VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FIL-MAROKK

[30-31 ta’ MARZU, 2019]

LAQGĦA MAL-POPLU MAROKKIN, MAL-AWTORITAJIET
U MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Spjanata tat-Torri Hassan (Rabat) Rabat
is-Sibt, 30 ta’ Marzu, 2019

 

 

Majestà,
Altezz
i Rjali,
Autorit
ajiet distinti tar-Renju tal-Marokk,
Membri
tal-Korp Dimplomatiku,
għeżież ħbieb Marokkini,

 

As-Salam Alaikum!

Inħossni ferħan li qed nirfes l-art ta’ dal-Pajjiż, għani b’ħafna sbuħija naturali, ħarries ta’ wirt antik u xhud ta’ storja affaxxinanti.  Nixtieq qabel kollox nesprimi l-gratitudni sinċiera u kordjali lill-Majestà Tiegħu Mohammed VI għall-istedina ġentili li għamilli u għal-laqgħa entużjasta li tani ftit tal-ħin ilu f’isem il-poplu Marokkin kollu, u b’mod partikolari għall-kliem ta’ kortesija li ndirizzali.

Din iż-żjara għalija hi ferħ u gratitudni għax qabel kollox qed tippermettili niskopri l-għana ta’ artkom, tal-poplu tagħkom u tat-tradizzjonijiet tagħkom.  Gratitudni li tinbidel f’opportunità importanti li tmexxi ‘l quddiem id-djalogu inter-reliġjuż u l-għarfien reċiproku bejn il-fidili taż-żewġ reliġjonijiet tagħna, filwaqt li niftakru – tmin mitt sena wara -  fil-laqgħa storika bejn San Franġisk u s-Sultan al-Malik al-Kamil.  Dak l-avveniment profetiku juri li l-kuraġġ tal-laqgħa u tal-id maħruġa huma toroq ta’ paċi u armonija għall-umanità, hemm, fejn l-estremiżmu u l-mibgħeda huma fatturi ta’ firda u qerda.  Minbarra dan, nawgura li l-istima, ir-rispett u l-kollaborazzjoni bejnietna tkun kontribut sabiex nidħlu aktar fil-fond tar-relazzjonijiet tagħna ta’ ħbiberija sinċiera, ħalli l-komunitajiet tagħna jkunu jistgħu iħejju ġejjieni  aħjar għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada.

Hawnhekk, f’din l-art, pont naturali bejn l-Afrika u l-Ewropa, nixtieq intenni kemm hu meħtieġ li ngħaqqdu l-isforzi tagħna biex nagħtu mbuttatura ġdida lill-bini ta’ dinja aktar solidali, aktar impenjata fi sforz onest, kuraġġuż u indispensabbli, għal djalogu rispettuż lejn l-għana u l-ispeċifiċità ta’ kull poplu u ta’ kull persuna.  Din hi sfida li lkoll kemm aħna msejħin nilqgħuha, fuq kollox f’dan iż-żmien li fih hemm ir-riskju li d-differenzi u n-nuqqas ta’ għarfien reċiproku jsiru kawża ta’ rivalità u tifrik.

Għalhekk, biex nagħtu sehemna fil-bini ta’ soċjetà miftuħa, pluralistika u solidali, huwa essenzjali li niżviluppaw u nagħmlu tagħna bla heda u mingħajr waqfien il-kultura tad-djalogu bħala t-triq li għandna nimxu fiha; il-kollaborazzjoni bħala mġieba; l-għarfien reċiproku bħala metodu u kriterju (cfr Dokument dwar il-Fratellanza Umana, Abu Dhabi, 4 ta’ Frar, 2019).  Din hi t-triq li aħna msejħin interrqu bla ma ngħejew, biex ngħinu lil xulxin ħalli flimkien ngħelbu t-tensjonijiet u n-nuqqas ta’ fehim, il-maskri u l-istereotipi li dejjem iressqu lejn il-biża’ u l-kontrappożizzjoni; ħalli b’hekk tinfetaħ it-triq għal spirtu ta’ kollaborazzjoni għammiela u rispettuża.  Infatti, huwa indispensabbli li l-fanatiżmu u l-fundametnaliżmu nopponuhom bis-solidarjetà ta’ kull min jemmen, u bħala riferiment għall-aġir tagħna jkollna l-valuri komuni bejnietna.  F’dil-perspettiva jien ferħan li se jkollli l-opportunità li minn hawn u ftit ieħor inżur l-Istitut Mohammed VI għall-Imam, il-predikaturi rġiel u nisa, li l-Majestà Tiegħu ried iwaqqaf bl-għan li jagħti formazzjoni reliġjuża addattata u sana kontra kull għamla ta’ estremiżmu, li spiss iwassal għat-terroriżmu u li, f’kull każ, huwa offiża lir-reliġjon u lil Alla nnifsu.  Infatti, nafu kemm hi meħtieġa tħejjija xierqa tal-gwidi reliġjużi tal-ġejjieni, jekk irridu nqajjmu mill-ġdid il-veru sens reliġjuż fi qlub il-ġenerazzjonijiet il-ġodda.

Għaldaqstant, id-djalogu awtentiku jistedinna biex ma nnaqqsux l-importanza tal-fattur reliġjuż sabiex jinbnew pontijiet bejn il-bnedmin u biex l-isfidi li semmejt qabel inkunu nistgħu naffrontawhom.  Infatti, b’rispett lejn id-differenzi ta’ bejnietna, il-fidi f’Alla tgħinna nagħrfu d-dinjità eminenti ta’ kull ħlejqa umana, kif ukoll id-drittijiet inaljenabbli tiegħu.  Aħna nemmnu li Alla ħalaq lill-bnedmin indaqs fid-drittijiet, fid-dmirijiet u d-dinjità u li sejħilhom biex jgħejxu bħal aħwa u jiżirgħu l-valuri tat-tajjeb, tal-karità u tal-paċi.  Hekkhu għaliex il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà reliġjuża – li ma tillimitax ruħha biss għal-libertà tal-kult imma għandha tippermetti lil kulħadd jgħejx skont il-konvinzjoni reliġjuża li jħaddan – huma marbutin inseparabbilment mad-dinjità umana.  Fi spirtu bħal dan, dejjem għandna bżonn ngħaddu mis-sempliċi tolleranza għar-rispett u l-istima lejn l-oħrajn.  Għax dan ifisser li niskopru u naċċettaw lill-ieħor bil-karatterisitċi tal-fidi tiegħu u li ngħanu lil xulxin b’din id-differenza, f’relazzjoni ttimbrata  mill-qalb tajba u mit-tfittxija ta’ dak li nistgħu nagħmlu flimkien.  Meta nifhmuh hekk, il-bini ta’ pontijiet bejn il-bnedmin, mill-aspett tad-djalogu inter-reliġjuż, jitlob minna li ngħejxuh bħala sinjal ta’ festa, ta’ ħbiberija u, aktar minn hekk, ta’ fraternità.

Il-Konferenza internazzjonali dwar id-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi fid-dinja iżlamika li sar f’Marrakech f’Jannar tal-2016, iddiskuta din il-kwistjoni.  U jien kuntent li din ikkundannat kull għamla ta strumentaliżżazzjoni ta’ xi reliġjon biex tiddiskrimina jew tattakka lill-oħrajn, filwaqt li saħqet dwar il-ħtieġa li mmorru ’l hin mill-kunċett ta’ minoranza reliġjuża biex niffavorixxu dak taċ-ċittadinanza u l-għarfien tal-valur tal-persuna li għandu jkun il-karatteristika ċentrali f’kull ordinament ġuridiku.

Inqis ukoll bħala sinjal profetiku l-ħolqien tal-istitut Ekumeniku Al Mowafaqa, f’Rabat, fl-2012, bl-inizjattiva tal-kattoliċi u l-protestanti li hawn fil-Marokk, Istitut li jrid jagħti kontribut għall-promozzjoni tal-ekumeniżmu, kif ukoll għad-djalogu mal-kultura u mal-Iżlam.  Din l-inizjattiva ta’ min ifaħħarha, tesprimi l-preokkupazzjoni u r-rieda tal-insara li jgħejxu f’dal pajjiż, biex jibnu l-pontijiet li jimmanifestaw u jkunu ta’ servizz għall-fraternità umana.

Dawn huma kollha mogħdijiet li se jwaqqfu l-istrumentaliżżazzjoni tar-reliġjonijiet biex tkun imkesksa l-mibgħeda, il-vjolenza, l-estremiżmu jew il-fanatiżmu għami u jtemmu darba għal dejjem l-użu ta’ isem Alla biex jiġġustifika atti ta’ omiċidju, eżilju, terroriżmu u oppressjoni (Dokument dwar il-Fratellanza Umana, Abu Dhabi, 4 ta’ Frar, 2019).

id-djalogu ġenwin li rridu niżviluppaw iġagħalna nagħtu każ tad-dinja li qed ngħejxu fiha, id-dar komuni tagħna.  Għaldaqstant, il-Konferenza internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, COP 22, li saret hawnhekk ukoll, fil-Marokk, affermat għal darb’oħra li ħafna nazzjonijiet huma konxji li jeħtieġ inħarsu l-pjaneta li Alla qegħedna ngħejxu fiha u li jeħtieġ jagħtu sehemhom biex issir konverżjoni ekoloġika sinċiera favur svilupp uman integrali.  Nesprimi apprezzament għall-passi kollha ‘l quddiem li saru f’dal-qasam u nifraħ li hemm solidarjetà serja bejn in-nazzjonijiet u l-popli bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet ġusti u dejjiema għall-flaġelli li qed jheddu d-dar komuni tagħna u għas-sopravivenza tal-familja umana.  Flimkien, fi djalogu paċenzjuż, prudenti, miftuħ u sinċier, nistgħu nittamaw li nsibu tweġibiet addattati sabiex indawru lura t-tendenza tat-tisħin globali u jirnexxilna neqridu l-faqar (cfr Enċ. Laudato sì, 175)

Il-kriżi migratorja li qed naffaċċjaw illum, hi bl-istess mod, appell urġenti għal kulħadd biex ifittex meżżi konkreti ħalli jqaċċat il-kawżi li jġagħalu lil tant persuni jħallu pajjiżhom, il-famlji tagħhom iżda spiss isibu ruħhom emarġinati, rifjutati.  Minn dan l-aspett, dejjem hawn fil-Marokk, f’Diċembru li għadda, il-Konferenza inter-governattiva dwar il-Patt Dinji għal migrazzjoni sigura, bl-ordni u regolata, addottat dokument li għandu jkun punt ta’ riferiment għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi.  Fl-istess ħin, minnu li għad fadal ħafna xi jsir, speċjalment minħabba li jeħtieġ li mill-impenji mittieħda b’dak id-dokument, tal-anqas fil-livell morali, ngħaddu għall-azzjonijiet konkreti u, b’mod speċjali, għal bidla ta’ atteġġjament lejn il-migranti, biex naffermawhom bħala persuni u mhux inqisuhom numri, li d-drittijiet u d-dinjità tagħhom jingħataw għarfien bil-fatti u fid-deċiżjonijiet politiċi.  Intom tafu kemm għandi għal qalbi x-xorti, spiss terribbli, ta’ dawn il-persuni, li fil-biċċa l-kbira tagħhom ma kinux se jħallu pajjiżhom kieku ma kinux imġagħalin.  Nittama li l-Marokk, illi bid-disponibbiltajiet li għandu u bl-ospitalità fina tiegħu, ospita din il-Konferenza, jrid ikompli jkun eżempju ta’ umanita għal-migranti u r-rifuġjati, għall-komunità internazzjonali, sabiex lil dawn in-nies, hawnhekk, bħal f’postijiet oħra, milqugħin bl-umanità u mħarsin, tkun imtejba s-sitwazzjoni tagħhom u jkunu integrati bid-dinjità.  Meta jippermettu l-kundizzjonijiet, dawn jistgħu jiddeċiedu li jmorru lura lejn djarhom f’kundizzjoni ta’ sigurtà, bir-rispett lejn id-dinjità tagħhom u tad-drittijiet tagħhom.  Dan hu fenomenu li qatt mhu se jsib soluzzjoni bil-bini tal-ħitan, billi tinżergħa l-biża’ mill-ieħor jew għax lil min jixxennaq għal-titjib għalih innifsu u għall-familji tagħhom tiċċaħħdlu l-assistenza.  Nafu wkoll li t-tisħiħ tal-vera paċi jgħaddi mit-tiftix tal-ġsutizzja soċjali li hi indispensabbli biex jissewwew in-nuqqas ta’ ekwilibriju ekonomiku u d-diżordnijiet politiċi li minn dejjem kienu l-fatturi ewlenin biex tinħoloq it-tensjoni u ta’ theddida għall-umanità kollha kemm hi.

Majestà u Onorevoli Awtoritajiet, għżież ħbieb!  L-insara jifirħu bil-post li ngħatalhom fis-soċjetà Marokkina.  Huma jridu jagħtu sehemhom fil-bini ta’ nazzjon solidali u ta’ riżq għax għandhom għal qalbhom il-ġid komuni tal-poplu.  Minn dan l-aspett,  l-impenn tal-Knisja Kattolika fil-Marokk, bl-opri soċjali tagħha u fil-qasam tal-edukazzjoni permezz ta skejjel miftuħin għal studenti ta’ kull twemmin, reliġjon u oriġini, jidhirli li jitkellem waħdu.  Għaldaqstant, fiwaqt li niżżi ħajr ‘l Alla għal mixja s’issa, ippermettuli nagħmel kuraġġ lill-kattoliċi u lill-insara biex hawn, fil-Marokk, ikunu qaddejja, promoturi u difensuri tal-fraternità umana.

Majestà, Awtoritajiet distinti, għeżież ħbieb!  Irroddilkom ħajr mill-ġdid, u l-istess nagħmel lill-poplu Marokkin kollu għall-akkoljenza tant imħeġġa u għall-attenzjoni mimlija kortesija tagħkom.  Shukran bi-saf. Dak li jista’ kollox, ħelu u ħanin, jipproteġikom u jbierek il-Marokk!  Grazzi.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber