VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-Q.T. IL-PAPA 
FIL-LITWANJA, FIL-LATVIJA U L-ESTONJA


[22-25 TA’ SETTEMBRU 2018]
 

VIŻTA AL SANTUARIO ‘MATER MISERICORDIAE’

 TALBA TAL-PAPA FRANĠISKU

Vilnius (Litwanja) 
Is-Sibt, 22 ta’ Settembru 2018

  

Għeżież ħuti,

Ninsabu quddiem il-“Porta dell’Aurora”, dak li baqa’ mill-ħitan ta’ din il-belt li kienu jservu biex jiddefenduha minn kull periklu u theddid, u li fl-1799 l-armata li nvadiet qerdithom għalkollox u ħalliet biss dan il-bieb: hemmhekk kien hemm diġà ix-xbieha tal-“Verġni ta-Misericordia”, il-Qaddisa Omm Alla li hija dejjem lesta biex tassistina u tgħinna,

 

Sa minn dakinhar, hija riedet tgħallimna li nistgħu nipproteġu lilna nfusna mingħajr ma nattakkaw, li huwa possibbli li tkun prudenti mingħajr ma jkun hemm għalfejn li ma tafda f’ħadd. Din l-Omm, mingħajr il-Bambin, kollha miksija bid-deheb, hija Omm kulħadd; f’kull wieħed minn dawk li jaslu s’hawn, hija tara dak li anqas aħna stess ma jirnexxielna nindunaw bih: il-wiċċ ta’ Binha Ġesù stampat filqalb tagħna.

 

U mill-mument li x-xbieha ta’ Ġesù titqiegħed bħala siġill f’kull qalb umana, kull raġel u kull mara joffrulna l-possibiltà li niltaqgħu ma’ Alla. Meta ningħalqu fina nfusna għax nibżgħu mill-oħrajn, meta nibnu ħitan u barrikati, nispiċċaw biex inċaħħdu lilna nfusna mill-Aħbar it-Tajba li Ġesù jmexxi l-istorja u l-ħajja tal-oħrajn. Bnejna wisq fortizzi fil-passat tagħna, imma llum qed inħossu l-bżonn li nħarsu f’wiċċ xulxin u nagħrfu lilna nfusna bħala aħwa, li nimxu flimkien fl-waqt li niskopru u nesperimentaw b’ferħ u paċi kemm tiswa il- fraternità (ara Eżort. App. Evangelii Gaudium, 87). F’dan il-post jiġu għadd kbir ta’ nies  minn ħafna pajjiżi jżuru lill-‘Mater Misericordiae’: Litwani, Pollakki, Bjelorussi u Russi; Kattoliċi u Ortodossi. Illum dan jista’ jsir minħabba l-faċilità tal-kommunikazzjonijiet, il-ibertà taċ-ċirkolazzjoni bejn il-pajjiżi tagħna. Kemm tkun ħaġa sabiħa li kieku din il-faċilità li tmur minn post għall-ieħor tiżdied ukoll il-faċilità sabiex jiġu stabbiliti punti fejn niltagħu u solidarjetà bejn kulħadd, sabiex niċċirkolaw id-doni li rċevejn b’xejn, sabiex noħorġu minna nfusna, u nilqgħu min-naħa tagħna il-preżenza u d-diversità tal-oħrajn bħala don u ġid fil-ħajja tagħna.

 

Xi drabi jidher li jekk aħna ninfetħu għad-dinja dan se jixħetna fi spazi ta’ kompetizzjoni, fejn “il-bniedm huwa lupu għall-bniedem” u fejn hem post biss għall-konflitt li jiddividina, għat-tensjonijet li jherruna, għall-odju u l-mibegħda li ma jwassluna mkien (ara Eżort. App. Gaudete et exsultate, 71-72).

 

 

Il-‘Mater Misericodiae’, bħal kull omm twajba, tipprova tgħaqqad mill-ġdid il-familja u tlissen fil-widnejn: “fittex lil ħuk”. Hekk hija tiftħilna l-bieb għal żerniq ġdid, awrora ġdida. Twassalna sa fuq l-għatba, bħallikieku sal-bieb tar-Raġel Għani li jissemma fl-Evanġelju (ara Lq 16, 19-31). Illum qegħdin jistennewna tfal u familji bil-ġrieħi tagħhom imdemmija; mhumiex dawk ta’ Lażżru fil-parabbola, huma dawk ta’ Ġesù; huma reali, konkreti u, mill-uġigħ u minn fejn instabu moħbijin, qegħdin jokorbu għax m’aħniex inwasslulhom id-dawl tal- karità li mill-ġdid jagħtihom saħħithom. Għaliex il-karità hija l-muftieħ li jiftħilna il-bieb tas-sema.

 

Għeżież ħuti! J’Alla, aħna u ngħaddu minn din l-għatba, nkunu nistgħu nesperimentaw dik-qawwwa li ssaffi l-mod tagħna kif inġibu ruħna mal-oħrajn u li l-Omm tħallina nħarsu lejn in-nuqqasijiet u d-difetti tagħhom, mingħajr ma nħossuna superjuri għal ħadd (ara Fil 2,3). Illi, aħna u nikkontemplaw il-misteri tar-Rużarju, nitolbuha sabiex inkunu komunità li taf tħabbar lil Ġesù Kristu,it-tama tagħna, bl-iskop li nibnu Patrija li tilqa’ lil kulħadd, li tirċievi mingħand l-Omm Verġni d-doni tad-djalogu, tas-sabar, tal-viċinanza u tal-merħba li tħobb, taħfer u ma tikkundannax (ara Eżort. App. Evangelii Gaudium, 165); Patrija li tagħżel li tibni pontijiet u mhux ħitan, li tippreferixxi l-miżerikordja u mhux il-ġudizzju. J’Alla Marija tkun dejjem il-Bieb tal-Awrora għal din l-art imbierka kollha kemm hi!.

 

Filwaqt li nħalluha tmexxina hi, nitolbu issa posta tar-Rużarju, filwaqt li nikkontemplaw it-tielet misteru tal-ferħ.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Louis Spiteri