VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QT L-PAPA

FIL-LITWANJA, IL-LATVJA U L-ESTONJA

[22-25 TA’ SETTEMBRU 2018]

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Park ta’ Santakos f’Kaunas (il-Litwanja)

Il-Ħadd 23 ta’ Settembru 2018

 

San Mark għandu parti mill-Vanġelu tiegħu ddedikat għat-tagħlim lid-dixxipli. Bħallikieku Ġesù, f’nofs il-mixja tiegħu lejn Ġerusalemm, ried li d-dixxipli tiegħu jġeddu l-għażla tagħhom, għax jafu li din it-triq kellha ġġib magħha waqtiet ta’ prova u ta’ tbatija. L-evanġelista jirrakkonta dak il-perjodu tal-ħajja ta’ Ġesù billi jfakkar li fi tliet okkażjonijiet huwa ħabbar il-passjoni tiegħu; għal tliet darbiet huma ħassewhom imħawda u rreżistew, u l-Mulej fit-tlieta li huma ried iħallilhom xi tagħlim. Għadna kemm smajna t-tieni waħda minn dawn it-tliet sekwenzi (ara Mk 9:30-37).

 

Il-ħajja Nisranija dejjem tgħaddi minn mumenti ta’ salib, u xi drabi dawn il-mumenti donnhom ma jridu jispiċċaw qatt. Il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna żgur li kienu mmarkati bin-nar ta’ żmien l-okkupazzjoni, tat-tbatijiet ta’ dawk li kienu jiġu deporatati, l-inċertezza għal dawk li ma kinux jerġgħu lura, il-mistħija ta’ min kien jirrapporta minn taħt, tat-tradiment. Il-Ktieb tal-Għerf ikellimna fuq il-ġust ippersegwitat, li jġarrab żebliħ u turmenti sempliċiment għax huwa tajjeb (ara 2 :10-20). Kemm minnkom jistgħu jirrakkuntaw għalihom stess, jew fl-istorja ta’ xi qarib tagħhom, din l-istess silta li għadna kemm qrajna. Kemm minnkom raw il-fidi tagħhom ukoll titbandal, għax Alla ma tfaċċax biex jiddefendikom; għax il-fatt li bqajtu fidili donnu ma kienx biżżejjed biex hu jindaħal fl-istorja tagħkom. Kaunas jafha din ir-realtà; il-Litwanja sħiħa tista’ tagħti xhieda ta’ dan, bi tkexkixa ma’ ġisimha kollu malli tissemma’ s-Siberija, jew il-ghetti ta’ Vilnius u ta’ Kaunas, fost oħrajn; u tista’ tlissen b’vuċi waħda mal-Appostlu Ġakbu, fis-silta tal-Ittra tiegħu li għadna kemm smajna: jixtiequ, joqtlu, jgħiru, jiġġieldu u jagħmlu gwerra (ara 4:2).

 

Imma d-dixxipli ma riduhx lil Ġesù jkellimhom fuq it-tbatija u s-salib; ma jridux jafu b’tiġrib u wġigħ. U San Mark ifakkarna li fil-verità kienu interessati fi ħwejjeġ oħra, li fi triqthom lura lejn id-dar kienu qed jiddiskutu fuq min kien l-ikbar fosthom. Ħuti, ix-xewqa tal-poter u tal-glorja hija l-mod l-iżjed komuni kif iġibu ruħhom dawk li ma jirnexxilhomx ifejqu l-memorja tal-istorja tagħhom u, forsi proprju għalhekk, lanqas jaċċettaw li jħabirku fil-ħidma tal-preżent. U allura niddiskutu fuq min jispikka l-iżjed, mien kien l-iżjed pur fil-passat, min għandu l-ikbar jedd għall-privileġġi. U hekk niċħdu l-istorja tagħna, “li hi glorjuża daqskemm hi storja ta’ sagrifiċċji, ta’ tama, ta’ ġlieda ta’ kuljum, ta’ ħajja kkunsmata fis-servizz, ta’ perseveranza fil-ħidma iebsa” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 96). Hu atteġġjament sterili u vojt, li ma jridx jinvolvi ruħu fil-bini tal-preżent u jitlef il-kuntatt mar-realtà ta’ tbatija tal-poplu fidil tagħna. Ma nistgħux inkunu bħal dawk l-“esperti” spiritwali, li jiġġudikaw biss minn barra u jgħaddu l-ħin kollu jpaċpċu fuq “x’għandu jsir” (ara ibid.).

 

Ġesù, li kien jaf x’kienu qed jaħsbu, jipproponilhom mediċina kontra dan it-tilwim ta’ poter u r-rifjut tas-sagrifiċċju; u, biex jagħti solennità lil dak li se jgħid, joqgħod bilqiegħda bħal wieħed Mgħallem, isejħilhom lejh, u jwettaq ġest: iqiegħed f’nofshom tfajjel ċkejken; tfajjel li s-soltu kien jaqla’ xi ċekċika billi jagħmel il-qadjiet li ħadd ma jkun irid jagħmel. Lil min kien iqiegħed fin-nofs illum, hawn, f’din l-għodwa ta’ dan il-Ħadd? Min huma l-iżjed ċkejkna, l-iżjed foqra fostna, li jeħtieġ nilqgħuhom, mitt sena wara l-indipendenza tagħna? Min m’għandu xejn biex iħallasna lura, biex jagħmel gratifikanti l-isforzi u ċ-ċaħdiet tagħna? Forsi huma l-minoranzi etniċi tal-belt tagħna, jew dawk in-nies qiegħda li jkollhom jemigraw. Forsi huma l-anzjani waħidhom, jew iż-żgħażagħ li ma jistgħux isibu sens f’ħajjithom għax tilfu għeruqhom. “Fin-nofs” ifisser bl-istess distanza minn kulħadd, b’mod li ħadd ma jista’ jgħid li mhux jarah, ħadd ma jista’ jsostni li “dik responsabbiltà ta’ ħaddieħor”, għax “jien ma rajt xejn” jew “qiegħed wisq ’il bogħod”. Bla protagoniżmi, bla ma nfittxu l-applawsi jew l-ewwel postijiet.

 

Hemm, fil-belt ta’ Vilnius, ix-xmara Vilnia tmiss magħha u toffri l-ilma tagħha u titlef isimha biex tagħtih lin-Neris; hawn, l-istess Neris titlef isimha u toffri ilmijietha lin-Nemunas. Dan li jfisser: inkunu Knisja “li toħroġ”, li ma tibżax toħroġ u tingħata anki meta donnu jidher li qed niġu fix-xejn, li qed nintilfu u naħlu ħinna wara l-iżjed ċkejknin, minsijin, dawk li jgħixu fil-periferiji eżistenzjali. Imma nafu li dak il-ħruġ se jġib miegħu wkoll f’ċerti każi pass iktar kajman, biex inwarrbu għall-ġenb l-ansjetajiet u l-urġenzi, ħalli nagħrfu nħarsu fl-għajnejn, nisimgħu u nsieħbu lil min baqa’ fuq il-ġenb tat-triq. Xi drabi jkun hemm bżonn inġibu ruħna bħall-missier tal-iben il-ħali, li jibqa’ wara l-bieb jistenna r-ritorn tiegħu, biex jiftaħlu malli jasal (ara ibid., 46); jew bħad-dixxipli, li jeħtieġ jitgħallmu li, meta tilqa’ lil wieħed ċkejken, qed tilqa’ lil Ġesù nnifsu.

 

Għax għal dan qegħdin hawn illum, fuq ix-xwiek biex nilqgħu lil Ġesù fil-kelma tiegħu, fl-Ewkaristija, fiċ-ċkejknin. Nilqgħuh biex hu jirrikonċilja l-memorja tagħna u jimxi magħna fi preżent li jkompli jħeġġiġna għall-isfidi tiegħu, għas-sinjali li jħallilna; biex nimxu warajh bħala dixxipli, għax ma hemm xejn tassew uman li ma jidwix ukoll fil-qalb tad-dixxipli ta’ Kristu, u hekk inħossu bħala tagħna l-ferħ u t-tamiet, it-taqtigħ il-qalb u t-tbatijiet tal-bnedmin ta’ żmienna, fuq kollox tal-foqra u tal-batuti (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 1). Għal dan, u għax bħala komunità nħossuna tassew u intimament solidali mal-umanità – ta’ din il-belt u tal-Litwanja kollha – u mal-istorja tagħha (ara ibid.), nixtiequ nagħtu ħajjitna fil-qadi u fil-ferħ, u hekk nuru lil kulħadd li Ġesù Kristu hu t-tama waħdanija tagħna.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard