VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-MOZAMBIQUE, IL-MADAGASCAR U L-MAURITIUS

(4-10 TA’ SETTEMBRU 2019)

 

TALBA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

GĦALL-ĦADDIEMA

 

Lant tax-xogħol ta’ Mahatzana (Antananarivo)

Il-Ħadd 8 ta’ Settembru 2019

 

Alla Missier tagħna, ħallieq tas-sema u tal-art,

irroddulek ħajr li ġbartna hawn bħala aħwa,

quddiem din il-blata maqsuma mix-xogħol tal-bniedem:

aħna nitolbuk għall-ħaddiema kollha.

 

Għal dawk li jaħdmu b’idejhom

u bi sfroz fiżiku enormi.

Ħares lil ġisimhom mit-taħbit żejjed:

ħalli ma jkunu qatt neqsin mill-ħlewwa u l-ħila li jżiegħlu

b’uliedhom u jilagħbu magħhom.

Agħtihom il-qawwa tar-ruħ u s-saħħa tal-ġisem

biex ma jispiċċawx imfarrka taħt it-toqol tal-ħidma tagħhom.

 

Agħmel li l-frott tax-xogħol jagħtihom

li jiżguraw ħajja dinjituża għall-familji tagħhom.

Ħa jsibu fihom, filgħaxija, dik l-imħabba, faraġ u inkuraġġiment,

u flimkien, miġbura taħt l-istess ħarsa,

jagħrfu l-ferħ veru.

 

Ħa jagħrfu l-familji tagħna li l-ferħ mill-kisba tal-ħobża ta’ kuljum

ikun perfett meta dan il-ħobż jaqsmuh ma’ oħrajn.

Jalla t-tfal ma jkunux imġiegħla jaħdmu,

ikunu jistgħu jmorru l-iskola u jkomplu bl-istudji tagħhom,

u l-professuri tagħhom jikkonsagraw ħinhom għal din il-ħidma,

mingħajr il-ħtieġa ta’ attivitajiet oħra biex jgħixu.

 

Alla tal-ġustizzja, miss il-qalb tal-imprendituri u d-diriġenti:

ħa jipprovdu kulma hu meħtieġ

biex jiżguraw lill-impjegati paga dinjituża

u kundizzjonijiet li jixirqu lid-dinjità tagħhom ta’ bnedmin.

 

Ħu ħsieb bil-ħniena paterna tiegħek

lil dawk li huma bla xogħol,

u agħmel li l-qgħad – kawża ta’ tant faqar –

jgħib mis-soċjetajiet tagħna.

 

Ħa tagħraf kull persuna l-ferħ u d-dinjità li tista’ taqla’ l-ħobża ta’ kuljum

u teħodha d-dar biex titma’ lill-għeżież tagħha.

 

Missier, oħloq qalb il-ħaddiema spirtu ta’ vera solidarjetà.

Ħa jkunu attenti għal xulxin,

jagħmlu l-qalb wieħed lill-ieħor, iwieżnu lil min hu għajjien,

jerġgħu jqajmu lil min waqa’.

 

Tħalli qatt il-qalb tagħhom iċċedi għall-mibegħda, għall-korla, għad-diqa

quddiem l-inġustizzja, imma ħa jżommu ħajja t-tama

li għad jaraw dinja aħjar u jħabirku għaliha.

 

Ħa jagħrfu, flimkien, b’mod kostruttiv,

isemmgħu d-drittijiet tagħhom

u l-vuċijiet u l-karbiet tagħhom jiġu mismugħa.

 

Alla, Missier tagħna, lill-ħaddiema tad-dinja kollha

int tajthom bħala protettur lil San Ġużepp,

missier putattiv ta’ Ġesù, raġel kuraġġjuż tal-Verġni Marija.

Lilu nafda lil dawk kollha li jaħdmu hawnhekk, f’Akamasoa,

u lill-ħaddiema kollha tal-Madagascar, speċjalment dawk

li qed jgħixu ħajja prekarja u iebsa.

Ħa jħarishom hu fl-imħabba ta’ Ibnek

u jweżinhom fil-ħajja tagħhom u fit-tama tagħhom.

Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard