Vjaġġ ta’ Papa Franġisku fil-Litwanja, Latvja u Estonja

22-25 ta’ Settembru 2018

Laqgħa maż-żgħażagħ

Diskors ta’ Papa Franġisku

Pjazza n-naħa l-oħra tal-Kattidral ta’ Vilnius (Litwanja)
Is-Sibt, 22 ta’ Settembru 2018

 

 

Il-lejla t-tajba lilkom ilkoll!

Grazzi għax-xhieda tagħkom, Monica u Jonas! Smajtha bħal ħabib, daqslikieku kont qiegħed magħkom f’bar, nixorbu birra jew gira flimkien, waqt li nirakkunataw l-affarijiet tal-ħajja wara li morna l-Jaunimo teatras”.

Iżda l-ħajja tagħkom mhijiex xi biċċa opra teatrali; hi vera, konkreta, bħalma hi dik ta’ kull wieħed minna li jinsab f’din il-pjazza sabiħa bejn dawn iż-żewġ xmajjar. Forsi dan kollu jservi biex  inħarsu mill-ġdid lejn l-istejjer ta’ ħajjitna u niskopru fihom lil Alla..... Għax Alla dejjem jgħaddi f’ħajjitna. Jgħaddi dejjem. Wieħed filosfu kbir qal: “Nibża’ meta jgħaddi Alla! Nibża’ li ma nindunax bih!”

Jiġu waqtiet meta taħsbu li ser tiġġarfu bħal ma ġara lil dan il-Katidral; jiġu  nirien  meta wieħed qisu ma jkunx jista’ jerġa’ jieħu r-ruħ wara li jġarrabhom. Il-fjammi tan-nar qerdu dan it-tempju aktar minn darba. Iżda dejjem kien hemm dawk li ddeċidew  li jerġgħu jibnuh mill-ġdid. Ma ħallewx id-diffikultajiet jegħlbuhom, ma tawx ruħhom b’mirbuħa. Għanja sabiħa tal-Alpini tgħid: “Is-sigriet fl-arti ta’ min jixxabbat mal-muntanji  mhux li ma jaqax, iżda li ma jibqax  fl-art meta jaqa’”. Wieħed irid dejjem jibda mill-ġdid u hekk jasal.  Bħal dan il-katidral. Anki l-libertà  ta’ pajjiżkom hi mibnija fuq dawk li ma ħallewx it-terrur u x-xorti ħażina jkissruhom. Monica, il-ħajja, il-kundizzjoni u l-mewt tal-papa tiegħek, u l-marda tiegħek, Jonas, setgħu kissrukom..... Iżda  intom qegħdin hawn taqsmu l-esperjenza tagħkom bl-għajnejn tal-fidi u qed tgħinuna nindunaw  li Alla takom il-grazzja li tgħixu t-tbatija, tqumu fuq saqajkom u tkomplu l-mixja ta’ ħajjitkom.  

U jien nistaqsi: kif waslet għandkom din il-grazzja t’Alla? Ma ġietx mill-ajru,  ma ġietx b’mod maġiku; m’hemmx bakketta maġika fil-ħajja. Dan seħħ permezz ta’ nies li ltqajtu magħhom, permezz ta’ nies tajba li sostnewkom bl-esperjenza tagħhom ta’ fidi. Fil-ħajja dejjem ikun hemm nies li jgħinuna. Għalik Monica, in-nanna, il-mama u l-parroċċa franġiskana kienu bħal dik il-forza li ġġib l-ilma ta’ dawn iż-żewġ xmajjar flimkien: kif ix-xmara Vilnia tingħaqad max-xmara Neris, int ingħaqadt ma’ dan il-kurrent ta’ grazzja u ħallejt lilek innifsek tkun immexxija minnu. Għax il-Mulej isalvana billi jagħmilna parti minn poplu. Il-Mulej isalvana billi jwassalna nkunu parti minn poplu. Insiru parti minn poplu, u fl-aħħar din tkun l-identità tagħna. Ħadd ma jista’ jgħid: “Jien insalva waħdi”; bejnietna hemm rabta, hemm “xibka” li tgħaqqadna lkoll. Alla ried  jidħol f’din id-dinamika ta’ relazzjoni u jattirana LejH fil-komunità, filwaqt li jagħtina sens sħiħ ta’ identità u appartenenza (ara Gaudete et exsultate, 6).  Jonas, int ukoll, int sibt fl-oħrajn, f’martek u fil-wegħda taż-żwieġ tiegħek, il-forza biex tibqa’ miexi ‘l quddiem,  tissielet u tgħix ħajtek. Tħallux id-dinja twassalkom biex temmnu li jkun aħjar jekk timxu għal raskom. Waħidna ma naslu qatt. Iva, tista’ tasal għal xi suċċess fil-ħajja, iżda bla mħabba, bla ħbieb, bla ma tagħmel parti minn poplu, bla dik l-esperjenza sabiħa ta’ riskju flimkien. Ma nistgħux nimxu waħidna. Iċċedux għat-tentazzjoni li tikkonċentraw u taħsbu biss fuqkom infuskom, li tkunu egoisti u superfiċjali quddiem it-tbatija, id-diffikultajiet jew is-suċċess temporanju. Għal darb’oħra nisħqu li “dak li jiġri lil ħaddieħor, jiġri lili”. Irridu noħduha kontra l-kurrent ta’ dak l-individwaliżmu li jiżolana, jagħmilna egoċentriċi u vanitużi, u jippreokkupana  dwar il-mod kif nidhru u l-ġid tagħna nfusna. Inħabblu rasna biss dwar kif nidhru. Il-ħajja ta’ quddiem il-mera  hi kerha. Il-ħajja hi sabiħa meta ngħixuha mal-oħrajn, fil-familja, mal-ħbieb, meta nissiltu mal-poplu tagħna... Hekk sabiħa l-ħajja!    

Aħna nsara u rridu nimmiraw għall-qdusija. Immiraw għall-qdusija billi tibdew mil-laqgħa u l-komunjoni mal-oħrajn, attenti għall-ħtiġijiet tagħhom  (ara Gaudete et exsultate, n.146). L- identità vera tagħna tiġi mill-fatt li aħna nagħmlu parti minn poplu. Ma jeżistux identitajiet li jitnisslu f’laboratorju, lanqas ma jeżistu identitajiet “distillati”, identitajiet ta’ “demm pur”: dawn ma jeżistux. Teżisti l-identità ta’ min jimxi flimkien, min jissielet flimkien, min iħobb flimkien. Teżisti l-identità ta’ min jagħmel parti minn familja, minn poplu. Teżisti identità li tagħtik l-imħabba, it-tenerezza, l-attenzjoni għall-oħrajn... Teżisti identità li tagħtik il-forza biex tissielet u qalb tenera  biex tikkarezza. Kull wieħed minna jaf kemm hi ħaġa sabiħa li tagħmel  parti minn poplu, imma jaf ukoll  li din il-ħaġa ġġib għeja magħha - tajjeb  li ż-żgħażagħ jgħejjew għax dan hu sinjal li jaħdmu, – u xi drabi ġġib ukoll tbatija: intom tafuh dan. Iżda l-identità tagħna għandha l-għeruq tagħha  f’dan; aħna m’aħniex nies bla għeruq!

It-tnejn li intom tkellimtu dwar l-esperjenza tagħkom fil-kor, dwar it-talb fil-familja, il-Quddiesa, il-katekeżi u l-għajnuna lil dawk fil-bżonn; dawn huma armi qawwija li jagħtina l -Mulej. It-talb u l-kant  jżommuna milli ninħakmu mill-affarijiet tad-dinja: ix-xewqa għal Alla toħroġkom minnkom infuskom u tikkontemplaw bl-għajnejn t’Alla  dak li jkun qed jiġri f’qalbkom (ara Gaudete et exsultate, n.147). L-imħabba għall-mużika tiftħilkom qalbkom għas-smigħ u għall-ħajja interjuri; b’hekk issiru aktar sensittivi u tinfetaħ it-triq għad-dixxerniment (ara Sinodu ddedikat għaż-żgħażagħInstrumentum laboris162). It-talb żgur li jista’ jsir “kumbattiment spiritwali”, iżda dan jgħinna nitgħallmu nisimgħu l-Ispirtu,  niddixxernu dwar is-sinjali taż-żmenijiet u niksbu forza ġdida biex inħabbru l-Evanġelju. Għax inkella kif nistgħu nikkumbattu n-nuqqas ta’ kuraġġ quddiem id-diffikultajiet tagħna u tal-oħrajn, u quddiem tant affarijiet koroh fid-dinja? Mingħajr it-talb kif nagħmlu biex ma nemmnux li kollox jiddependi minna u biex ma nħossuniex waħidna quddiem tant affarijiet li huma kontrina? Ġesù u jien, maġġoranza assoluta!” Tinsewhx dan il-kliem li qalu wieħed qaddis, San Alberto Hurtado. Il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù, fil-Kelma u fl-Ewkaristija, tfakkarna li m’għandniex għalfejn noqogħdu nitħassbu dwar kemm hu aktar b’saħħtu l-avversarju tagħna; xejn ma jimporta jekk fl-ewwel post hemmx Žalgiris Kaunas jew Vilnius Rytas(ċapċip)....Nistaqsi: min qiegħed fl-ewwel post? (Jidħku) Imma ma jimpurtax min qiegħed l-ewwel; l-aqwa mhux  ir-riżultat, iżda li l-Mulej qiegħed magħna.    

It-tnejn li intom  għenitkom ukoll l-esperjenza ta’ għajnuna lill-oħrajn;  skoprejtu li qrib tagħna hawn nies li qed ibatu u li huma ħafna agħar minna. Monica, int irrakkuntajt dwar il-ħidma  tiegħek ma’ tfal  bi bżonnijiet speċjali. Id-dgħufija tal-oħrajn tagħtina perspettiva  u tgħinna  ma noqogħdux nilagħqu l-ġrieħi tagħna. It-tgergir  ma jiswa  għalxejn u ħaġa kerha  noqogħdu nilagħqu l-ġrieħi tagħna! Kemm żgħażagħ jitilqu lil pajjiżhom minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet!  Kemm vittmi tad-dipressjoni, tax-xorb u tad-droga! Dan nafuh ilkoll. Kemm anzjani waħidhom mingħajr ħadd ma jaqsam magħhom il-ħajja li qed jgħixu fil-preżent u beżgħanin li jerġa’ jiġi l-passat! Intom iż-żgħażagħ tistgħu twieġbu għal dawn l-isfidi bil-preżenza  tagħkom u billi tiltaqgħu mal-oħrajn. Ġesù jistedinna noħorġu ‘l barra minna nfusna, u nirriskjaw li niltaqgħu mal-oħrajn wiċċ imb’wiċċ“. Huwa veru li l-fidi tagħna f’Ġesù ħafna drabi titlob minna li nagħmlu qabża fid-dlam, u dan ibeżżagħna. Drabi oħra twassalna biex  nagħmlu mistoqsijiet lilna nfusna u titlobna nwarrbu l-pjanijiet tagħna. U dan iġiegħlna nbatu u forsi naqtgħu qalbna wkoll. Iżda, agħmlu kuraġġ! Il-mixja wara Ġesù hi avventura li tappassjonak, li tagħti tifsira lil ħajjitna u twassalna biex inħossuna parti minn komunità li tagħmlilna l-kuraġġ, li takkumpanjana, li timpenjana fil-qadi. Għeżież żgħażagħ tassew jiswa li nimxu wara Ġesù!  Ejjew ma nibżgħux nieħdu sehem fir-rivoluzzjoni li hu qed jistedinna għaliha: ir-rivoluzzjoni tat-tenerezza (ara Evangelii gaudium, 88).

Li kieku l-ħajja kienet opra tat-teatru jew videogame kienet tkun limitata  għal ħin preċiż; tibda u tispiċċa meta jinżel is-siparju jew meta xi ħadd jirbaħ il-partita. Iżda l-ħajja mhijiex  bħat-teatru jew bħall-videogame; il-ħajja timxi maż-żmien skont il-qalb t’Alla. Xi drabi timxi b’mod mgħaġġel, drabi oħra timxi bil-mod. Fil-ħajja  nippruvaw ngħaddu minn toroq differenti, li jinbidlu....  U nħossuna indeċiżi għax nibżgħu li jinżel is-siparju, jew  inkella  li l-stopwatch iħallina barra mill-partita, jew ma jħalliniex nagħmlu pass ‘l quddiem fil-logħba.  Il-ħajja hi mixja li ma tieqaf qatt . Il-ħajja dejjem miexja filwaqt li tfittex id-direzzjoni t-tajba, u ma tibżax tagħmel pass lura meta taqbad it-triq żbaljata. L-aktar ħaġa perikoluża hi meta  flok naqbdu t-triq nidħlu f’laberint, u nibdew induru fil-vojt fuqna nfusna bla ebda pass fit-triq li twassalna biex nimxu ‘l quddiem. Jekk jogħġobkom tkunux żgħażagħ tal-laberint, għax diffiċli toħorġu minnu, imma kunu żgħażagħ li timxu. Tidħlux fil-laberint, iżda dejjem imxu ‘l quddiem!     

Tibżgħux tagħżlu lil Ġesù, tħaddnu l-kawża tiegħu, dik tal-Evanġelju, tal-umanità, tal-bnedmin. Hu ma jinżel qatt minn fuq id-dgħajsa ta’ ħajjitkom u jkun dejjem hemm f’salib it-toroq tagħkom. Ma jieqaf qatt jibnina mill-ġdid anki jekk xi drabi nkunu aħna stess li nkissru lilna nfusna. B’ġenerożità kbira, Ġesù jagħtina ż-żmien li fih hemm ukoll spazju għall-falliment u fejn ħadd m’għandu bżonn jemigra għax hemm post għal kulħadd. Hemm ħafna lesti biex jaħftu qlubkom u jiżirgħu s-sikrana fl-għalqa tagħkom, iżda jekk nagħtu ħajjitna lill-Mulej, il-qamħ tajjeb jirbaħ dejjem. Monica u Jonas, fix-xhieda tagħkom intom tkellimtu dwar in-nanna, il-mama.....Wasalt biex nispiċċa, imma qabel nagħlaq irrid ngħidilkom dan:  tinsewx l-għeruq tal-poplu tagħkom. Ftakruh il-passat, tkellmu mal-anzjani: mhijiex xi ħaġa ta’ dwejjaq li titkellmu mal-anzjani. Morru fittxuhom u għidulhom jirrakkuntawlkom dwar l-għeruq tal-poplu tagħkom: il-ferħ, it-tbatija il-valuri. U hekk, waqt  li tixorbu mill-għajn tal-għeruq tagħkom, tkunu tistgħu tgħinu lill-poplu tagħkom jimxi ‘l quddiem, tkunu tistgħu tagħtu sehemkom biex l-istorja tal-poplu tagħkom tagħmel aktar frott. Għeżież żgħażagħ, jekk tridu li l-poplu tagħkom ikun  poplu kbir u ħieles, ftakru fl-għeruq tal-passat tiegħu u mexxuh ‘l quddiem fuqhom. Grazzi ħafna!   

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard.