VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FIL-MAROKK

[30-31 TA’ MARZU 2019]

 

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

MATUL IT-TITJIRA LURA MIR-RABAT

 

Titjira Papali

Il-Ħadd 31 ta’ Marzu 2019

 

GISOTTI

Il-lejla t-tajba, Santità, u l-lejla t-tajba lilkom ilkoll. Għandna titjira iqsar minn dik ipprogrammata, imma naħseb li anki għalikom aħjar biex taslu d-dar qabel, u għalhekk anki l-konferenza stampa ħa tkun naqra iqsar. Għalhekk mhu ħa nżid xejn mal-introduzzjoni, jekk mhux dan, Santità: ilbieraħ għidna “qaddej tat-tama”, rajna l-ferħ, it-tama, tant żgħażagħ, u kemm hi ħaġa sabiħa meta qegħdin ftit jiem bogħod mill-iffirmar tal-Christus vivit, li sa tiġi ppubblikata fi żmien jumejn; għalhekk dan hu wkoll sinjal sabiħ li ġie mill-Marokk. Ma nafx jekk int ukoll tixtieqx iżżid xi ħaġa oħra qabel ma nagħtu ħin għall-mistoqsijiet.

 

IL-PAPA FRANĠISKU

Nirringrazzjakom tal-kumpanija, tal-vjaġġ, tax-xogħol tagħkom, li kien impenjattiv ħafna hawnhekk għax f’ġurnata u nofs kellna ħafna affarijiet. Grazzi tal-ħidma tagħkom. U issa qiegħed hawn għas-servizz tagħkom.

 

GISOTTI

Bla dubju, kif inhi t-tradizzjoni, nibdew bil-midja lokali. Siham Toufiki, vouz voulez poser la question en français ou en anglais?

 

SIHAM TOUFIKI, Agenzia Map:

En français. Il y a des moments qui sont très forts de cette visite e des messages touchants. Cette visite est un événement exceptionnel et historique pour le peuple marocain…  La question est quelles sont les fruits au future de la visite pour la paix au monde e pour la coexistence de dialogue et de culture?

 

[Kien hemm mumenti qawwija ħafna f’din iż-żjara u messaġġi diretti. Din iż-żjara kienet ġrajja eċċezzjonali, storika għall-poplu Marokkin. Il-mistoqsija hi liema se jkun il-frott ta’ din iż-żjara għall-futur, għall-paċi fid-dinja, għall-konvivenza fid-djalogu bejn il-kulturi?]

 

IL-PAPA FRANĠISKU

Bħalissa għandna f’idejna l-fjuri, il-frott jiġi wara! Imma l-fjuri jippromettu. Ninsab kuntent, għax f’dawn iż-żewġ vjaġġi [l-Emirati Għarab Magħquda u l-Marokk] stajt nitkellem fuq din ir-realtà li hi tant għal qalbi, tant, jiġifieri l-paċi, l-għaqda, il-fraternità. Mal-aħwa Musulmani ssiġillajna din il-fraternità fid-Dokument ta’ Abu Dhabi, u hawn il-Marokk b’dak kollu li rajna: libertà, fraternità, akkoljenza; l-aħwa kollha b’rispett hekk kbir bejniethom. U din hi “fjura” sabiħa, warda sabiħa ta’ konvivenza li tipprometti li tagħti l-frott. Ma rridux inċedu! Huwa minnu li sa jibqa’ jkun hemm diffikultajiet, sa jkun hemm tant diffikultajiet għax b’xorti ħażina għandna gruppi intransiġenti. Dan ukoll nixtieq nisħaq fuqu b’mod ċar: f’kull reliġjon dejjem sa ssib grupp integralista li ma jridx li nimxu ’l quddiem u jibqa’ jgħix b’tifkiriet qarsa, bil-ġlied tal-imgħoddi u pjuttost ifittex il-gwerra u jiżra’ l-biża’. Aħna rajna li isbaħ tiżra’ t-tama, tiżra’ t-tama u timxi id f’id, dejjem ’il quddiem. Rajna li fid-djalogu magħkom hawn fil-Marokk hemm bżonn tal-pontijiet, u qalbna tingħafas xħin naraw lil min jippreferi jibni l-ħitan. Għaliex qalbna tingħafas? Għax dawk li jibnu l-ħitan jispiċċaw ilsiera tal-ħitan li jibnu huma stess. Imma dawk li jibnu l-pontijiet jimxu ħafna ’l quddiem. Il-bini tal-pontijiet għalija hu ħaġa li tmur lil hemm mill-uman, għax trid sforz kbir ħafna. Laqtitni ħafna l-frażi tal-kittieb Ivo Andrić, fir-rumanz Il ponte sulla Drina: hu jgħid li l-pont Alla jibnih bil-ġwienaħ tal-anġli biex il-bnedmin jistgħu jikkomunikaw, bejn il-muntanji u x-xtut tax-xmajjar, biex il-bnedmin jistgħu jikkomunikaw bejniethom. Il-pont qiegħed hemm għall-komunikazzjoni umana. Dan hu sabiħ ħafna u fil-Marokk stajt narah b’għajnejja. Imma l-ħitan huma kontra l-komunikazzjoni, huma għall-iżolament, u jagħmluna lsiera tagħhom… Għalhekk, biex nerġa’ niġbor dak li għidt: il-frott ma jidhirx, imma jidhru tant fjuri li jagħtu l-frott. Ejjew nimxu hekk.

 

GISOTTI

Santità, mistoqsija oħra mill-midja tal-Marokk, Nadia Hammouchi.

 

NADIA HAMMOUCHI, TV 2M

Votre Sainteté, Vous vous êtes rendu pendant deux jours en terre d’islam. Vous êtes chef de l’Eglise Catholique, vous avez rencontrez le Roi du Maroc qui est aussi Commandeur des croyants. Vous avez donc eu le temps de changer, de dialoguer dans le cadre de ce nécessaire rapprochement entre les religions, entre le cultures, et vous avez aussi signé quelque chose de concret concernant Jérusalem. Dans quel sens cette visite avec tous les moments forts qu’elle a comporté peux renforcer ce dialogue, cet élan et puis la relation que le Chef de l’Eglise entretien avec la Commanderie des croyant au Maroc ?

 

[Santità, int ġejt għal jumejn f’pajjiż Iżlamiku. Int il-kap tal-Knisja Kattolika u ltqajt mar-Re tal-Marokk li hu l-Kmandant tal-kredenti. Hekk sibt il-ħin għal skambju, għad-djalogu fil-kwadru ta’ dan it-tqarrib meħtieġ bejn ir-reliġjonijiet, bejn il-kulturi, u ffirmajt ukoll xi ħaġa konkreta dwar Ġerusalemm. F’liema sens din iż-żjara bil-mumenti qawwija kollha li ġabet magħha tista’ ssaħħaħ dan id-djalogu, din il-qabża u din ir-relazzjoni bejn il-Kap tal-Knisja Kattolika u l-Kmandant tal-kredenti fil-Marokk?]

 

IL-PAPA FRANĠISKU

Dejjem, meta jkun hemm djalogu fratern, hemm relazzjoni fuq diversi livelli. Ippermettuli nagħti xbieha: id-djalogu ma jistax ikun “ta’ laboratorju”, irid ikun uman, u jekk ikun uman isri bil-moħħ, bil-qalb u bl-idejn, u hekk isiru l-pattijiet u jiġu ffirmati. Ngħidu aħna, l-Appell komuni fuq Ġerusalemm kien pass ’il quddiem minn awtorità tal-Marokk u minn awtorità tal-Vatikan, imma magħmul minn aħwa li jemmnu u li qed ibatu jaraw lill-“Belt tat-tama” għadha mhix hekk universali kif nixtequha lkoll: Lhud, Musulmani u Nsara. Kollha rriduh dan. U għalhekk iffirmajna dan l-awgurju: iktar milli ftehim, hu awgurju, appell għall-fraternità reliġjuża li hi ssimbolizzata minn dik il-belt li hi kollha “tagħna”. Ilkoll aħna ċittadini ta’ Ġerusalemm, kull min jemmen. Ma nafx kinitx din il-mistoqsija li xtaqt tagħmilli. Ħadt pjaċir ukoll niltaqa’ ma’ xi mexxejja reliġjużi rispettużi u li jixtiequ d-djalogu. Il-mexxejja reliġjużi tagħkom huma fraterni, huma miftuħa u din hi grazzja. Ejjew nibqgħu mexjin ’il quddiem f’din it-triq.

 

GISOTTI

Santità, issa ħa tagħmillek mistoqsija Nicolas Senèze, ta’ La Croix.

 

NICOLAS SENEZE, La Croix

Il-lejla t-tajba, Santità. Ilbieraħ ir-Re tal-Marokk qal li se jipproteġi lil-Lhud Marokkini u l-Insara ta’ pajjiżi oħra li jgħixu l-Marokk. Ħa nistaqsik fuq il-Musulmani li jikkonvertu għall-Kristjaneżmu: xtaqt naf jekk tinkwetax għal dawn l-irġiel u nisa li jirriskjaw il-ħabs jew – f’xi pajjiżi Musulmani bħall-Emirati, li inti żort – il-mewt? U mistoqsija oħra – xi ftit makakka! – fuq il-Kardinal Barbarin li twieled ir-Rabat u li żorna jumejn…

 

GISOTTI

Mistoqsija!

 

SENEZE

xi ftit makakka, naf. Din il-ġimgħa l-Kunsill tad-Djoċesi ta’ Lione vvota kważi b’mod unanimu biex tinstab soluzzjoni fit-tul dwar l-irtirar tiegħu. Apparti l-futur tal-Kardinal fejn jidħol il-ġudizzju tal-liġi, xtaqt naf hux possibbli għalik, li int tant marbut mas-sinodalità tal-Knisja, li tisma’ dan l-appell ta’ djoċesi f’sitwazzjoni hekk diffiċli?

 

IL-PAPA FRANĠISKU

Nista’ ngħid li l-Marokk hemm libertà tal-kult, hemm libertà reliġjuża, hemm libertà ta’ appartenenza għal twemmin reliġjuż. Imbagħad il-libertà hi ħaġa dejjem tiżviluppa, tikber… Ara fostna l-Insara, tliet mitt sena ilu, jekk kienx hemm dik il-libertà li għandna llum. Il-fidi tikber fl-għarfien, fil-ħila li tifhem lilha nfisha. Monaku Franċiż, Vinċenz de Lerins, tal-ħames seklu, għaqqad espressjoni l-ġmiel tagħha biex jispjega kif wieħed jista’ jikber fil-fidi, biex jispjega aħjar l-affarijiet, biex nikbru wkoll fil-morali imma dejjem b’fedeltà lejn l-għeruq. Hu qal tliet kelmiet li juruna t-triq: jgħid li, li nikbru fl-espliċitazzjoni u fl-għarfien tal-fidi u tal-morali, għandu jkun ut annis consolidetur, dilatetur tempore, sublimetur ætate, jiġifieri l-iżvilupp irid ikun ikkonsolidat mas-snin, imwessa’ fiż-żmien, imma hi l-istess fidi li tissaħħaħ mal-medda tas-snin. Hekk nifhmu, ngħidu aħna, għaliex aħna neħħejna l-piena tal-mewt mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Tliet mitt sena ilu konna naħarqu l-eretiċi ħajjin. Għax il-Knisja kibret fl-għarfien morali, fir-rispett tal-persuna. U l-libertà tal-kult ukoll tikber, anki aħna jeħtieġ nibqgħu nikbru. Hemm Kattoliċi li ma jaċċettawx dak li l-Konċilju Vatikan II qal dwar il-libertà tal-kult, dwar il-libertà tal-kuxjenza. Hemm Kattoliċi li ma jaċċettawhx. Aħna wkoll għandna din il-problema. Imma anki ħutna l-Musulmani jikbru fl-għarfien, u xi pajjiżi ma jifhmux tajjeb jew ma jikbrux daqs oħrajn. Il-Marokk kiber. F’dan il-kwadru hemm il-problema tal-konverżjoni: xi pajjiżi għadhom ma jippreveduhiex. Ma nafx jekk hix ipprojbita, imma fil-prattika hi. Pajjiżi oħra bħall-Marokk ma jsibux problema, huma iżjed miftuħin, iżjed rispettużi u jfittxu mod kif jipproċedu b’diskrezzjoni. Pajjiżi oħra, li tkellimt mar-rappreżentanti tagħhom, jgħidulek: aħna m’għandniex problema imma nippreferu li l-magħmudija jagħmluha barra mill-pajjiż u jidħlu lura Nsara. Huma modi kif jagħmlu passi lejn il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tal-kult. Imma lili hemm ħaġa oħra li tinkwetani: kif aħna l-Insara sejrin lura flok ’il quddiem meta qed intajru l-libertà tal-kuxjenza: jiġuni f’moħħi t-tobba u l-istituzzjonijiet tal-isptarijiet Insara li m’għandhomx il-jedd għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza, ngħidu aħna għall-ewtanasja. Kif? Il-Knisja mxiet ’il quddiem u intom pajjiżi Nsara mexjin lura? Aħsbu ftit f’dan, għax din hi verità. Illum aħna l-Insara għandna l-periklu li xi gvernijiet ineħħulna l-libertà tal-kuxjenza, li hu l-ewwel pass lejn il-libertà tal-kult. It-tweġiba mhijiex faċli, imma ejjew ma nakkużawx lill-Musulmani, nakkużaw ukoll lilna nfusna għal dawn il-pajjiżi fejn qed jiġri dan u għandna nistħu minna nfusna.

 

Imbagħad, dwar il-Kardinal Barbarin. Dan, bniedem tal-Knisja, offra r-riżenja tiegħu, imma jiena ma nistax moralment naċċettaha għax ġuridikament, anki fil-ġurisprudenza dinjija klassika, hemm il-preżunzjoni tal-innoċenza, sakemm il-kawża għadha miftuħa. Hu ressaq rikors fl-appell u l-kawża hi miftuħa. Meta t-tieni tribunal jaqta’ s-sentenza, naraw x’jiġri. Imma dejjem hemm il-preżunzjoni tal-innoċenza. Dan importanti, għax jeħodha kontra l-kundanna superfiċjali tal-midja: “Għamel hekk…”. Imma ħares sew: x’tgħid il-ġurisprudenza? Li jekk kawża għadha miftuħa hemm il-preżjunzjoni tal-innoċenza. Forsi mhux innoċenti, imma hemm il-preżunzjoni. Darba tkellimt dwar każ fi Spanja, dwar kif il-kundanna tal-midja rvinat il-ħajja ta’ xi saċerdoti li mbagħad inqatgħetilhom li kienu innoċenti. Qabel il-midja taqta’ kundanna, hemm bżonn taħsibha darbtejn. Ma nafx weġibtx. Hu [il-Kardinal] pprefera onestament jgħid: “Jien se nirtira, se nirriżenja minn jeddi u nħalli lill-Vigarju Ġenerali jieħu ħsieb hu l-Arċidjoċesi sal-mument li fih it-tribunal jaqta’ s-sentenza finali”. Fhimt? Grazzi.

 

GISOTTI

Nitlobkom, fil-qosor u mistoqsija waħda, proprju biex nirrispettaw lill-gruppi tal-lingwi. Għandna lil Cristina Cabrejas mill-Efe.

 

CRISTINA CABREJAS, Aġenzija Efe

Buenas tardes, Papa Francisco. Il-mistoqsija se nagħmilha bit-Taljan. Fid-diskors tal-bieraħ lill-awtoritajiet għidtilhom li l-fenomenu migratorju ma jissolviex bil-ħitan fiżiċi, imma hawn il-Marokk Spanja bniet żewġ ħitan bi xfafar ippuntati biex iqattgħu lil dawk li riedu jaqbżuhom. Int iltqajt ma’ xi wħud minnhom f’xi laqgħa. U l-President Trump f’dawn il-jiem qal li jrid jagħlaq għalkollox il-fruntieri u, iżjed minn hekk, iwaqqaf kull għajnuna lit-tliet pajjiżi tal-Amerika Ċentrali. X’tixtieq tgħidilhom lil dawn il-gvernijiet, lil dawn il-politiċi li għadhom jiddefendu dawn id-deċiżjonijiet? Grazzi.

 

IL-PAPA FRANĠISKU

Qabelxejn dak li għidt ftit tal-ħin ilu: dawk li jtellgħu l-ħitan, sew jekk tal-barbed wire bi xfafar jaqtgħu, sew jekk tal-ġebel, dawn għad isiru priġunieri tal-ħitan li jibnu. Dak l-ewwel. L-istorja għad turina. It-tieni: Jordi Évole, meta intervistani, urieni biċċa minn dak il-wajer bix-xfafar. Ngħidlek sinċerament, bqajt mibluh u mbagħad meta telaq, bkejt. Bkejt għax tant kefrija ma setgħetx tidħol f’moħħi u f’qalbi. Ma tidħolx f’moħħi u f’qalbi li nara n-nies jegħrqu fil-Mediterran u jibnu l-ħitan fil-portijiet. Dan mhuwiex il-mod kif għandna nsolvu l-problema gravi tal-immigrazzjoni. Jiena nifhem: gvern, b’din il-problema għandu n-nar f’idejh, imma jeħtieġ isolviha mod ieħor, umanament. Meta rajt dak il-wajer, bix-xfafar, ma ridtx nemmen lil għajnejja. Imbagħad darba kelli l-possibbiltà li nara filmat maħdum il-ħabs, ta’ rifuġjati li ntbagħtu lura. Ħabsijiet mhux uffiċjali, ħabsijiet ta’ traffikanti. Jekk trid, nista’ nibgħathulek. Iġagħluhom ibatu… iġagħluhom ibatu. In-nisa u t-tfal ibigħuhom, jibqgħu l-irġiel. U t-torturi li tara f’dan il-filmat iġibulek għajnejk wara widnejk. Dan filmat li sar bil-moħbi, minn taħt. Tajjeb, jien ma nħallix lil min jidħol, veru, għax m’għandix wisa’, imma hemm pajjiżi oħra, hemm l-Unjoni Ewropea. Jetħieġ niddiskutu, l-Unjoni Ewropea kollha. Ma nħallihomx jidħlu u nħallihom jegħrqu jew inkeċċihom u naf li ħafna minnhom se jispiċċaw f’idejn dawn it-traffikanti li se jbigħu lin-nisa u t-tfal u joqtlu jew jittorturaw biex jagħmlu lsiera mill-bnedmin? Dan il-filmat qiegħed għad-dispożizzjoni tagħkom. Darba tkellimt ma’ mexxej, bniedem li nirrispetta u se nsemmih fit-tajjeb, Alexis Tsipras. U aħna u nitkellmu dwar dan u dwar il-ftehim biex ma jitħallewx jidħlu, hu spjegali d-diffikultajiet, imma fl-aħħar kellimni minn qalbu u qalli din il-frażi: “Id-drittijiet umani jiġu qabel il-ftehim”. Din il-frażi jistħoqqilha l-Premju Nobel.

 

GISOTTI

Il-mistoqsija sa jagħmilha Michael Schramm, ARD, Ġermaniż.

 

MICHAL WERNER SCHRAMM, ARD Roma

Niskuża ruħi, it-Taljan tiegħi ma tantx hu tajjeb, skużawni. Il-mistoqsija tiegħi: int ilek snin issa titħabat għall-protezzjoni u l-għajnuna lill-migranti, kif għamilt fl-aħħar jiem fil-Marokk. Il-politika Ewropea miexja eżattament fid-direzzjoni opposta. L-Ewropa qed issir bħal bastjun kontra l-migranti. Din il-politika tirrifletti l-opinjoni tal-eletturi. Il-parti l-kbira ta’ dan l-elettorat huma Nsara Kattoliċi. Int kif tħossok quddiem din is-sitwazzjoni ta’ swied il-qalb?

 

IL-PAPA FRANĠISKU

Huwa minnu li tant persuni ta’ rieda tajba, mhux biss Kattoliċi, imma nies tajbin, ta’ rieda tajba, ittieħdu xi ftit mill-biża’, li hi l-“prietka” tas-soltu tal-populiżmi: il-biża’. Jiżirgħu l-biża’ u mbagħad jieħdu d-deċiżjonijiet. Il-biża’ hu l-bidu tad-dittaturi. Ejja morru fis-seklu l-ieħor, mal-waqgħa tar-Repubblika ta’ Weimar, dan spiss intennih. Il-Ġermanja kellha bżonn triq biex toħroġ minnha u, b’wegħdiet u biża’, tela’ Hitler. Nafuh ir-riżultat. Ejjew nitgħallmu mill-istorja! Din mhijiex ħaġa ġdida: niżirgħu l-biża’ u naħsdu l-kefrija, l-għeluq u anki l-isterilità! Aħsbu ftit fix-xitwa demografika tal-Ewropa. Aħna wkoll li ngħixu l-Italja: taħt iż-żero. Aħsbu fin-nuqqas ta’ memorja storika: l-Ewropa ssawret mill-migrazzjonijiet u dan hu l-għana tagħha. Naħsbu fil-ġenerożità ta’ tant pajjiżi, li llum qed iħabbtu fuq il-bieb tal-Ewropa, bil-migranti Ewropej mill-1984 ’il fuq, iż-żewġ perjodi ta’ wara l-gwerra, b’mases kbar, l-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika Ċentrali, l-Amerika ta’ Isfel. Missieri mar hemm wara l-Gwerra u ġie milqugħ. Anki l-Ewropa tista’ turi ftit tal-gratitudni… Ħa ngħid żewġ affarijiet. Huwa minnu li l-ewwel ħidma li rridu nagħmlu hi li nfittxu li l-persuni li jemigraw minħabba fil-gwerra jew il-ġuħ ma jkollhomx għalfejn jagħmlu dan. Imma jekk l-Ewropa hekk ġeneruża qed tbigħ lill-Yemen l-armamenti li joqtlu lit-tfal, kif tista’ l-Ewropa tkun koerenti? Dan eżempju, l-Ewropa tbigħ l-armi. Imbagħad hemm il-problema tal-ġuħ, tal-għatx. L-Ewropa, jekk trid tkun l-Ewropa “omm” u mhux l-Ewropa “nanna”, trid tinvesti, trid tfittex b’intelliġenza li tgħin u tkabbar bl-edukazzjoni, bl-investimenti. U dan mhux jien qed ngħidu, qalitu l-Kanċillier Merkel. Hi ħaġa li hi semmietha biżżejjed: ma nħallux li ssir l-emigrazzjoni, imma mhux bil-forza, imma bil-ġenerożità, l-investimenti edukattivi, ekonomiċi, u l-bqija, u dan hu importanti ħafna. It-tieni, kif naġixxu: huwa minnu li pajjiż wieħed waħdu ma jistax jilqa’ lil kulħadd, imma hemm l-Ewropa kollha fejn jistgħu jitqassmu l-migranti, hemm l-Ewropa kollha. Għax l-akkoljenza għandha ssir b’qalb miftuħa, imbagħad jeħtieġ insieħbu, nippromovu u nintegraw. Jekk pajjiż ma jistax jintegra, għandu minnufih jitkellem ma’ pajjiżi oħra: “Int kemm tista’ tintegra?”, biex jagħti ħajja dinjituża lil dawn in-nies. Eżempju ieħor – li jiena stess għext fiż-żmien tad-dittaturi, tal-operazzjoni Condor fi Buenos Aires – fl-Amerika Latina: l-Arġentina, iċ-Ċilì u l-Urugwaj. Kienet l-Iżvezja li laqgħet b’ġenerożità impressjonanti. Dritt kienu jitgħallmu l-lingwa, u grazzi għall-Istat, kienu jsibu mpjieg, dar. Issa l-Iżvezja qed tħossha xi ftit f’diffikultà biex tintegra, imma qed tgħidu dan u qed tfittex l-għajnuna. Meta mort Lund, is-sena l-oħra jew ta’ qabel, ma niftakarx eżatt, laqagħni l-Prim Ministru, imma mbagħad fiċ-ċerimonja tat-tluq kien hemm Ministru, żagħżugħa, naħseb tal-Edukazzjoni, kienet xi ftit ta’ ġilda skura għax kienet bint Żvediża u migrant Afrikan: hekk jintegra pajjiż li jien qed inġib bħala eżempju, l-Iżvezja. Imma biex tagħmel dan trid ġenerożità, trid tħares ’il quddiem. Bil-biża’ m’aħniex ħa nimxu ’l quddiem, bil-ħitan nibqgħu magħluqin wara dawn il-ħitan… Bdejt nipprietka, skużani!

 

GISOTTI

U issa l-mistoqsija ta’ Cristiana Caricato, mit-TV2000.

 

CRISTIANA CARICATO, TV2000

Santità, int għadek kemm tkellimt fuq biża’ u r-riskju ta’ dittaturi li dan il-biża’ jista’ jġib. Proprju llum Ministru Taljan, b’riferiment għall-Konvenju ta’ Verona, qal li iżjed milli mill-familja, għandna nibżgħu mill-Iżlam. Imma int, issa ilek snin tgħid xort’oħra. Fil-fehma tiegħek, qed nirriskjaw id-dittatura f’pajjiżna? Hu frott tal-preġudizzju ta’ min ma jafx sew? X’taħseb? U mbagħad kurżità: int spiss tikkundanna l-għemil tax-xitan, dan għamiltu anki fil-laqgħa li saret dan l-aħħar fuq il-ħarsien tal-minuri. Jidhirli li fl-aħħar perjodu hu attiv ħafna, għandu ħafna x’jagħmel ix-xitan, dan l-aħħar, anki fil-Knisja… Xi rridu nagħmlu biex niqfulu, fuq kollox fejn jidħlu l-iskandli tal-pedofilja, biżżejjed il-liġijiet? Għaliex ix-xitan qed jaħdem daqshekk bħalissa?

 

IL-PAPA FRANĠISKU

Tajjeb ħafna, grazzi tal-mistoqsija. Wara d-diskors tal-aħħar tiegħi fi tmiem il-Laqgħa fuq il-ħarsien tal-minuri tal-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali, kien hemm ġurnal li qal: “Il-Papa moħħu jilħaqlu, l-ewwel qal li l-pedofilja hi problema tad-dinja kollha, pjaga dinjija; imbagħad qal xi ħaġa fuq il-Knisja, fl-aħħar ħasel idejh u waħħal fix-xitan”. Naqra simpliċistika l-biċċa, le? Dak id-diskors hu ċar. Wieħed filosfu Franċiż, fis-snin sebgħin, kien għamel distinzjoni li lili tatni ħafna dawl, kien jismu Roqueplo [Philippe], u tani dawl fuq kif naqra l-affarijiet. Hu qal: biex tifhem sitwazzjoni hemm bżonn tagħti l-ispjegazzjonijiet kollha u mbagħad tfittex it-tifsiriet: xi tfisser soċjalment, xi tfisser personalment, jew reliġjożament? Jien nipprova nagħti l-ispjegazzjonijiet kollha, anki l-kejl tal-ispjegazzjonijiet, imma hemm punt li ma nistgħux nifhmuh mingħajr il-misteru tal-ħażen. Aħseb ftit f’dan: il-pedo-pornografija virtwali. Saru żewġ laqgħat importanti, waħda Ruma u l-oħra Abu Dhabi. Imma nistaqsi, kif dan il-fenomenu sar realtà ta’ kuljum? Kif qatt seta’ jsir? U qed nitkellem dwar statistiċi serji. Meta qatt kien li jekk int ridt tara dirett abbuż sesswali fuq tfal, stajt tikkolega ruħek mal-pedo-pornografija virtwali u jħalluk tarah! Isma’, m’iniex inħarref, dan qiegħed fl-istatistiċi. Nistaqsi: dawk responsabbli mill-ordni pubbliku ma jistgħu jagħmlu xejn? Aħna fil-Knisja se nagħmlu minn kollox biex neqirdu din il-pjaga, minn kollox qed nagħmlu. U jien f’dak id-diskors tajt miżuri konkreti. Diġà kienu hemm qabel dik il-laqgħa, meta l-Presidenti tal-Konferenzi tawni dik il-lista li tajtkom. Imma r-responsabbli ta’ dan il-ħmieġ, dawn innoċenti? Dawk li jaqilgħuha minn fuq dan? Fi Buenos Aires, darba, ma’ żewġ membri parlamentari tal-belt, mhux tal-gvern nazzjonali, għamilna “ordinanza”, dispożizzjoni, mhux liġi, dispożizzjoni li ma torbotx, għal-lukandi lussużi, fejn għednielhom biex fir-reception ipoġġu [dan l-avviż]: “F’din il-lukanda mhux permess amusement mal-minuri”. Ħadd ma ried iwaħħlu. “Le, ma tistax tafx… Għax jaħsbuna maħmuġin… Kulħadd jaf li dan ma nagħmluhx, imma m’hemmx bżonn inwaħħlu xejn”. Il-gvern, ngħidu aħna, ma jistax jindividwa fejn qed isiru dawn l-affarijiet mat-tfal? Kollha filmati diretti. Biex ngħidlek kemm hi kbira l-pjaga dinjija, imma biex ngħidu wkoll li dan ma nistgħux nifhmuh mingħajr l-ispirtu tal-ħażen, hi problema konkreta. Jeħtieġ insolvuha b’mod konkret, imma ngħidu wkoll li hemm l-ispirtu tal-ħażen. U biex insolvuh dan hemm żewġ pubblikazzjonijiet li nirrakkomanda: artiklu ta’ Gianni Valente, naħseb fuq Vatican Insider, fejn jitkellem fuq id-Donatisti. Il-periklu tal-Knisja llum li ssir Donatista billi tagħmel normi umani, li jridu jsiru, imma tillimita ruħha biss għal dan u tinsa d-dimensjonijiet spiritwali l-oħra, it-talb, il-penitenza, l-akkuża tagħha nfisha, li m’aħniex imdorrijin nagħmlu. Hemm bżonn tat-tnejn li huma! Għax biex tegħleb l-ispirtu tal-ħażen ma tistax “taħsel idejk” u tgħid: “Din ħidma tax-xitan”. Le. Irridu nitqabdu wkoll kontra x-xitan, kif jeħtieġ neħduha kontra l-ħwejjeġ umani. Il-pubblikazzjoni l-oħra hi taċ-Civiltà Cattolica. Kont ktibt ktieb, fl-1987, l-Ittri tat-tribulazzjoni, li kienu l-ittri tal-Ġeneral tal-Ġiżwiti ta’ dak iż-żmien li fih kienet se tiżżarma l-Kumpanija. Għamilt prologu, u għamlu studju fuq l-ittri li jiena ktibt lill-isqfijiet Ċileni u lill-poplu taċ-Ċilì, dwar kif għandhom jaġixxu fuq din il-problema: iż-żewġ aspetti, dak uman, xjentifiku, u anki legali, biex nifhmu l-fenomenu; u mbagħad l-aspett spiritwali. L-istess għamilt mal-Isqfijiet tal-Istati Uniti għax il-proposti kienu jduru wisq mal-organizzazzjoni, mal-metodoloġiji, u bla ma riedu kienu qed jittraskuraw din it-tieni dimensjoni spiritwali. Mal-lajċi, ma’ kulħadd… Nixtieq ngħidilkom: il-Knisja mhix knisja “kongregazzjonista”, hi Knisja Kattolika, fejn l-Isqof irid jieħu l-ħaġa f’idejh bħala ragħaj. Il-Papa jrid jeħodha f’idejh bħala ragħaj. Kif? Bil-miżuri dixxiplinari, bit-talb, il-penitenza, bl-akkuża tagħna nfusna. U f’dik l-ittra li ktibt qabel ma huma [il-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali] bdew l-Eżerċizzi spiritwali, anki din id-dimensjoni hi mfissra tajjeb. Inkunilkom grat jekk tiflu sew iż-żewġ aspetti: l-aspett uman u anki dak tat-taqbida spiritwali. Grazzi.

 

GISOTTI

Veru qbiżna l-ħin u jiddispjaċini imma l-konferenza stampa twalet…

 

IL-PAPA FRANĠISKU

[dwar il-mistoqsija l-oħra ta’ C. Caricato] Tassew li jien dwar politika Taljana ma nifhimx. Ma nifhimx… Kont qrajt fuq l-Espresso xi ħaġa dwar “Family day”. Ma nafx x’kienet, naf li hi waħda mill-ħafna “ġranet” li jsiru… Qrajt l-ittra li bagħat il-Kardinal Parolin u naqbel magħha. Ittra pastorali, edukata, b’qalb ta’ ragħaj. Imma fuq politika Taljana tistaqsunix, ma nifhimx. Grazzi.

 

GISOTTI

Fadal biss minuta għal sorpriża ċkejkna għal żewġ kollegi li lbieraħ għalqu sninhom: Phil Pullella u Gerard O’Connell, żewġ kollegi kbar, u dan hu rigal żgħir min-naħa tal-komunità tal-kollegi tagħkom u tagħna lkoll.

 

IL-PAPA FRANĠISKU

Qed tgħidli li ixjeħ minni… Imma dan qed jagħlaq 45 u l-ieħor 50! Awguri! Grazzi u l-vjaġġ it-tajjeb, l-ikla t-tajba u itolbu għalija. Grazzi!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard