Vjaġġ Appostoliku ta’ Papa Franġisku
fil-MOZAMBIQUE, MADAGASCAR u l- MAURITIUS

(4 - 10 Settembru 2019)

VELJA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

f’Soamandrakizay  -

Is-Sibt 7 ta’ Settembru 2019
 

Monsinjur, grazzi tal-kliem tiegħek ta’ merħba. U grazzi lilkom, għeżież żgħażagħ, li minkejja d-diffikultajiet kollha li ltqajtu magħhom, ġejtu hawn minn kull parti ta’ din il-gżira daqshekk sabiħa. Minkejja kollox issa tinsabu lkoll hawn! Inħossni tant kuntent li nista’ ngħix  magħkom din il-velja li l-Mulej Ġesù qed jistedinna għaliha. Grazzi tal-kant u ż-żfin tradizzjonali tagħkom li hu mimli b’tant entużjażmu. Ma żbaljawx meta qaluli li intom mimlija ferħ u entużjażmu straordinarji!

Grazzi, Rova Sitraka u Vavy Elyssa, ta’ dak li qsamtu magħna dwar il-mixja tagħkom fejn fost aspirazzjonijiet u sfidi intom qed tfittxu xi ħaġa. Kemm hi xi ħaġa sabiħa tiltaqa’ ma’ żewġ żgħażagħ b’fidi ħajja, li ma tieqafx! Ġesù jrid li qalbna tkun dejjem qed tfittex, hu jpoġġina f’mixja u ma jħalliniex niefqu. Id-dixxiplu ta’ Ġesù li jrid jikber fil-ħbiberija miegħu, ma jistax jieqaf u ma jagħmel xejn, ma jistax igerger u jħares lejh innifsu. Irid jiċċaqlaq, jaġixxi u jimpenja ruħu, u jħossu żgur li l-Mulej jgħinu u jkun miegħu.

Nieħu gost nara li kull żagħżugħ qed ifittex. Tiftakru x’kienet  l-ewwel mistoqsija li Ġesù għamel lid-dixxipli fuq ix-xatt tal-Ġordan? L-ewwel mistoqsija kienet: “Xi tridu?” (Ġw 1,38). Il-Mulej jaf li aħna qed infittxu dak “il-ferħ li għalih ġejna maħluqin” u li “d-dinja ma tkun tista’ teħodhulna qatt” (Esort. ap. Gaudete et exsultate, 1; 177). Kull wieħed jesprimi dan b’mod differenti, imma fl-aħħar mill-aħħar dejjem qed infittxu dak il-ferħ li ħadd ma  joħodulna.

Kif għidtilna int Rova. Kont ilek tixtieq tmur iżżur il-ħabsin. Bdejt tmur tgħin saċerdot fil-missjoni tiegħu u bil-mod il-mod bdejt timpenja ruħek sakemm din saret il-missjoni personali tiegħek. Skoprejt li ħajtek hi missjunarja. Dan it-tiftix fil-ħajja ta’ fidi jgħin biex wieħed isir aħjar, biex jgħix l-Evanġelju fid-dinja li qed ngħixu fiha. Dak li għamilt għall-oħrajn ġab bidla f’ħajtek; bidel il-mod kif tħares lejn l-oħrajn u tiġġudika. Sirt aktar ġust u uman. Fhimt u skoprejt li l-Mulej hu parti minn ħajtek, li jagħtik dak il-ferħ li d-dinja ma tistax toħodulek (ara ibid., 177).  

Rova, fil-missjoni tiegħek, tgħallimt li m’għandix tillabilja lin-nies, imma għandek issejħilhom b’isimhom, kif il-Mulej jagħmel magħna. Hu ma jagħtiniex l-isem tad-dnub tagħna, tal-iżbalji li nagħmlu, tal-limiti tagħna, imma isejħilna b’isimna. Kull wieħed minna hu prezzjuż f’għajnejn Alla. Iżda, ix-xitan, għalkemm jaf x’jisimna, jippreferi jsejħilna bid-dnubiet u l-iżbaji tagħna u jagħmel dan il-ħin kollu. U hekk iġiegħelna nħossu li nagħmlu x’nagħmlu xejn ma jinbidel, kollox jibqa’ l-istess. Il-Mulej mhux hekk jagħmel. Hu jfakkarna kemm aħna prezzjużi f’għajnejh u jafdalna missjoni.

Rova, int tgħallimt tagħraf mhux biss il-kwalitajiet, imma anki l-istejjer li jinħbew wara kull wiċċ. Warrabt il-kritika faċli u mgħaġġla, li dejjem tipparalizza, u tgħallimt xi ħaġa li ħafna  jieħdu s-snin biex jiskopruha. Indunajt li ħafna min-nies li jkunu l-ħabs mhumiex ħżiena,   imma jagħmlu għażliet żbaljati. Żbaljaw it-triq, indunaw, u issa jixtiequ  jerġgħu jibdew mill-ġdid.

Dan ifakkarna f’wieħed mill-isbaħ rigali li toffrilna l-ħbiberija ma’ Ġesù. “Hu jinsab fik, Hu qiegħed miegħek u ma jitilqek qatt. Tmur kemm  tmur ‘l bogħod, Kristu li qam mill-mewt  hu qrib tiegħek; hu jsejjaħlek u jistenniek tibda mill-ġdid” (Esort. ap. postsin. Christus vivit, 2) u jrid jafdalek missjoni. Dan hu r-rigal li Hu qed jistedinna għalih ilkoll u jridna niċċelebrawh illum.

Ilkoll nafu, anki permezz tal-esperjenza personali, li nistgħu nitħawdu u niġru wara affarijiet li jwiegħduna u jgħamuna b’ferħ li jidher minn barra, li faċli nakkwistawh, imma li jħalli lil qalbna, lil ħarsitna u lil ruħna f’nofs triq. Oqogħdu attenti minn dawk li jwegħdukom toroq faċli u mbagħad jitilqukom f’nofs triq! Attenti għal dawk l-illużjonijiet li meta nkunu żgħażagħ iqarrqu bina u jwegħduna affarijiet li jilluppjawna, jisirqulna l-vitalità u l-ferħ u jagħmluna dipendenti fuqhom. Dawn jagħlquna f’ċirku li jqarraq bina u jimliena b’ħafna mrar.  

Imrar..... forsi jista’ jkun hemm ir-riskju li tgħidu: “L-affarijiet hekk huma...... xejn ma jista’ jinbidel u ħadd ma jista’ jagħmlilna xejn”. Jiġikom li tgħidu hekk meta jonqos anki dak il-ftit li teħtieġu biex tikkumbattu jum wara l-ieħor; meta ma jkunx hemm biżżejjed opportunitajiet biex tistudjaw; meta taraw  li m’għandkomx futur għax hemm nuqqas ta’ xogħol, għax hemm il-prekarjetà, l-inġustizzji soċjali..... U jkollkom it-tentazzjoni li tagħtu ruħkom b’mirbuħa. Oqogħdu attenti minn din il-qrusa! Oqogħdu attenti!

Il-Mulej hu l-ewwel wieħed li jgħidilna: it-triq mhijiex din. Hu ħaj u jrid li int ukoll tkun ħaj, li taqsam id-doni u l-kariżmi tiegħek, it-tiftix u l-ħiliet tiegħek(ara ibid., 1). Il-Mulej isejħilna b’isimna u jgħidilna: “Ejja warajja!” Mhux biex iġerrina wara l-illużjonijiet, imma biex jibdel lil kull wieħed u waħda minna f’dixxipli-missjunarji, hawnhekk u issa.  Hu l-ewwel wieħed li ma jridx dawk l-ilħna li jfittxu li jraqqdukom, li jimmansawkom, li jilluppjawkom u jsikktukom biex ma tfittxux orizzonti ġodda. Ma’ Ġesù dejjem hemm orizzonti ġodda. Hu jrid li jibdilna lkoll u jagħmel il-ħajja tagħna missjoni. Iżda jitlobna ħaġa: jitlobna biex ma nibżgħux inħammġu idejna, jitlobna biex ma nibżgħux inħammġu idejna.

Il-ġejjieni tal-Madagascar u tal-Knisja hu f’idejkom. Il-Mulej hu l-ewwel wieħed li għandu fiduċja fikom u jistedinkom biex ikollkom fiduċja fikom infuskom, fil-kompetenzi u l-kapaċitajiet tagħkom, li huma ħafna. Jistedinkom biex tagħmlu l-kuraġġ, biex magħqudin miegħu tiktbu l-isbaħ paġna ta’ ħajjitkom, biex tegħlbu l-apatija, u bħal Rova, toffru tweġiba nisranija għal ħafna problemi li jkollkom tiffaċċaw. Hu l-Mulej li qed jistedinna biex inkunu bennejja tal-ġejjieni (ara ibid., 174). Intom il-bennejja tal-ġejjieni! Qed jistedinkom biex tagħtu s-sehem tagħkom, sehem li intom biss tistgħu tagħtuh bil-ferħ u l-freskezza tal-fidi tagħkom. Lil kull wieħed u waħda minnkom – lilek, lilek, lilek  nistaqsi u nistiednek tistaqsi lilek innifsek: jista’ l-Mulej iserraħ fuqek?  Il-poplu tiegħek f’ Madagascar jista’ jserraħ fuqek? Art twelidek, il-Madagascar tista’ sserraħ fuqek?

Iżda l-Mulej ma jridx li nagħmlu din l-avventura waħidna. Iva, hu jafdalna missjoni, iżda ma jibgħatniex fuq quddiem waħidna.

Kif qalet tajjeb Vavy Elyssa, mhux possibbli tkun dixxiplu missjunarju waħdek: neħtieġu oħrajn biex ngħixu u naqsmu magħhom l-imħabba u l-fiduċja li l-Mulej jagħtina. Ħadd u xejn ma jista’ jieħu post il-laqgħa personali tagħna mal-Mulej, iżda mhux waħidna imma fil-komunità. Żgur li kull wieħed minna jista’ jagħmel affarijiet kbar, iva! Imma flimkien nistgħu noħolmu u ninpenjaw ruħna f’affarijiet li ma timmaġinahomx! Vavy qalet dan b’mod ċar. Aħna mistiedna niskopru l-wiċċ ta’ Ġesù fl-uċuħ tal-oħrajn: billi niċċelebraw il-fidi fil-famija,  noħolqu rabtiet ta’ fraternità, nieħdu sehem fil-ħajja ta’ xi grupp jew moviment u  nagħmlu l-kuraġġ u nimxu fi triq komuni mgħejxa f’solidarjetà. Hekk nistgħu nitgħallmu niskopru u niddixxernu t-toroq li l-Mulej jistedinna biex nimxu fihom, l-orizzonti li hu qed iħejji għalikom. Iżda qatt ma għandna niżolaw ruħna jew nagħmlu l-affarijiet waħidna! Din hi waħda mill-agħar tentazzjonijiet li jista’ jkollna.

Fil-komunità, jiġifieri flimkien, nistgħu nitgħallmu nagħrfu l-mirakli żgħar li jsiru kuljum, u nagħrfu anki x-xhieda ta’ kemm hi ħaġa sabiħa li nimxu wara Ġesù u nħobbuh.  Dan spiss jiġri b’mod indirett, bħalma ġara fil-każ tal-ġenituri tiegħek, Vavy, li għalkemm jagħmlu parti minn żewġ tribujiet differenti, kull tribù bid-drawwiet u l-kostumi tagħha, iżda grazzi għall-imħabba ta’ bejniethom huma  jegħlbu l-provi u d-differenzi u  wrewk triq sabiħa biex timxi fiha; triq li tkun ikkonfermata kull darba li joffru l-frott tal-art biex ikunu offruti fuq l-artal. Kemm hemm bżonnha din ix-xhieda! Jew bħaz-zija, il-katekisti u s-saċerdoti li akkumpanjawk u sostnewk fil-proċess tal-fidi.  Dan kollu għin biex iġġenera u saħħaħ “l-iva” tiegħek. Aħna lkoll importanti, ilkoll meħtieġa u ħadd ma jista’ jgħid: “m’għandix  bżonnok”. Ħadd ma jista’  jgħid: “M’għandix bżonnok” jew “ int ma tagħmilx parti minn dan il-proġett ta’ mħabba li l-Missier ħolom għalina meta ħalaqna”.

Issa nixtieq nagħmel sfida lilkom ilkoll: irrid li lkoll flimkien ngħidu: ħadd ma jista’ jgħid: “m’għandix  bżonnok”.  Tlett darbiet... (jirrepetuha tlett darbiet). Tajjeb ħafna, bravi !

Isimgħuni, wasalt biex nispiċċa għax hawn il-kesħa (jidħku)....... Għeżież żgħażagħ, aħna familja kbira  u nistgħu niskopru li għandna Omm: Marija Verġni, il-protettriċi tal-Madagascar. Dejjem laqtitni l-“iva” b’determinazzjoni li qalet ix-xbejba Marija – li kienet żagħżugħa bħalkom.  Kemm kienu qawwija l-kliem li qalet lill-anġlu: “Ħa jkun minni skont kelmtek”. Ma qalitx iva biex tkun qalet iva u mbagħad wara tara x’kien ser jiġri. Le!  Marija  ma kellhiex f’moħħha li tgħid “iva, imbagħad naraw”. Hi qalet iva bla ma qagħdet tilgħab bil-kliem.  Din hi l-iva ta’ dawk li jridu jimpenjaw ruħhom u li huma lesti li jirriskjaw, li  jagħtu kollox bla ebda garanzija,  iżda ċerti li jridu jwasslu wegħda. Din it-tfajla ta’ Nażaret illum hi l-Omm li tieħu ħsieb uliedha li jimxu fit-triq tal-ħajja, li spiss huma għajjiena u fil-bżonn, imma li huma ħerqana biex id-dawl tat-tama ma jintefiex. Dan hu li rridu għal Madagascar, għal kull wieħed u waħda minnkom u għall-ħbieb tagħkom: li d-dawl tat-tama ma jintefiex.  Din l-Omm tagħna tieħu ħsieb  din il-ġemgħa kbira  ta’ żgħażagħ li jħobbuha u jfittxuha fis-skiet ta’ qalbhom minkejja l-ħafna ħsejjes, diskors u distrazzjonijiet li jiltaqgħu magħhom fi triqthom. Huma jitolbuha biex id-dawl tat-tama ma jintefiex (ara Christus vivit, 44-48).

Nafda f’idejn Marija l-ħajja ta’ kulħadd, ta’ kull wieħed u waħda minnkom, tal-familji tagħkom, ta’ ħbiebkom, biex id-dawl tat-tama  ma jonqoskom  qatt  u biex Madagascar  tkun dejjem aktar dik l-art skont il-ħolma tal-Mulej. Jalla Marija takkumpanjakom u tħariskom dejjem! 

U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.


 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard.