VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FIL-MAROKK

[30-31 ta’ MARZU, 2019]

LAQGĦA MAS-SAĊERDOTI, RELIĠJUŻI, PERSUNI KONSAGRATI
U L-KUNSILL EKUMENIKU TAL-KNEJJES

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Katidral ta’ Rabat
il-Ħadd, 31 ta’ Marzu, 2019

 

Għeżież ħuti, bonjour à tous!

Inħossni hieni ħafna li nista’ niltaqa’ magħkom.  Irrodd ħajr b’mod speċjali lil Patri Germain u lil Swor Mary għat-testimonjanzi tagħhom.  Nixtieq insellem ukoll lill-membri tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes, li hu mera tal-komunjoni bejn insara ta’ konfessjonijiet differenti fit-triq lejn l-għaqda li hawn fil-Marokk.  L-għadd tal-insara f’dal-pajjiż hu ċkejken.  Iżda f’għajnejja, dir-realtà mhix problema minkejja li nammetti li għal xi wħud kultat toħolqilhom diffikultajiet.  Is-sitwazzjoni tagħkom tfakkarni fil-mistoqsija ta’ Ġesù: “Lil xiex tixbaħ is-saltna t’Alla u ma xiex se nxebbħuha?........ Tixbaħ lil ftit ħmira li waħda mara qabdet u ħalltet ma tliet siegħan dqiq sakemm għoliet l-għaġna kollha” (Lq 13, 18.21).  Kliem il-Mulej nistgħu niġbruh f’dil-mistoqsija li nagħmlu lilna nfusna: lil xiex jixbaħ in-nisrani f’dawn l-artijiet?  Ma xiex nista’ nqabblu?  Jixbaħ ftit ħmira li Ommna l-Knisja trid tħallat ma’ kwantità kbira ta’ dqiq, sakemm tiffermenta l-massa kollha.  Infatti, Ġesù ma għażilniex u ma bagħatniex biex l-għadd tagħna jkun l-akbar wieħed!  Sejħilna għal missjoni.  Qegħedna fis-soċjetà bħal dik in-naqra ħmira: il-ħmira tal-Beatitudnijiet u tal-imħabba fraterna li fiha aħna l-insara lkoll ninagħrfu biex nagħmlu aktar preżenti s-Saltna tiegħu.  U hawn jiġini f’moħħi l-parir li San Franġisk ta lill-patrijiet tiegħu meta bagħathom: “Morru pprietkaw l-Evanġelju: jekk ikun hemm bżonn, bil-kelma wkoll”.

Dan ifisser lil l-missjoni tagħna bħala mgħammdin, saċerdoti, konsagrati, ma jistabbilihx partikolarment l-għadd u l-kwantità ta’ spazji li jokkupa, imma l-ħila li jiġġenera u jqanqal tibdil, stagħġib u kumpassjoni; mill-mod kif ngħixu bħala dixxipli ta’ Ġesù fost dawk li ma jaqsmux magħna drawwietna, il-ferħ, in-niket, it-tbatijiet u t-tamiet (cfr Kon. Ekum. Vat. II Kost. Past. Gaudium et Spes, 1).  Fi kliem ieħor it-toroq tal-missjoni mhumiex dawk tal-prożelitiżmu.  Jekk jogħġobkom, ma jgħaddux mit-triq tal-prożelitiżmu!  Niftaku f’Benedittu XVI: “Il-Knisja ma tikbirx bil-prożelitiżmu imma bl-attrazzjoni, bix-xhieda”.  Ma jimxux fit-triq tal-prożelitiżmu li dejjem jieħu lejn sqaq magħluq, imma bil-mod kif aħna nkunu ma’ Ġesù u mal-oħrajn. Għaldaqstant  il-problema mhix dik tan-numri żgħar, imma li nkunu insinifikanti, insiru melħ li m’għandux aktar it-togħma tal-Evanġelju – din hi l-problema! - jew dawl li ma jdawwal xejn aktar (cfr Mt 5, 13-15).  Naħseb li l-preokkupazzjoni tqum meta aħna l-insara ninħakmu mill-idea illi nkunu effettivi biss meta nkunu massa u meta nokkupaw l-ispazji kollha.  Intom tafu tajjeb li l-logħba tal-ħajja hi l-ħila li għandna li “nkunu ħmira” kull fejn inkunu u ma’ kull min inkunu.  Anki jekk dan mhux bilfors jidher li qed iġib benefiċċji tanġibbli u immedjati (Eż. App Il-Ferħ tal-Vanġelu, 210).  Għax li tkun nisrani ma jfissirx li int tħaddan xi duttrina, lanqas (li tkun tappartjeni) għal xi tempju, lanqas li tkun tifforma parti minn xi grupp etniku.  Li tkun nisrani jfisser laqgħa, laqgħa ma’ Ġesù Kristu.  Aħna nsara għax konna maħbubin u ġejna milqugħin u mhux minħabba l-prożelitiżmu.  Li tkun nisrani jfisser li tagħraf li inti maħfur, li inti mistieden iġġib ruħek bl-istess mod li Alla jġib ruħu magħna ladarba “minn dan jagħrfukom li intom dixxipli tiegħi, jekk tħobbu lil xulxin” (Ġw 13, 35).

Bl-għarfien tal-kuntest li fih intom imsejħin tgħejxu l-vokazzjoni tal-Magħmudija tagħkom, il-ministeru tagħkom, il-konsagrazzjoni tagħkom, għeżież ħuti, iġibli f’moħħi l-kelma ta’ San Pawlu VI fl-Enċiklika Ecclesiam Suam: “Il-Knisja għandha tidħol fi djalogu mad-dinja li tinsab tgħejx fiha.  Il-Knisja ssir kelma; il-Knisja ssir messaġġ; il-Knisja ssir djalogu” (n. 67).  Meta naffermaw li l-Knisja għandha tidħol fi djalogu ma jiddependix mill-moda – illum hemm il-moda tad-djalogu, le, ma tiddependix minn dan -, anqas u anqas minn xi strateġija biex iżżid l-għadd tal-membri tagħha, le, u lanqas hi strateġija.  Jekk il-Knisja għandha tidħol fi djalogu dan tagħmlu minħabba l-fedeltà tagħha lejn il-Mulej u Mgħallem tagħha li sa mill-bidu, imqanqal mill-imħabba, bħala ħabib, ried jidħol fi djalogu u jistedinna biex nieħdu sehem mill-ħbiberija tiegħu (cfr Konċ. Ekum. Vat. II Kost. Domm Dei Verbum, 2).  Għalhekk, bħala dixxipli ta’ Kristu, sa mill-jum tal-Magħmudija tagħna, aħna msejħin biex inkunu sehem minn dad-djalogu ta’ salvazzjoni u ta’ ħbiberija, li aħna l-ewwel li nieħdu fejda minnu.

In-nisrani f’dawn l-artijiet, jitgħallem ikun sagrament ħaj tad-djalogu li Alla jrid jibda ma’ kull raġel u mara hi liema hi l-kundizzjoni li fiha huma jgħejxu.  Djalogu, għaldaqstant, li aħna msejħin inwettqu fuq il-mudell ta’ Ġesù umli u ta’ qalb ħelwa (cfr Mt 11,29), b’imħabba ħerqana u diżinteressata, mingħajr kalkoli u bla limiti, bir-rispett lejn il-libertà tal-persuni.  Bi spirtu bħal dan insibu l-ħutna l-kbar li juruna t-triq għax b’ħajjithom taw xhieda li dan hu possibbli, “mira għolja” li tisfidana u tistimulana.  Kif nistgħu ma niftakrux fil-figura ta’ San Franġisk ta’ Assisi li, fl-eqqel tal-kruċjati, mar jiltaqa’ mas-Sultan al-Malik al-Kamil?  U kif nistgħu ma nsemmux lill-Beatu Charles de Foucault, li mmarkat profondament mill-ħajja umli u moħbija ta’ Ġesù ġewwa Nażaret, li hu kien jadura fis-skiet, ried ikun “ħu d-dinja universali”?  Jew ukoll dawk ħutna nsara li għażlu li jkunu solidali ma’ xi poplu sa ma taw ħajjithom stess”.  B’hekk, meta l-Knisja, fidila għall-missjoni li rċeviet mingħand Ġesù tidħol fi djalogu mad-dinja u hi stess issir laqgħa, tkun qed tieħu sehem fit-tnissil tal-fraternità, li l-għajn l-aktar profonda tagħha ma tinsabx fina iżda fil-paternità ta’ Alla.

Bħala persuna konsagrati, aħna msejħin biex dan id-djalogu ta’ salvazzjoni ngħejxuh l-ewwelnett bħala interċessjoni għall-poplu afdat f’idejna.  Niftakar darba waħda, jien u nitkellem ma’ saċerdot li bħalkom kien jgħejx f’art fejn l-insara kienu minoranza, kien irrakkuntali li t-talba tal-Missierna qanqlet fih eku speċjali, għax hu u jitlob fost nies ta’ reliġjonijiet oħra, kien iħoss qawwija l-kliem “ħobżna ta’ kuljum agħtina llum”.  It-talba ta’ interċessjoni tal-missjunarju għal dak il-poplu wkoll, li f’ċertu sens kien afdat f’idejh ukoll, mhux biex jamministrah imma biex iħobbu, kien iġagħalu  jirreċita din it-talba b’ton u togħma speċjali.  Il-konsagrat, is-saċerdot, fit-talb tiegħu jieħu fuq l-altar tiegħu l-ħajja ta’ kull min jgħejx fl-art fejn ikun jinsab u jżomm ħajja, qiesu minn ġo xi xaqq żgħir ta’ dik l-art, il-qawwa li tagħti l-ħajja tal-Ispirtu.  Kemm hu sabiħ tkun taf li f’bosta rkejjen ta’ did-dinja, permezz ta’ leħinkom il-maħluq jista’ jitkarrab u jkompli jtenni “Missierna”!

Għaldaqstant huwa djalogu illi jsir talba u li aħna nistgħu nagħmlu konkreta kuljum f’isem “il-fratellanza umana”, li tħaddan lill-bnedmin kollha, tgħaqqadhom u tagħmlihom kollha ndaqs; f’isem dil-fratellanza mċarrta tal-politika u tal-integraliżmu u l-firda u s-sistemi ta’ qligħ bla rażan u t-tendenzi ideoloġiċi odjużi li jimmanipulaw l-azzjoni u d-destini tal-bnedmin (Dokument dwar il-fratellanza umana, Abu Dhabi, 4 ta’ Frar, 2019).  Talba li ma tagħmilx għażla, ma tifridx, ma twarrabx, imma ssir eku tal-ħajja tal-proxxmu; talba ta’ interċessjoni bil-ħila li tgħid lill-Missier: “tiġi saltnatek”.  Mhux bil-vjolenza, mhux bil-mibgħeda, lanqas bis-supremazija etnika, reliġjuża, ekonomika, eċċ, imma bil-qawwa tal-kumpassjoni li ssawbet mis-Salib fuq il-bnedmin kollha.  Din hi l-esperjenza li qed jgħejxu l-biċċa l-kbira minnkom.

Niżżi ħajr ‘l Alla għal dak li għamiltu bħala dixxipli ta’ Kristu, hawn fil-Marokk, billi ta’ kuljum sibtu fid-djalogu, fil-kollaborazzjoni u fil-ħbiberija, l-istrumenti biex tiżirgħu futur ta’ tama.  B’hekk tikxfu u ġġibu għad-dawl kull tentattiv biex id-differenzi u l-injoranza jintużaw biex tinxtered il-biża’, il-mibgħeda u l-kunflitt.  Għaliex nafu li l-biża’ u l-mibgħeda, użati u manipulati, jiddestabiliżżaw u lill-komunitajiet tagħna jħalluhom bla difiża.

Ninkoraġġikom, bla ebda xewqa oħra ħlief li intom tagħmlu l-preżenza u l-imħabba ta’ Kristu li ftaqar għalina biex aħna nistgħanu bil-faqar tiegħu (2,Kor 8,9): komplu kunu proxxmu għal min spiss jitħalla lura, iż-żgħar u l-foqra, il-priġunieri u l-migranti.  Jalla l-karità tagħkom tkun dejjem attiva biex b’hekk tkun mezz ta’ komunjoni bejn l-insara u l-konfessjonijiet kollha li hawn fil-Marokk: l-ekumeniżmu tal-karità.  Jalla tkun ukoll mezz ta’ djalogu u koperazzjoni ma’ ħutna musulmani u mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.  Hija l-karità, speċjalment ma’ min hu l-aktar dgħajjef, l-aħjar opportunità li għandna biex inkomplu naħdmu favur il-kultura tal-laqgħa.  Jalla din fl-aħħar mill-aħħar tkun it-triq li tippermetti lill-persuni miġrugħin, mgħakksin, imwarrbin biex jagħrfu li huma membri ta’ familja umana waħda, bis-sinjal tal-fraternita.  Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, b’dan l-istess spirtu ta’ djalogu u koperazzjoni, għandu dejjem ikun għal qalbkom il-kontribut li tagħtu lill-qadi tal-ġustizzja u tal-paċi, tal-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, tal-ħarsien u l-akkumpanjament tal-anzjani, tad-dgħajfa, ta’ diżabbli u tal-maħqurin.

Irrodd ħajr mill-ġdid lilkom ilkoll, ħuti tal-preżenza tagħkom u tal-missjoni li qed twettqu hawn fil-Marokk.  Grazzi tas-servizz umli u diskret tagħkom, fuq l-eżempju tal-anzjani tal-ħajja konsagrata tagħna, li fosthom irrid insellem lid-dekana, Swor Ersilia.  Permezz tiegħek, għażiża Sorella, irrid inwassal tislima minn qalbi lil ħutna nisa u rġiel anzjani li, minħabba saħħithom, mhumiex preżenti fiżikament hawnhekk imma lkoll magħqudin magħna permezz tat-talb.  Intom ilkoll xhieda ta’ storja glorjuża għax hi storja ta’ sagrifiċċji, tama, taqbid ta’ kuljum, ta’ ħajja mogħtija kollha kemm hi għall-qadi, ta’ ħajja perseveranti fil-ħidma iebsa, għax kull ħidma hi għaraq tax-xbin.  Iżda ppermettuli ngħidilkom ukoll:  Intom mhux biss għandkom storja glorjuża x’tiftakru u tirrakkuntaw, imma storja kbira x’tibnu!  Ħarsu lej il-ġejjieni – iffrekwentaw il-futur – li fih qed imexxikom l-Ispirtu s-Santu” (Eżort. App. Psot Sinodali Il-Ħajja Konsagrata, 110), biex tkomplu tkunu sinjal ħaj ta’ dil-fraternità li l-Missier sejħilkom għaliha, mingħajr volontariżmi u rassenjazzjoni, imma bħala nies ta’ emmna li l-Mulej jasal dejjem qabilna u jiftaħ l-ispazji tat-tama fejn xi ħaġa jew xi ħadd kien jidher mitluf.

Il-Mulej iberikkom ilkoll u permezz tagħkom lill-membri tal-komunitajiet tagħkom.  L-Ispirtu tiegħu jgħinkom tagħmlu frott bl-abbundanza: frott ta’ djalogu, ta’ ġustizzja, ta’ paċi, ta’ verità u mħabba sabiex hawn, f’din l-art maħbuba minn Alla, titkattar il-fraternità umana.  U, jekk jgħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Grazzi!

(Erbgħat itfal jitilgħu ħdejn il-Papa.  Hu jgħid: “Voici le futur! Le maintenant et le futur!”  (Hawn hu l-futur.  Il-issa u l-futur).

U issa nidħlu taħt il-protezzjoni tal-Verġni Marija bir-reċita tal-Angelus

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.