VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FIL-MOZAMBIQUE, IL-MADAGASCAR U L-GŻEJJER MAURITIUS
(4 - 10 ta' SETTEMBRU, 2019)

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, IS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU
Binja taċ-Ċerimonji (Antananarivo)
Is-Sibt, 7 ta’ Settembru

Sur President,
Sur Prim Ministru,
Sinjuri Memebri tal-Gvern u tal-Korp Dimplomatiku,
Distinti Awtoritajiet,
Sinjuri rappreżentanti tas-soċjetà ċivili,
Rappreżentanti tad-diversi Konfessjonijiet Reliġjużi,


Sinjuri,

Insellem minn qiegħ qalbi lill-President tar-Repubblika tal-Madagascar u rroddlu ħajr għall-istedina ġentili tiegħu biex inżur dal-pajjiż, kif ukoll għall-kliem ta' merħba li indirizzali. Int, Sur President, tkellimt bil-passjoni, tkellimt b'imħabba lejn il-poplu tiegħek. Irroddlok ħajr għat-testimonjanza tiegħek ta' patrijott. Insellem ukoll lill-Prim MInistru, lill-Membri tal-Gvern, tal-Korp Diplomatiku u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. U nagħti tislima fraterna lill-Isqfijiet, lill-membri tal-Knisja Kattolika, lir-rappreżentanti tal-konfessjonijiet insara u tad-diversi reliġjonijiet. Grazzi lill-persuni kollha u l-istituzzjonijiet li għamlu possibbli dal-vjaġġ, partikolarment lill-poplu tal-Madagascar li laqgħana b'ospitalità kbira.

Fil-preambolu tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tagħkom ridtu tissiġillaw wieħed mill-valuri fundamentali tal-kultura tagħkom: 'il-fihavanana' li jfakkar fl-ispirtu ta' kondiviżjoni, għajnuna reċiproka u solidarjetà. Jinkludi wkoll l-importanza tar-rabtiet familjari, tal-ħbiberija u tal-qalb ġeneruża bejn il-bnedmin u man-natura. Hekk titberraħ 'ir-ruħ' tal-poplu tagħkom u l-karatteristiċi partikolari li jiddistingwuh, isawwruh u jippermettulu jirreżisti bil-kuraġġ u ċ-ċaħda l-kuntrarju u d-diffikuotajiet li jaffaċċja ta' kuljum. Kieku kellna nagħrfu, nivvaloriżżaw u napprezzaw din l-art imbierka għas-sbuħija tagħha u għall-għana naturali inestimabbli, mhux anqas importanti nagħmlu dan għal 'dir-ruħ' li ttikom il-forza biex tibqgħu impenjati 'bl-aina' (jiġifieri bil-ħajja), kif fakkar tant tajjeb patri Antonio di Padova Rahajarizafy, S.J.

Wara li n-nazzjon tagħkom kiseb l-indipendenza mill-ġdid, issa qed jaspira għall-istabbiltà u għall-paċi billi jħaddem alternanza demokratika pożittiva xhieda tar-rispett lejn il-komplimentarjetà tal-istili u tal-proġetti. Dan juri li l-politika "hija mezz fundamentali biex jinbnew iċ-ċittadinanza u l-opri tal-bniedem" (Messaġġ għat-52 Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta' Jannar, 2019), meta tingħex bħala servizz tal-kollettività umana. Għalhekk huwa ċar li l-funzjoni u r-responsabbiltà politika huma sfida bla tmiem għal min għandu l-missjoni li jkun ta' servizz u biex iħares liċ-ċittadini tiegħu, partikolarment lil dawk l-aktar vulnerabbli, u biex joħloq kundizzjonijiet favorevoli għal żvilupp dinjituż u ġust bil-parteċipazzjoni tal-atturi kollha tas-soċjetà ċivili. Għax, kif kien ifakkar San Pawlu VI, l-iżvilupp ta' nazzjon "Mhuwiex sempliċiment it-tkabbir ekonomiku. Biex l-iżvilupp ikun awtentiku jeħtieġ li jkun integrali, illi jfisser li jimmira li jimxi 'l quddiem kull bniedem u l-bniedem kollu" (Populorum Progressio, 14).

F'dil-perspettiva, ninkoraġġikom biex titqabdu bil-forza u d-determinazzjoni kontra kull għamla endemika ta' korruzzjoni u spekulazzjoni li jkabbru d-differenzi soċjali u biex taffrontaw is-sitwazzjonijiet ta' inċertezza kbira u esklużjoni li dejjem jiġġeneraw kundizzjonijiet ta' faqar diżuman. Minn dan tiġi l-ħtieġa li tintroduċu l-medjazzjonijiet kollha possibbi biex id-dħul jitqassam aħjar u l-abitanti kollha jimxu 'l quddiem b'mod integrali, partikolarment l-aktar foqra. Azzjoni bħal din ma tistax tkun biss l-għajnuna, imma teħtieġ l-għarfien tas-suġġetti ġuridiċi li għandhom is-sejħa li jieħdu sehem sħiħ fil-bini tal-ġejjieni tagħhom (cfr Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 204-205).

Minbarra dan tgħallimna li ma nistgħux nitkellmu dwar żvilupp integrali bla ma nagħtu attenzjoni lid-dar komuni tagħna u nieħdu ħsiebha. Ifisser li mhux biss infittxu l-istrumenti biex nippreservaw ir-riżorsi naturali, imma wkoll li nfittxu "soluzzjonijiet integrali li jagħtu kas tal-interazzjoni tas-sistemi naturali bejniethom u mas-sistemi soċjali. Mhemmx żewġ kriżijiet mifruda minn xulxin, waħda ambjentali u l-oħra soċjali, iżda kriżi waħda soċjo/ambjentali kumplessa" (Enċ. Laudato sì, 139).

Il-gżira sabiħa tagħkom, il-Madagascar, hi għanja fil-biodiversità veġetali u animali, u dan l-għana hu mhedded partikolarment mid-deforestazzjoni żejda b'vantaġġ għall-ftit; id-degradazzjoni tikkomprometti l-ġejjieni tal-pajjiż u tad-dar komuni tagħna. Kif tafu, il-foresti li fadal huma mhedda min-nar, mill-kaċċa illegali, bil-qtugħ bla kontroll ta' njam prezzjuż. Il-biodiversità veġetali u animali tinsab f'riskju minħabba l-kuntrabandu u l-esportazzjoni illegali. Minnu li għall-popolazzjonijiet interessati, ħafna minn dawn l-attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent, għall-mument, jiżgurawlhom l-għajxien. Għalhekk huwa importanti li jinħoloq ix-xogħol u attivitajiet li jiġġeneraw id-dħul li jkunu jirrispettaw l-ambjent u jgħinu lill-persuni joħorġu mill-faqar. Fi kliesm ieħor ma teżistix qrubija ekoloġika vera u lanqas ħarsien tal-ambjent bla ġustizzja soċjali li tiggarantixxi d-dritt li l-ġenerazzjonijjiet ta' issa, u wkoll dawk tal-ġejjieni, ikollhom sehem xieraq mill-ġid tal-art.

Ilkoll kemm aħna rridu nimpenjaw ruħna biex interrqu dit-triq, inkluż il-komunità internazzjonali. Bosta rappreżentanti tagħha jinsabu hawn preżenti llum. Jeħtieġ nagħrfu li l-għajnuna mogħtija minn dawn l-organiżżazzjonijiet internazzjonali għall-iżvilupp tal-pajjiż hija kbira u turi li l-Madagascar huwa miftuħ għad-dinja. Ir-riskju hu li dan il-ftuħ isir "kultura universali mistħajla" li tiddisprezza, tidfen u ttemm il-patrimonju kulturali ta' kull poplu. Il-globaliżżazzjoni ekonomika, li l-limitazzjonijiet tagħha qed ikunu ċari dejjem aktar, m'għandhiex twassal għall-uniformità kulturali. Jekk aħna nieħdu sehem fi proċess immexxi mir-rispett lejn il-prijoritajiet u l-istili ta' ħajja oriġinarja, li bih l-istennija taċ-ċittadini tkun irrispettata, inkunu qed nagħtu sehemna biex l-għajnuna mogħtija mill-komunità internazzjonali ma tkunx l-unika garanzija għall-iżvilupp tal-pajjiż; ikun il-poplu nnifsu li ftit ftit jieħu r-responsabbiltà tiegħu nnifsu u jsir l-awtur tad-destin tiegħu.
Din hi r-raġuni għaliex irridu nagħtu attenzjoni u rispett partikolari lis-soċjetà ċivili lokali, lill-poplu lokali. Meta nappoġġjaw l-inizjattivi tiegħu u l-azzjonijiet tiegħu, il-vuċi ta' dawk li m'għandhomx vuċi tibda tinstama', kif ukoll l-armoniji varji, kuntrastanti wkoll, ta' komunità nazzjonali li tfittex l-għaqda ta' bejnietha. Nistedinkom tfasslu din il-mixja li fiha ħadd ma jsib ruħu mwarrab, jew jimxi għal rasu jew jintilef.

Bħala Knisja, irridu nimitaw l-atteġġjament ta' djalogu tal-konnazzjonali tagħkom il-Beata Victoire Rosamanarivo, li San Ġwanni Pawlu II kien ibbeatifika waqt iż-żjara tiegħu ta' tletin sena ilu. Ix-xhieda ta' mħabba tagħha lejn artha u t-tradizzjonijiet tagħha, il-qadi tal-foqra bħala sinjal tal-fidi tagħha f'Ġesù Kristu, ifasslulna t-triq li aħna wkoll imsejħin interrqu.
Sur President, Sinjuri, nixtieq nafferma mill-ġdid ir-rieda u d-disponibbiltà tal-Knisja Kattolika tal-Madagascar biex fi djalogu permanenti ma' nsara ta' konfessjonijeit oħra, ma' membri tar-reliġjonijiet l-oħra u mal-atturi kollha tas-soċjetà ċivili tagħti sehemha fit-tnissil ta' fraternità vera li tibqa' tagħti dejjem valur lill-'fihavanana', permezz tal-iżvilupp uman integrali sabiex ħadd ma jibqa' barra.

B'din it-tama nitlob lil Alla jbierek lill-Madagascar u lil kull min jgħix fih, li jipproteġi l-gżira sabiħa, paċifika u akkoljenti tagħkom u jmexxiha 'l quddiem u jhenniha! Grazzi.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber