VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FIL-LITWANJA, IL-LETTONJA U L-ESTONJA

[22-25
TA’ SETTEMBRU, 2018]

ŻJARA FIL-MUŻEW TAL-OKKUPAZZJONI U T-TAQBID GĦALL-LIBERTÀ

TALBA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Vilnius (Il-Litwanja)
Il-Ħadd, 23 ta’ Settembru, 2018

 

«Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?» (Mt 27,47).

L-għajta tiegħek, Mulej, ma thedhiex tidwi u ddamdam dawn il-ħitan li jfakkruna fit-tbatija mgħejxha minn tant ulied ta’ dal-poplu.  Litwani ġejjin minn diversi nazzjonijiet batew f’ġisimhom id-dillirju tal-omnipotenza ta’ dawk li dehrilhom li kellhom jikkontrollaw kollox.

Fl-għajta tiegħek, Mulej, hemm l-eku tal-innoċenti li jingħaqad ma’ leħnek u jitla’ lejn is-sema.  Hu l-Ġimgħa l-Kbira tad-dulur u tal-morr, tad-deżolazzjoni u l-impotenza, tal-krudeltà u ta’ dak li ma jagħmilx sens, li għex dal-poplu Litwan quddiem l-ambizzjoni bla rażan li twebbes u tgħami l-qalb.

F’dal-post ta’ memorja, nitolbuk bil-ħerqa, Mulej, biex l-għajta tiegħek iżżommna mqajmin.  Jalla l-għajta tiegħek, Mulej, teħlisna mill-marda spiritwali li biha, bħala poplu, aħna dejjem ittantati: li ninsew lil missirijietna, dak li għexu u s-sofferenzi.

Jalla fl-għajta tiegħek u fil-ħajja ta’ missirijietna li tant batew, insibu l-kuraġġ li nimpenjaw ruħna bid-determinazzjoni fil-preżent u fil-futur; jalla dik l-għajta tkun stimolu biex ma niddakkrux mill-modi tal-mument, mis-slogans sempliċisti, u minn kull attentat li jnaqqas u jneżża’ lil kull persuna mid-dinjità li biha Int żejjintha.

Mulej, jalla l-Litwanja tkun fanal ta’ tama.  Jalla tkun art ta’ fakra ħawtiela li ġġdedded l-impenji kontra kull inġustizzja.  Tinkoraġġixxi sforzi kreattivi bħala difiża tad-drittijiet tal-persuni kollha, speċjalment ta’ min hu bla difiża u vulnerabbli.  U jalla tkun għalliema li tirrikonċilja u tarmoniżża d-diversità.

Mulej, la tħallix li aħna nkunu torox għall-għajta ta’ dawk kollha li llum għandhom jerfgħu leħinhom lejn is-sema.

(Barka bil-Latin)

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber