VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-MOZAMBIQUE, IL-MADAGASCAR U L-GŻEJJER MAURITIUS

(4 - 10 ta' SETTMEBRU, 2019)

 

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, IS-SOĊJETĄ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

 

Palazz Presidenzjali (Port Louis)

It-Tnejn, 9 ta' Settembru, 2019

 

Sur President,

Sur Prim Ministru,

Distinti Membri tal-Gvern,

Distinti Membri tal-Korp Diplomatiku,

Sinjuri rappreżentanti tas-soċjetą ċivili,

Rappreżentanti tad-diversi Konfessjonijiet Reliġjużi,

 

Sinjuri,

Isellem minn qalbi lill-Awtoritajiet tal-Istat tal-Mauritius u rroddilhom ħajr għall-istedina biex inżur ir-Repubblika tagħkom.  Irrodd ħajr lis-Sur President u lis-Sur Prim Ministru għall-kliem ġentili li għadhom kif indirizzawli, kif ukoll tal-merħba li tawni.  Insellem lill-membri tal-gvern, tas-soċjetą ċivili u tal-Korp Diplomatiku.  Nixtieq ukoll insellem u rrodd ħajr fraternament lir-rappreżentanti tal-konfessjonijiet kristjani u tad-diversi reliġjonijiet li hawn fil-Ġżira ta' Mauritius li jinsabu preżenti llum.

Inħossni hieni, grazzi ta' diż-żjara qasira, talli nista' niltaqa' mal-poplu tagħkom, li mhux biss għandu l-karatteristika tal-bixra multiformi fil-livell kulturali, etniku u reliġjuż, imma fuq kollox hu sabiħ bi sbuħija mnissla mill-ħila li għandkom li tagħrfu, tirrispettaw u tarmoniżżaw id-differenzi fil-qafas ta' proġett komuni.  Hekk hi l-istorja kollha tal-poplu tagħkom, li twieled bil-wasla ta' migranti ġejjin minn ixqfa u kontinenti differenti u li ġabu magħhom tradizzjonijiet, il-kultura tagħhom u r-reliġjon tagħhom, u li tgħallmu, ftit ftit, jistgħanu bid-differenzi ta' bejniethom u jsibu mod kif jgħixu flimkien billi fittxew li jibnu fraternitą attenta għall-ġid komuni.

F'das-sens intom għandkom leħen awtorevoli - għax sar 'ħajja' -, bil-ħila li jiftakar li huwa possibbli tintlaħaq il-paċi stabbli ibda mill-konvinzjoni li "d-diversitą hija sabiħa dment li taċċetta li bla heda tibqa' għaddejja bil-proċess tar-rikonċiljazzjoni, sa ma' tissiġilla speċi ta' patt kulturali li jwassal għal 'diversitą rikonċiljata' (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 230).  Din hi bażi u opportunitą ta' komunjoni effettiva fi ħdan il-familja l-kbira umana mingħajr il-ħtieġa li temarġina, teskludi jew tirrifjuta.

Id-DNA tal-poplu tagħkom jgħożż il-memorja ta' dawk il-movimenti migratorji li wasslu lill-antenati tagħkom fuq dil-gżira u li kienu wkoll mexxewhom biex jinfetħu għad-differenzi ħalli jintegrawhom  u jmexxuhom 'il quddiem għal ġid ta' kulħadd.  Huwa għalhekk li jien ninkoraġġikom, bil-fedelta lejn l-għeruq tagħkom, biex taċċettaw l-isfida tal-akkoljenza u l-protezzjoni tal-migranti li llum jaslu hawn ifittxu x-xogħol, u, għal ħafna minnhom, kundizzjonijiwt ta' ħajja aħjar għall-familji tagħhom.

Fl-istorja riċenti tal-poplu tagħkom ta' min japprezza t-tradizzjoni demokratika li waqqaftu mill-indipendenza 'l hawn li hi ta' kontribut biex il-gżira ta' Mauritius issir oasi ta' paċi.  Nawgura li dan l-istil ta' ħajja demokratika jkun ikkultivat u żviluppat, partikolarment bil-ġlieda kontra kull għamla ta' diskriminazjzoni.  Għax "il-ħajja politika awtentika, imsejsa fuq id-dirtt u fuq id-djalogu leali bejn il-persuni, tiġġedded bil-konvinzjoni li kull mara, kull raġel u kull ġenerazzjoni għandhom fihom wegħda li tista' tillibera enerġiji ġodda fir-relazzjonijiet, intellettwali, kulturali u spiritwali" (Messaġġ għat-52 Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta' Jannar, 2019).  Intom, li intom impenjati fil-ħajja politika tar-Repubblika tal-Mauritius, tistgħu tkunu eżempju għal kull min jorbot fuqkom, speċjalment għaż-żgħażagħ.  Bl-imġieba tagħkom u r-rieda li titqabdu kontra kull għamla ta' korruzzjoni, tkunu tisgħtu timmanifestaw il-valur tal-impenn għas-servizz tal-ġid komuni u tkunu dejjem denji tal-fiduċja li għandhom fikom il-konnazzjonali tagħkom.

Mill-indipendenza 'l hawn, pajjiżkom ra żvilupp ekonomiku qawwi, li minħabba fih, bla dubju, għandna nkunu sodisfatti, filwaqt li nibqgħu dejjem b'għajnejna miftuħin.  Fil-kuntest attwali, spiss jidher li t-tkabbir ekonomiku mhux dejjem ikun ta' vantaġġ għal kulħadd u jħalli fil-ġenb - minħabba strateġiji tad-dinamika tiegħu - ċertu numru ta' persuni, speċjalment iż-żgħgżagħ.  Għaldaqstant irrid inħeġġiġkom sabiex tiżviluppaw politika ekonomika orjentata lejn il-persuni, li tagħraf tagħti l-akbar importanza lit-tqassim aħjar tad-dħul, il-ħolqien ta' opportunitajiet tax-xogħol u l-promozzjoni integrali tal-aktar foqra (cfr Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 204).  Ninkoraġġikom biex ma ċċedux għat-tentazzjoni ta' mudell ekonomiku idolatra li jitlob is-sagrifiċċju ta' ħajjiet umani fuq l-altar tal-ispekulazzjoni u tal-qligħ esklussiv,  li jagħti kas biss tal-benefiċċju immedjat b'dannu għall-ħarsien tal-aktar foqra, tal-ambjent u tar-riżorsi tiegħu.  Ifisser li timxu 'l quddiem b'dak l-atteġġjament kostruttiv li, kif kiteb il-Kardinal Piat fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-indpendenza tal-Mauritius, jimbuttana biex nitħeġġu għal konverżjoni ekoloġika integrali.  Konverżjoni bħal din ma timmirax biss li tevita fenomeni traġiċi tal-klima jew diżastri naturali kbar, iżda tfittex ukoll li tippromwovi bidla fl-istil tal-ħajja b'mod li t-tkabbir ekonomiku jkun tassew ta' fejda għal kulħadd, mingħajr ir-riskju li jipprovoka katastrofi ekoloġiċi jew kriżijiet soċjali gravi.

Sinjuri, nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għal mod kif fil-Mauritius, id-diversi reliġjonijiet, bl-identitajiet rispettivi tagħhom, jikkollaboraw flimkien biex jagħtu s-sehem tagħhom għall-paċi soċjali u biex ifakkru fil-valur traxxendentali tal-ħajja kontra kull għamla ta' riduzzjoniżmu.  U ntenni li l-kattoliċi tal-Mauritius huma disponibbli biex jissuktaw jipparteċipaw f'dan id-djalogu għammiel li mmarka b'tant qawwa l-istorja tal-poplu tagħkom.  Grazzi għat-testimonjanza tagħkom.

Grazzi mill-ġdid għal-laqgħa ħerqana li tajtuni.  Nawgura minn qalbi li Alla jbierek lill-poplu tagħkom u l-isforzi kollha li tagħmlu biex tiffavorixxu l-laqgħa bejn il-kulturi, iċ-ċiviltajiet u t-tradizzjonijiet reliġjużi diversi sabiex iġġibu 'l quddiem soċjeta ġusta li ma tinsiex lil uliedha, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn.  Jalla mħabbtu u l-ħniena tiegħu jissuktaw jakkumpanjawkom u jħarsukom!  Grazzi ħafna tal-attenzjoni tagħkom.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber