjoni. Aħsbu f’dan.

 

Min-naħa l-oħra l-poplu, forsi għax bla sabar jew għax iħossu abbandunat (għax Mosè dam ma niżel mill-muntanja), kien warrab il-profeta magħżul minn Alla u talab lil Aron biex jagħmillu idolu, xbieha ta’ Alla li ma titkellimx, biex timxi hi quddiemu. Il-poplu ma jittollerax l-assenza ta’ Mosè, jinsab f’deżolazzjoni u ma jittollerax dan u dritt ifittex Alla ieħor biex ikun komdu. Xi drabi, meta aħna jkollna din id-deżolazzjoni, jista’ jiġri li nfittxu l-idoli. “Le, qiegħed sew, b’dan li għandi niddobba…”. U ma tiġi qatt id-diqa tal-abbandun ta’ Alla. X’jagħmel il-Mulej meta aħna  – bl-idoli – “naqtgħuh barra” mill-ħajja tal-komunitajiet tagħna, għax konvinti li biżżejjed aħna għalina nfusna? F’dak il-waqt l-idolu nkun jien: “Le, nirranġa… Grazzi… Tinkwetax, nirranġa jien”. U ma nibqgħux inħossu dak il-bżonn tal-Mulej, ma nħossux id-deżolazzjoni tal-assenza tal-Mulej.

 

Imma l-Mulej moħħu jilħaqlu! Ir-rikonċiljazzjoni li hu jrid joffri lill-poplu tkun lezzjoni li l-Iżraeliti jibqgħu jiftakruha għal dejjem. Alla jġib ruħu bħal maħbub miċħud: jekk ma tridx taf bija, allura nitlaq! U jitlaqna waħidna. Hu minnu, waħidna nistgħu ngħadduha tajjeb, għal ftit taż-żmien, sitt xhur, sena, sentejn, tliet snin, anki iżjed. F’ċertu punt jisplodi kollox. Jekk aħna nibqgħu mexjin waħidna, tisplodi din l-awtosuffiċjenza, nibdew niggustaw iżjed is-solitudni tagħna. U jisplodu ħażin, jisplodu ħażin. Qed jiġini f’moħħi każ ta’ saċerdot bravu, bravu, reliġjuż, kont nafu tajjeb. Kien brillanti. Jekk ikun hemm problema f’xi komunità, is-superjuri fih kienu jaħsbu biex isewwi l-problema: kulleġġ, università, kien bravu, bravu. Imma kien devot tal-“mera mqaddsa”: kien iħares wisq lejh innifsu. U Alla kien twajjeb miegħu. Darba ġagħlu jħossu waħdu fil-ħajja, li kien tilef wisq. U ma ndenjax jgħid lill-Mulej: “Imma jien irranġajt din il-ħaġa, u sewwejt l-oħra, u l-oħra”. Le, intebaħ dritt li kien waħdu. U l-ikbar grazzja li jista’ jagħti l-Mulej, għalija din hi l-ikbar grazzja: dak ir-raġel beka. Il-grazzja tal-biki. Beka għaż-żmien mitluf, beka għax il-mera mqaddsa ma kinitx tatu dak li hu kien jistenna minnu nnifsu. U reġa’ beda mill-bidu, b’umiltà kbira. Meta l-Mulej jitlaq, għax aħna nkeċċuh, ikun hemm bżonn nitolbu d-don tad-dmugħ, nibku l-assenza tal-Mulej. “Int ma tridnix”, jgħidlek il-Mulej, u biż-żmien jiġrilek dak li ġralu dan is-saċerdot.

 

Nerġgħu lura għall-Eżodu. L-effett hu dak mixtieq: “Il-poplu sama’ din l-aħbar ħażina, sewdu qalbhom, u ħadd ma libes ħwejjeġ sbieħ fuqu” (Eż 33:4). L-Iżraeliti ma ħarbilhomx il-fatt li l-ebda kastig mhu itqal minn dik id-deċiżjoni divina li jikkontradixxi l-isem qaddis tiegħu: “Jien li jien” (Eż 3:14): espressjoni li għandha tifsira konkreta, mhux astratta, li forsi nistgħu nittraduċuha: “jiena hu dak li jinsab u sa jkun hawn, qrib tiegħek”. Meta tintebaħ li hu telaq, għax int keċċejtu, din hi grazzja li tħoss dan. Jekk ma tintebaħx, ħa tbati. L-anġlu mhuwiex soluzzjoni, anzi hu x-xhud permanenti tal-assenza ta’ Alla. Għalhekk ir-reazzjoni tal-poplu hi li sewwed qalbu. Din hi ħaġa oħra perikuluża, għax hemm swied il-qalb tajjeb u swied il-qalb ħażin. Hemm jeħtieġ ngħarblu, fil-mumenti ta’ diqa: kif inhu s-swied il-qalb tiegħi, mnejn ġej? U xi drabi jkun tajjeb, ġej minn Alla, mill-assenza ta’ Alla, bħal f’dan il-każ; drabi oħra jkun għax noqogħdu nogħġbu lilna nfusna, anki dan, le?

 

Xi nħossu aħna jekk Kristu Rxoxt jgħidilna: komplu kemm tridu bl-attivitajiet ekkleżjali tagħkom u l-liturġiji tagħkom, imma jien mhux sa nibqa’ preżenti u naġixxi fis-sagramenti tagħkom? Jekk, meta tieħdu d-deċiżjonijiet tagħkom, se tibqgħu tibbażaw fuq il-kriterji tad-dinja u mhux tal-Vanġelu (tamquan Deus non esset), allura jien se nwarrab għalkollox… Kollox ikun vojt, nieqes mis-sens, ma jkunx ħlief “trab”. It-theddida ta’ Alla tiftaħ it-triq għall-intuwizzjoni ta’ kif kienet tkun ħajjitna mingħajru, li kieku hu kellu jaħbi għal dejjem Wiċċu. Hija l-mewt, id-disperazzjoni, l-infern: mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.

 

Il-Mulej jurina għal darb’oħra, fuq il-laħam ħaj tat-tneżżigħ tal-maskra tal-wiċċ b’ieħor tagħna, x’inhi tabilħaqq il-ħniena tiegħu. Lil Mosè fuq il-muntanja Alla jurih il-Glorja tiegħu u l-Isem qaddis tiegħu: “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà” (Eż 34:6). Fil-“logħba ta’ mħabba” ta’ Alla, magħmula mit-theddida tal-assenza tiegħu u tal-preżenza li jroddilna lura – “Il-preżenza tiegħi tiġi miegħek, u nserraħlek rasek” (Eż 33:14) – Alla jwettaq ir-rikonċiljazzjoni mal-Poplu tiegħu. Iżrael joħroġ minn din l-esperjenza ta’ tbatija, li timmarkah għal dejjem, b’maturità ġdida: issa jaf iżjed min hu dan Alla li ħelsu mill-Eġittu, jagħraf aktar ċar il-veri perikli tal-mixja (nistgħu ngħidu: jibża’ iktar minnu nnifsu milli mis-sriep tad-deżert!). Din ħaġa tajba: li nibżgħu xi ftit minna nfusna, mill-omnipotenza tagħna, mill-makakkeriji tagħna, mill-ħabi tagħna, mill-wiċċ b’ieħor tagħna… Ftit tal-biża’. Li kien possibbli, nibżgħu iktar minn dan milli mis-sriep, għax dan hu velenu veru. U hekk, il-poplu hu iktar magħqud madwar Mosè u l-Kelma ta’ Alla li hu jħabbarlu. Grazzi għall-esperjenza tad-dnub u tal-maħfra ta’ Alla, Iżrael jista’ jsir ftit iżjed il-Poplu li jappartieni lil Alla. Għamilna din il-Liturġija penitenzjali u għamilna l-esperjenza tad-dnubiet tagħna; u d-dnub hu ħaġa li tiftaħna għall-ħniena ta’ Alla, għax soltu d-dnub naħbuh. Aħna naħbu d-dnub mhux biss minn għajnejn Alla, mhux biss lill-proxxmu, mhux biss lis-saċerdot, imma lilna nfusna. Il-“kożmetika” mxiet ħafna ’l quddiem, f’dan: aħna speċjalisti fl-irtokk tas-sitwazzjonijiet. “Iva, imma mhux għal wisq żmien, tifhimha…”. U ftit tal-ilma biex ninħaslu mill-kożmetika jagħmel tajjeb lil kulħadd, biex naraw li m’aħniex daqshekk sbieħ: aħna koroh, koroh anki fl-affarijiet tagħna. Imma bla ma niddispraw, għax hemm Alla, twajjeb u ħanin, li dejjem jinsab warajna. Hemm il-ħniena tiegħu li timxi magħna.

 

Għeżież ħuti, dan hu s-sens tar-Randan li sa ngħixu. Fl-eżerċizzi spiritwali li sa tippritkaw lill-persuni tal-komunitajiet tagħkom, fil-liturġiji penitenzjali li sa tiċċelebraw, ħa jkollkom il-kuraġġ li tipproponu r-rikonċiljazzjoni tal-Mulej, li tipproponu l-imħabba kollha passjoni u għajjura tiegħu.

 

Xogħolna hu bħal ta’ Mosè: servizz ġeneruż lill-opra ta’ rikonċiljazzjoni ta’ Alla, “noqogħdu għal-logħba” ta’ mħabbtu.

 

Kemm hu sabiħ il-mod kif Alla jinvolvi lil Mosè, veru jittrattah ta’ ħabib: qabel jinżel mill-muntanja jippreparah billi javżah bil-ħażen tal-poplu, jaċċetta li hu jaqbeż għal ħutu, jisimgħu waqt li jfakkru fil-ħalfa li hu, Alla, għamel lil Abraham, Iżakk u Ġakobb. Nistgħu nimmaġinaw lil Alla jitbissem meta Mosè jistiednu biex ma jmurx lura minn kliemu, biex ma jaqtax figura kerha f’għajnejn l-Eġizzjani u biex ma jkunx inqas mill-allat tagħhom, li jonora l-Isem imqaddes tiegħu. Jipprovokah bid-djalettika tar-responsabbiltà: “Il-poplu tiegħek, li int, Mosè, ħriġt mill-Eġittu”, biex Mosè jwieġbu u jisħaq li le, il-poplu hu ta’ Alla, hu li ħarġu mill-Eġittu… U dan hu djalogu matur, mal-Mulej. Meta naraw li l-poplu li aħna naqdu fil-parroċċa, jew kien fejn kien, tbiegħed, aħna għandna din it-tendenza li ngħidu: “Dawn in-nies tiegħi, il-poplu tiegħi”. Iva, hu l-poplu tiegħek, imma vigarjament, biex ngħidu hekk: il-poplu hu tiegħu! U allura nistgħu mmorru nċanfruh: “Ara l-poplu tiegħek x’qed jagħmel”. Dan id-djalogu mal-Mulej.

 

Imma l-qalb tal-Mulej imtliet bil-ferħ meta sema’ kliem Mosè: “Issa, jekk trid taħfrilhom []; imma jekk ma taħfrilhomx ħassarni mill-ktieb li inti ktibt!” (Eż 32:32). U din hi waħda mill-isbaħ affarijiet tas-saċerdot, tal-qassis li jmur quddiem il-Mulej u jagħmel wiċċu għall-poplu tiegħu. “Dan il-poplu tiegħek, mhux tiegħi, u int trid taħfirlu” – “Le, imma…” – “Jien sa nitlaq! Miegħek ma rridx iżjed kliem. Ħassarni”. Trid tkun ta’ gazz biex ma’ Alla titkellem hekk! Imma hekk irridu nitkellmu, ta’ rġiel, u mhux ta’ ġifa, ta’ rġiel! Għax dan ifisser li jiena naf x’post għandi fil-Knisja, li m’iniex amministratur, imqiegħed hemm biex nieħu ħsieb xi ħaġa ordinarja. Ifisser li jiena nemmen, li għandi fidi. Ippruvaw tkellmu hekk, ma’ Alla.

 

Tmut għall-poplu tiegħek, taqsam fid-destin tal-poplu jiġri x’jiġri, sa ma tkun lest tmut għalih. Mosè ma aċċettahiex il-proposta ta’ Alla, ma aċċettax li jinxtara. Alla għamel tabirruħu ried jixtrih. Ma aċċettax: “Le, f’dan ma naqbilx miegħek. Jien mal-poplu. Mal-poplu tiegħek”. Il-proposta ta’ Alla kienet: “Ħallini waħdi, issa, ħalli nixgħel il-korla tiegħi għalihom u neqridhom. U lilek nagħmlek ġens kbir” (Eż 32:10) – din il-“korruzzjoni” li biha ried jixtrih Alla. Imma kif? Hu Alla li ħa jikkorrompi? Qed ifittex biex jara fejn hi l-qalb tar-ragħaj tiegħu. Ma jridx isalva ġildu, Mosè: issa sar ħaġa waħda ma’ ħutu. Mhux li kien kull wieħed minna kellu jasal sa hawnhekk, mhux li kien! Kemm hi ħaġa kerha meta saċerdot imur għand l-isqof igerger għan-nies: “Aħ, ma jistax ikun, dawn ma jifhmu f’xejn, u hekk, u hekk…, qed naħli l-ħin…”. Kemm hi kerha! X’għandu nieqes dak il-bniedem? Ħafna għandu nieqes dak is-saċerdot! Mosè ma jagħmilx hekk. Ma jridx isalva lilu nnifsu, għax hu ħaġa waħda ma’ ħutu. Hawn il-Missier ra l-wiċċ ta’ Ibnu. Id-dawl tal-Ispirtu ta’ Alla nfirex fuq wiċċ Mosè u ħażżeż fuqu l-istess linji tal-Mislub li rxoxta, u mlieh bid-dija tiegħu. U meta aħna mmorru hemm nitqabdu ma’ Alla – anki missierna Abraham hekk kien għamel, dik it-taqbida ma’ Alla –, meta mmorru hemm, nuruh li aħna nixbhu lil Ġesù, li jagħti ħajtu għall-poplu tiegħu. U l-Missier jitbissem: jilmaħ fina l-ħarsa ta’ Ġesù li mar għall-mewt tiegħu minħabba fina, minħabba fil-poplu tal-Missier, fina. Il-qalb tal-ħabib ta’ Alla issa tant twessgħet, tant kibret – Mosè, il-ħabib ta’ Alla – li saret tixbah lill-qalb ta’ Alla, ħafna ikbar mill-qalb umana (ara 1 Ġw 3:18). Tabilħaqq Mosè sar il-ħabib li jitkellem ma’ Alla wiċċ imb wiċċ (ara Eż 33:11). Wiċċ imb wiċċ! Hekk jiġri meta l-isqof jew id-direttur spiritwali jistaqsi lil saċerdot jekk jitlobx: “Iva, iva, jien… iva, jien mal-‘kunjata’ nirranġa – il-‘kunjata’ hi l-Brevjar – iva, nirranġa, ngħid il-Lawdi, imbagħad…”. Le, le. Jekk int titlob, xi jfisser? Jekk int tagħmel wiċċek għall-poplu tiegħek quddiem Alla. Jekk int tmur titqabad għall-poplu tiegħek ma’ Alla. Hekk ifisser titlob, jekk int saċerdot. Ma jfissirx tobdi r-regoli. “Aħ, Dun, imma allura l-Brevjar m’għadux jiswa?”. Le, il-Brevjar jiswa, imma b’dan l-atteġġjament. Int qiegħed hemm, quddiem Alla u l-poplu tiegħek warajk. U Mosè hu wkoll il-ħarries tal-Glorja ta’ Alla, tas-sigrieti ta’ Alla. Ikkontempla l-Glorja minn wara, sema’ l-Isem veru tiegħu fuq il-muntanja, fehem l-imħabba tiegħu ta’ Missier.

 

Għeżież ħuti, xi privileġġ kbir dan tagħna! Alla jaf bl-“għera tal-mistħija” tagħna. Ħassejtni veru milqut meta rajt l-oriġinal tal-[Verġni] Hodigitria ta’ Bari: l-ikona mhix kif inhi issa, xi ftit imlibbsa b’dak li jxiddulha l-Insara tal-Lvant. Hi l-Madonna bit-tarbija għarwiena. Ħadt pjaċir ħafna li l-Isqof ta’ Bari tani waħda minn dawn, irregalahieli, u qegħedtha hemm, quddiem il-bieb tiegħi. U nieħu gost – qed ngħidha biex naqsam magħkom esperjenza – nieħu gost filgħodu, malli nqum, meta ngħaddi minn quddiemha, nitlob lill-Madonna biex tieħu ħsieb tal-għera tiegħi: “Mamà, int taf bl-għera kollu tiegħi”. Din hi ħaġa kbira: li nitlob lill-Mulej – mill-għera tiegħi – nitlobha tħares l-għera tiegħi. Hi tafha kollha. Alla jaf l-“għera tal-mistħija” tagħna, imma xorta ma jegħja qatt jinqeda bina biex joffri r-rikonċiljazzjoni lill-bnedmin. Aħna foqra ħafna, midinbin, imma Alla jużana biex naqbżu għal ħutna u biex iqassam lill-bnedmin, permezz ta’ jdejna li mhuma xejn innoċenti, is-salvazzjoni li tagħti ħajja ġdida.

 

Id-dnub iżarmana, u bi tbatija nagħmlu l-esperjenza umiljanti tiegħu meta aħna stess jew xi ħadd minn ħutna saċerdoti jew isqfijiet jaqa’ fil-ħondoq fond tal-vizzju, tal-korruzzjoni jew, agħar u agħar, tal-kriminalità li teqred il-ħajja tal-oħrajn. Inħoss li għandi naqsam magħkom l-uġigħ ta’ qalb u l-piena insopportabbli li tikkawża fina u fil-ġisem kollu tal-Knisja l-mewġa tal-iskandli li llum il-ġurnata mimlijin bihom il-ġurnali tad-dinja kollha. Hu evidenti li t-tifsira vera ta’ kulma qed jiġri rridu nfittxuha fl-ispirtu tal-ħażin, fl-Għadu, li jaġixxi bil-pretensjoni li hu sid id-dinja, kif għidt fil-Liturġija Ewkaristika fi tmiem il-Laqgħa dwar il-ħarsien tal-minuri fil-Knisja (24 ta’ Frar 2018). Imma xorta ma għandniex għax naqtgħu qalbna! Il-Mulej qed isaffi lill-Għarusa tiegħu u qed idawrilna qalbna kollha lejh. Qed idewwaqna t-tiġrib biex nistgħu nifhmu li mingħajru aħna biss trab. Qed isalvana mill-wiċċ b’ieħor, mill-ispiritwalità tal-apparenzi. Hu qed jonfoħ l-Ispirtu tiegħu biex irodd mill-ġdid il-ġmiel lil Għarustu, li nqabdet fil-fatt tal-adulterju. Nagħmlu sew naqbdu f’idejna llum il-kapitlu 16 ta’ Eżekjel. Din hi l-istorja tal-Knisja. Din hi l-istorja tiegħi, jista’ jgħid kull wieħed minna. U fl-aħħar, imma permezz tad-dehxa tiegħek, int tkompli tkun ragħaj. L-indiema umli tagħna, li tibqa’ siekta quddiem il-mostrożità tad-dnub u l-kobor misterjuż tal-maħfra ta’ Alla, din, din l-indiema sogħbiena u umli hi l-bidu tal-qdusija tagħna.

 

Tibżgħux tirriskjaw ħajjitkom fis-servizz tar-rikonċiljazzjoni bejn Alla u l-bnedmin: m’għandna l-ebda kobor sigriet ieħor ħlief din l-għotja ta’ ħajjitna biex il-bnedmin kollha jistgħu jagħrfu mħabbtu. Il-ħajja ta’ saċerdot spiss hi mmarkata minn min ma jifhmux, minn tbatija fis-skiet, xi drabi anki persekuzzjonijiet. U anki dnubiet li l-Mulej biss jaf. Il-firdiet bejn l-aħwa fil-komunità tagħna, il-Kelma tal-Vanġelu li ma ssibx min jilqagħha, l-istmerrija lejn il-foqra, ir-rabja mrewħa minn rikonċiljazzjoni li qatt ma seħħet, l-iskandlu ġej minn imġibiet ta’ mistħija ta’ xi wħud minn ħutna, dan kollu jista’ jtellfilna n-ngħas u jħallina ma nafux x’naqbdu nagħmlu. Imma ejjew nemmnu fil-gwida kollha ta’ sabar ta’ Alla, li tagħmel kollox f’ħinu u f’waqtu, inwessgħu qalbna u nkunu qaddejja tal-Kelma tar-rikonċiljazzjoni.

 

Dak li għexna llum f’dan il-Katidral ejjew nipproponuh fil-komunitajiet tagħna. Fil-liturġiji penitenzjali li se nagħmlu fil-parroċċi u fil-prefetturi, f’dan iż-żmien tar-Randan, ħa jitlob kull wieħed maħfra lil Alla u lil ħutu għad-dnub li xellef il-komunjoni ekkleżjali u faga d-dinamiżmu missjunarju. B’umiltà – li hi karatteristika proprja tal-qalb ta’ Alla, imma li aħna nbatu tant biex nagħmluha tagħna – ejjew nistqarru lil xulxin li għandna bżonn ta’ Alla biex jagħġnilna mill-ġdid ħajjitna.

 

Kunu intom l-ewwel li titolbu maħfra lil ħutkom. “Li nixlu lilna nfusna hu bidu mimli għerf, marbut mal-biża’ ta’ Alla” (ibid.). Ikun sinjal tajjeb jekk, kif għamilna llum, kull wieħed minnkom iqerr għand saċerdot ieħor anki fil-liturġiji penitenzjali fil-parroċċa, taħt għajnejn il-fidili kollha. Ikollna wiċċna mdawwal, bħal Mosè, jekk b’għajnejn imqanqla nkellmu lill-oħrajn dwar il-ħniena li biha Alla mexa magħna. Din hi t-triq, ma hemmx oħra. Hekk naraw id-demonju tal-kburija jaqa’ bħal sajjetta mis-sema, jekk iseħħ il-miraklu tar-rikonċiljazzjoni fil-komunitajiet tagħna. Inħossuna ftit iżjed il-Poplu li hu tal-Mulej, li f’nofsu jimxi Alla. Din hi t-triq.

 

U nawguralkom Randan tajjeb!

 

Issa nixtieq inżid xi ħaġa li talbuni nagħmel. Wieħed mill-modi konkreti biex ngħixu Randan ta’ karità hu billi nagħtu sehemna b’ġenerożità għall-kampanja “Kif fis-sema, hekk ukoll fit-triq”, li biha l-Caritas djoċesana tagħna tixtieq twieġeb għax-xejriet kollha ta’ faqar, billi tilqa’ u twieżen lil min hu fil-bżonn. Naf li kull sena twieġbu b’ġenerożità għal dan l-appell, imma din is-sena qed nitlobkom impenn ikbar biex il-komunità kollha u l-komunitajiet kollha jħossuhom involuti direttament.

 

Il-Kardinal De Donatis:

U issa kelma dwar it-tqassim ta’ dan il-ktejjeb: qed jirregalahulna l-Papa Franġisku. Hu l-volum ċkejken li se jakkumpanjana f’dan ir-Randan, bħala tieni qari, kif għamilna s-sena l-oħra: l-istess daqs tal-Brevjar, biex hekk ikun faċli nżommuh qrib. U għalhekk il-prefetti ħa jqassmu lil kulħadd dawn il-volumi, forsi tistgħu tieħdu wieħed anki lil min mhux hawn. Grazzi. F’isem kulħadd ngħid grazzi tassew mill-qalb lilek, li ġejt hawn illum, bħal kull sena. Dak li nista’ ngħidlek f’isem kulħadd, barra grazzi, hu li se nkomplu ngħinuk bit-talb tagħna ta’ kuljum.

 

Il-Papa Franġisku:

Għandi bżonn ta’ dan, għandi bżonn tat-talb. Itolbu għalija. Waħda mill-affarijiet li jogħġbuni f’dan [il-ktejjeb] hu l-għana tal-Missirijiet tal-Knisja: lura għall-Missirijiet. Ftit taż-żmien ilu, f’parroċċa f’Ruma ġie ppreżentat ktieb, Il-bżonn tal-paternità jidhirli li jismu, huma kollha testi tal-Padri skont diversi tematiċi: il-virtujiet, il-Knisja… Jekk immorru lura għall-Padri, dan jista’ jgħinna ħafna, għax hemm għana kbir. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard