VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-BULGARIJA U L-MAĊEDONJA TA’ FUQ

[5-7 TA’ MEJJU 2019]

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Pjazza Maċedonja (Skopje)

It-Tlieta 7 ta’ Mejju 2019

 

“Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx”, għadu kemm qalilna l-Mulej (Ġw 6:35).

 

Fil-Vanġelu, madwar Ġesù, tinġabar folla li kien għad għandha stampat f’moħħha t-tkattir tal-ħobż. Wieħed minn dawk il-mumenti li baqgħu impressi fl-għajnejn u fil-qalb tal-ewwel komunità tad-dixxipli. Kienet festa… Il-festa li fiha skoprew l-abbundanza bla tarf u l-attenzjoni ta’ Alla għal uliedu, li jsiru aħwa meta jaqsmu l-ħobż ma’ xulxin. Nistħajlu għal waqt wieħed dik il-folla. Xi ħaġa kienet inbidlet. Għal xi waqt wieħed, dawk il-persuni għatxana u siekta li kienu mexjin wara Ġesù jfittxu kelma kienu kapaċi jmissu b’idejhom u jħossu f’ġisimhom il-miraklu tal-fraternità li kapaċi jaqta’ l-għatx u jkattar qatigħ.

 

Il-Mulej ġie biex jagħti ħajtu għad-dinja u dan dejjem jagħmlu b’mod li jirnexxielu jisfida l-kalkoli dojoq tagħna, il-medjokrità tal-pretensjonijiet tagħna u s-superfiċjalità tal-intellettwaliżmi tagħna; ipoġġi f’diskussjoni l-veduti u ċ-ċertezzi tagħna, u jistedinna ngħaddu għal xefaq ġdid li jagħmel wisa’ għal mod differenti ta’ kif nibnu r-realtà. Huwa l-Ħobż ħaj li niżel mis-Sema, “min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx”.

 

Dawk in-nies kollha skoprew li l-ġuħ għall-ħobż kellu wkoll ismijiet oħra: ġuħ għal Alla, ġuħ għall-fraternità, ġuħ għal-laqgħa u għall-festa flimkien.

 

Drajna wisq nieklu l-ħobż xieref tal-gideb u spiċċajna lsiera tal-iskreditar, tat-tikketti u tal-malafama; emminna li l-konformiżmu kien se jaqta’ l-għatx tagħna u spiċċajna biex skirna bl-indifferenza u n-nuqqas ta’ sensibbiltà; imtlejna b’ħolm ta’ maestożità u kobor u spiċċajna kilna d-distrazzjoni, l-għeluq u s-solitudni; ħxinna bil-konnessjonijiet u tlifna l-gost tal-fraternità. Fittixna r-riżultat mgħaġġel u fiċ-ċert u sibna ruħna mifnija min-nuqqas ta’ sabar u mill-ansjetà. Ilsiera tal-virtwali, tlifna l-gost u t-togħma tar-realtà.

 

Ejjew ngħiduha bil-qawwa u bla biża’: Aħna bil-ġuħ, Mulej… Għandna l-ġuħ, Mulej, għall-ħobż tal-Kelma tiegħek li taf tiftaħ l-għeluq u s-solitudni tagħna; bil-ġuħ, Mulej, għal fraternità fejn l-indifferenza, l-iskreditar, il-malafama ma jimlewx l-imwejjed tagħna u ma jiħdux l-ewwel post f’darna. Imġewħin, Mulej, għal laqgħat fejn il-Kelma tiegħek tkun kapaċi terfgħalna tamietna, tqanqal fina t-tjieba, tissensibilizzalna lil qalbna billi tiftħilna toroq għall-bidla u l-konverżjoni.

 

Bil-ġuħ, Mulej, biex, bħal dik il-folla, induqu t-tkattir tal-ħniena tiegħek, li kapaċi tfarrak l-isterjotipi u taqsam u tqassam il-ħniena tal-Missier għal kull bniedem, speċjalment għal dawk li ħadd ma jieħu ħsiebhom, li huma minsija jew mistmerra. Ejjew ngħiduha bil-qawwa u bla biża’, aħna bil-ġuħ għall-ħobż, Mulej: għall-ħobż tal-kelma tiegħek u għall-ħobż tal-fraternità.

 

Minn hawn u ftit ieħor, se niċċaqilqu, se mmorru madwar il-mejda tal-altar biex nitrejqu mill-Ħobż tal-Ħajja billi nobdu amar il-Mulej: “Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx” (Ġw 6:35). Din hi l-unika ħaġa li l-Mulej qed jitlobna: Ejjew. Jistedinna biex nimxu, niċċaqilqu, noħorġu. Isejħilna nimxu lejh biex nieħdu sehem fl-istess ħajja tiegħu u fl-istess missjoni tiegħu. “Ejjew”, jgħidilna l-Mulej: mixja li ma tfissirx biss nitħarrku minn post għall-ieħor, imma li nkunu kapaċi nħallu ċċaqlaqna, tibdilna l-Kelma tiegħu fl-għażliet tagħna, fis-sentimenti, fil-prijoritajiet biex nippruvaw inwettqu l-istess ġesti tiegħu u nitkellmu bl-istess lingwaġġ tiegħu, “il-lingwaġġ tal-ħobż li jitkellem bi ħlewwa, ifittex il-kumpanija, u l-għotja ġeneruża għall-oħrajn”,[1] imħabba konkreta u ċara għax hi ta’ kuljum u reali.

 

F’kull Ewkaristija, il-Mulej jinqasam u jitqassam u jistieden lilna wkoll ninqasmu u nitqassmu flimkien miegħu u nieħdu sehem f’dak il-miraklu ta’ tkattir li jrid jilħaq u jmiss kull rokna ta’ din il-belt, ta’ dan il-pajjiż, ta’ din l-art bi ftit ħlewwa u ħniena.

 

Bil-ġuħ għall-ħobż, bil-ġuħ għall-fraternità, bil-ġuħ għal Alla. Kemm kienet tafu tajjeb dan kollu Madre Tereża, li riedet tibni ħajjitha fuq żewġ pilastri: Ġesù inkarnat fl-Ewkaristija u Ġesù inkarnat fil-foqra! Imħabba li nirċevuha, imħabba li nagħtuha. Żewġ pilastri inseparabbli li mmarkaw il-mixja tagħha, ċaqalquha minn postha, ħerqana hi wkoll biex taqta’ l-ġuħ u l-għatx tagħha. Marret għand il-Mulej u fl-istess waqt marret għand ħuha mkasbar, mhux maħbub, waħdu u minsi; marret għand ħuha u sabet il-wiċċ tal-Mulej… Għax kienet taf li “l-imħabba ta’ Alla kif ukoll tal-proxxmu saru mħabba waħda: fiż-żgħar nett insibu lil Ġesù nnifsu, u f’Ġesù nsibu ’l Alla”,[2] u dik l-imħabba kienet l-unika ħaġa li setgħet taqta’ l-ġuħ tagħha.

 

Ħuti, illum Kristu Rxoxt ikompli jimxi f’nofsna, hemm fejn tgħaddi u tingħax il-ħajja ta’ kuljum. Jaf x’inhu l-ġuħ tagħna u qed jgħidilna mill-ġdid: “Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx” (Ġw 6:35). Ejjew nagħmlu l-qalb lil xulxin biex inqumu fuq saqajna u nduqu l-kotra ta’ mħabbtu; inħalluh jaqta’ l-ġuħ u l-għatx tagħna fis-sagrament tal-altar u fis-sagrament li huma ħutna.


 

Fi tmiem il-quddiesa fi Skopje

 

Ħuti,

 

Qabel il-Barka tal-aħħar inħoss il-bżonn li nesprimi l-gratitudni tiegħi. Nirringrazzja lill-Isqof ta’ Skopje għall-kelmiet tiegħu u fuq kollox għall-ħidma li wettaq bi tħejjija għal-lum. U flimkien miegħu nirringrazzja lil dawk li kkollaboraw, saċerdoti, reliġjużi u fidili lajċi. Grazzi mill-qalb lil kulħadd!

 

U nġedded ir-rikonoxxenza tiegħi anki lejn l-Awtoritajiet ċivili tal-pajjiż, lejn il-forzi tal-ordni u lejn il-voluntiera. Il-Mulej żgur ipatti mill-aħjar lil kull wieħed. Min-naħa tiegħi, inġorrkom fit-talb tiegħi, u nitlob lilkom ukoll titolbu għalija.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] J.M. Bergoglio, Homilía Corpus Christi, Buenos Aires, 1995.

[2] Benedittu XVI, Enċiklika Deus caritas est, 15.