VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-Q.T. IL-PAPA 
FIL-LITWANJA, IL-LATVIJA U L-ESTONJA

[22-25 TA’ SETTEMBRU 2018]

LAQGĦA MAS-SAĊERDOTI, RELIĠJUŻI U

KKONSAGRATI, SEMINARISTI

DISKORS TAL-PAPA FRANĠISKU

Katidral ta’ SS. Pietru u Pawlu f’Kaunas (Litwanja)
Il-Ħadd, 23 ta’ Settembre 2018

 

Għeżież ħuti, wara nofsinhar it-tajjeb,

L-ewwelnett, nixtieq ngħid kelma dwar dak li qed inħoss. Jien u nħares lejkom qed nara ħafna martri warajkom. Martri anonimi, fis-sens li lanqas nafu fejn indifnu. Anke xi ħadd fostkom: Sellimt lil wieħed li kien jaf x'jiġifieri tkun il-ħabs. Qed tiġini f’moħħi kelma biex nibda biha: tinsewx, ftakru. Intom ulied il-martri, din hi s-saħħa li għandkom. U tħallux l-ispirtu tad-dinja jgħidilkom xi ħaġa għajr dak li għexu l-antenati tagħkom. Ftakru fil-martri tagħkom u ħudu eżempju minnhom: ma beżgħux.  Jien u nitkellem mal-Isqfijiet tagħkom, illum, qalu: "Kif nistgħu nagħmlu biex nintroduċu l-kawża tal-beatifikazzjoni għal ħafna li m’għandniex dokumenti dwarhom, imma nafu li huma martri?". Hija konsolazzjoni, ħaġa sabiħa tisma' dan: it-tħassib għal dawk li tawna xhieda. Huma qaddisin.

L-Isqof [Linas Vodopjanovas, O.F.M., inkarigat mill-ħajja konsagrata] tkellem mingħajr ma qagħad jomgħodha - il-Franġiskani hekk jitkellmu: "Illum spiss, b'ħafna modi, il-fidi tagħna tiġi ppruvata", hekk qal. Huwa ma kienx qed jgħid għall-persekuzzjoni tad-dittaturi, le. "Wara li nkunu weġibna għas-sejħa tal-vokazzjoni jiġri ta' spiss li ma nħossux aktar ferħ la fit-talb u lanqas fil-ħajja tal-komunità".

L-ispirtu tas-sekularizzazzjoni, ta' dwejjaq għal dak kollu li jolqot il-komunità hija t-tentazzjoni tat-tieni ġenerazzjoni. Missirijietna ġġieldu, batew, ntbagħtu l-ħabs u aħna jista’ jkun li m'għandniex is-saħħa biex nimxu 'l quddiem. Żommu dan f'moħħkom!

L-Ittra lill-Lhud tħeġġiġna: “Ftakri f’dawk l-ewwel jiem. Tinsewx il dawk ta’ qabilkom” (ara 10,32-39). Din hija l-eżortazzjoni li rrid nibda biha.

Iż-żjara kollha f'pajjiżkom tista’ tinġabar f'dawn il-kelmiet: "Ġesù Kristu, it-tama tagħna". Issa li dan il-jum għoddu wasal biex jintemm, insibu test tal-appostlu Pawlu li jistedinna biex nibqgħu sħaħ fit-tama. U din l-istedina jagħmilha wara li ħabbrilna  l-ħolma ta' Alla għal kull bniedem, wisq iżjed, għall-ħolqien kollu, jiġifieri "kollox jaħdem id f’id għall-ġid ta' dawk li jħobbu lil Alla" (Rum 8:28); "jiddritta" kollox, jekk nittraduċuha litteralment.

Illum nixtieq naqsam magħkom xi aspetti ta’ din it-tama; aspetti li aħna – saċerdoti, seminaristi, rġiel u nisa kkonsagrati – aħna msejħin biex ngħixu.

L-ewwelnett, qabel ma stedinna għat-tama, Pawlu irrepeta l-kelma "tnehid" tliet darbiet: il-ħolqien jitniehed, il-bnedmin jitniehdu u jitniehed l-Ispirtu ġewwa fina (ara Rum 8: 22-23.26). nitniehdu minħabba l-iskjavitù tal-korruzzjoni, mix-xenqa għall-milja. U llum nagħmlu tajjeb jekk nistaqsu lilna nfusna jekk dan it-tnehid huwiex ġo fina, jew inkella xejn aktar ma jqanqalna, m'hemm xejn li jixxennaq għal Alla ħaj. Bħalma qal l-Isqof tagħkom: "Aħna m'għadniex insibu ferħ fit-talb, fil-ħajja komunitarja".

Il-karba taċ-ċerva għatxana quddiem in-nuqqas ta' ilma għandha tkun tagħna fit-tfittxija għall-profondità, il-verità, is-sbuħija t'Alla. Għeżież, aħna m’aħniex "burokratii ta' Alla"! Forsi s-soċjetà tal-benesseri għamlitna mxebbgħin, servizzi u oġġetti kemm trid, u aħna nsibu ruħna mgħobbija b’minn kollox u mimlija bix-xejn; forsi rrendietna storduti jew ninħlew fix-xejn, imma mhux mimlijin. Agħar minn hekk: xi drabi ma nħossux aktar il-ġuħ. Huwa aħna, l-irġiel u n-nisa ta' konsagrazzjoni speċjali, dawk li qatt ma jistgħu jħallu lilhom infushom jitilfu din it-tnehida, in-nuqqas ta’ sabar fil-qalb li biss fil-Mulej issib mistrieħ (ara Santu Wistin, Stqarrijiet, I, 1.1). In-nuqqas ta’ sabar fil-qalb. L-ebda informazzjoni immedjata, ebda komunikazzjoni virtwali w immedjata ma tista’ ċċaħħadna mill-ħin konkret, fit-tul, sabiex nirbħu - dan jitlob sforz kostanti – sabiex nirbħu djalogu kuljum mal-Mulej permezz ta' talb u qima. Jfisser li  nikkultivaw ix-xewqa tagħna għal Alla, kif kiteb San Ġwann tas-Salib. Huwa qal hekk: "Taqta’ qatt mit-talb lanqas meta tkun okkupat b’xogħol tal-ġisem.. Sew jekk tiekol jew tixrob, sew jekk titkellem jew ikollok x’taqsam ma’ sekulari jew tkun qed tagħmel xi ħaġa oħra, int ixtieq lil Alla dejjem u orbot qalbek miegħu” (Għajnuniet għall-perfezzjoni, 9).

Dan it-tnehid ġej ukoll mill-kontemplazzjoni tad-dinja tal-bnedmin, huwa sejħa għall-milja fid-dawl tal-bżonnijiet mhux sodisfatti tal-ifqar fost ħutna, il-ħajja taż-żgħażagħ li ma fihiex sens, is-solitudni tal-anzjani u l-abbużi kontra l-ambjent. Hija tnehida li tipprova torganizza lilha nnifisha biex tagħmel pressjoni fuq dak li jkun għaddej fin-nazzjon, fil-belt; mhux bħala pressjoni jew eżerċizzju ta' poter, iżda bħala servizz.    L-għajta tal-poplu tagħna għandha tolqotna, bħal Mosè, li lilu Alla wera t-tbatija tal-poplu tiegħu fil-ħuġġieġa tan-nar qalb l-għollieq (ara 3: 9). Meta nagħtu widen għall-vuċi ta' Alla fit-talb aħna naraw, nisimgħu, nagħrfu l-uġigħ tal-oħrajn sabiex inkunu nistgħu neħilsuhom. Imma daqshekk ieħor irridu nkunu milquta meta l-poplu tagħna ma jibqax jitniehed, ma baqax ifittex l-ilma li jaqta’ l-għatx. Huwa wkoll mument biex nagħrfu x'inhu dak li qed janastetizza l-vuċi tal-poplu tagħna.

L-għajta li ġġegħelna nfittxu lil Alla fit-talb u l-adorazzjoni hija l-istess li tħarrikna biex nisimgħu il-karba ta’ ħutna. Huma "jittamaw" fina u għandna bżonn nagħmlu dixxerniment bir-reqqa, norganizzaw lilna nfusna, nippjanaw u nkunu kuraġġużi u kreattivi fl-appostolat tagħna. Il-preżenza tagħna m’għandhiex titħalla għall-improvizzazzjoni, iżda twieġeb għall-bżonnijiet tal-Poplu t'Alla u b’hekk tkun ħmira fil-massa (ara l-Eżortazzjoni App. Evangelii Gaudium, 33).

Iżda l-Appostlu jitkellem dwar il-perseveranza, kostanza fit-tbatija u l-ħerqa għal dak li hu tajjeb. Dan ifisser li għandna nkunu ċċentrati f'Alla, bl-għeruq tagħna fih, u fidili għall-imħabba tiegħu.

Intom, l-iktar anzjani fl-età – kif nista’ ma nsemmix lil Mons. Sigitas Tamkevicius? – tafu x’jiġifieri tkun kostanti fit-tbatija, li "tittama kontra kull tama" (ara Rum 4:18). Il-vjolenza użata fuqkom għax iddefendejtu l-libertà ċivili u reliġjuża, il-vjolenza tal- malafama, priġunerija u deportazzjoni ma setgħetx tirbaħ fuq il-fidi tagħkom f'Ġesù Kristu, Il-Mulej tal-istorja. Dwar dan, għandkom ħafna x’tgħidulna u tgħallmuna, u wkoll ħafna x'tipproponu, mingħajr ma jkollkom għalfejn tiġġudikaw id-dgħufija apparenti ta' dawk li huma iżgħar. U intom, iżgħar fl-età, meta ssibu rwieħkom quddiem frustrazzjonijiet żgħar li se jaqtgħulkom qalbkom għandkom tendenza li tingħalqu fikom infuskom, tirrikorru għal evażjonijiet u imġiba li m’humiex konsistenti mal-konsagrazzjoni tagħkom, morru għall-għeruq tagħkom u ħarsu lejn it-triq li għaddew minnha dawk ixjaħ minnkom. Qed nara li hawn iż-żgħażagħ. Nirrepeti, għax hawn iż-żgħażagħ. U intom, żgħażagħ, meta quddiem il-frustrazzjonijiet żgħar li jaqtgħulkom qalbkom għandkom tendenza li tingħalqu fikom infuskom, tirrikorru għal evażjonijiet u mġiba li huma inkonsistenti mal-konsagrazzjoni tagħkom, morru għall-għeruq tagħkom u ħarsu lejn it-triq li għaddew minnha l-anzjani. Aħjar taqbdu triq oħra milli tgħixu fil-medjokrità. Dan għaż-żgħażagħ. Għadkom fil-waqt, u l-bieb huwa miftuħ. Huma preċiżament it-tribulazzjonijiet li jiddefinixxu l-karatteristiċi distintivi tat-tama Nisranija, għax meta tkun biss tama umana nistgħu niffrustraw rwieħna u nitfarrku fil-falliment; iżda ma jiġrix l-istess bit-tama Nisranija: din tiġġġedded u tissaffa meta tgħaddi mill-passatur tat-tribulazzjonijiet.

Huwa veru li dawn huma żminijiet oħrajn u qegħdin ngħixu fi strutturi oħrajn, iżda huwa veru wkoll li dawn il-pariri huma assimilati aħjar meta dawk li għexu dawk l-esperjenzi diffiċli ma jingħalqux fihom infushom, iżda jaqsmuhom mal-oħrajn. L-istejjer tagħhom mhumiex mimlija nostalġija għaż-żminijiet mgħoddija ippreżentati bħala żmien aħjar, u lanqas b'akkużi moħbija kontra dawk li għandhom strutturi emozzjonali aktar fraġli. Id-dispożizzjoni għal kostanza f'komunita' ta' dixxipli hija effettiva meta tkun tista' tintegra - bħal dik tal-Iskriba tal-Evanġelju – il-ġdida u l-qadima (ara Mt 13:52), meta hija konxja li l-istorja ħajja hija l-għerq sabiex is-siġra tiffjorixxi.

Fl-aħħarnett, tħares lejn Kristu Ġesù bħala t-tama tagħna jfisser li nidentifikaw lilna nfusna Miegħu, li qed nipparteċipaw bħala komunità fid-destin tiegħu. Għall-appostlu Pawlu, it-tama tas-salvazzjoni mhijiex limitata għal aspett negattiv - ħelsien minn tribulazzjoni interna jew esterna, temporanja jew eskatoloġika - iżda l-aċċent jitqiegħed fuq xi ħaġa ferm pożittiva: parteċipazzjoni fil-ħajja glorjuża ta' Kristu (ara. 1 Tess 5: 9-10), il-parteċipazzjoni fir-Renju glorjuż tiegħu (ara 2 Timotju 4:18), il-fidwa tal-ġisem (ara Rum 8: 23-24). Għalhekk, hija kwistjoni ta’ kif għandkom ikollkom idea tal-misteru tal-proġett uniku u irrepetibbli li Alla għandu għal kulħadd, għal kull wieħed minna. Għax m’hemm ħadd li jafna daqs Alla, għalhekk Huwa ddestinana għal xi ħaġa li tidher impossibbli: jafda bis-sħiħ li aħna nirriflettu l-immaġni ta' Ibnu. Hu jistenna ħafna minna, u aħna nittamaw fih.

Aħna: il-kelma "aħna" tiġbor fiha, iżd’anke tissupera u teċċedi il-"jien"; il-Mulej isejħilna, jiġġustifikana u jigglorifikana flimkien, b’hekk jinkludi l-ħolqien kollu. Ħafna drabi għamilna tant enfasi fuq ir-responsabbiltà personali li d-dimensjoni tal-komunità tispiċċa fl-isfond, sempliċi ornament. Iżda l-Ispirtu s-Santu jiġborna flimkien, jirrikonċilja d-differenzi ta’ bejnietna u jiġġenera dinamiżmu ġdid biex immexxu ’l quddiem i-missjoni tal-Knisja (ara l-Eżortazzjoni App. Evangelii Gaudium, 131, 235).

Dan it-tempju li fih aħna nġbarna, huwa msemmi għall-Qaddisin Pietru u Pawlu. Iż-żewġ Appostli kienu jafu sew x’kien it-teżor li ngħata lilhom, it-tnejn, f'mumenti u modi differenti, ġew mistiedna biex “jaqdfu fil-fond” (ara Lq 5: 4). Aħna kollha qegħdin fuq id-dgħajsa tal-Knisja, nfittxu dejjem li ngħajtu  lil Alla, li nkunu kostanti f’nofs it-tribulazzjonijiet u li jkollna lil Kristu Ġesù bħala l-oġġett tat-tama tagħna. U din id-dgħajsa tagħraf li l-qofol tal-missjoni tagħha hija t-tħabbira ta' dik il-glorja mistennija, li hi l-preżenza ta' Alla f'nofs il-poplu tiegħu, fi Kristu Rxoxt, u li jum wieħed, mistenni bil-ħerqa mill-ħolqien kollu, ser juri lilu nnifsu f’ulied Alla. Din hija l-isfida li timbuttana: il-mandat biex nevanġelizzaw. Hija r-raġuni għat-tama tagħna u tal-ferħ tagħna.

Kemm-il darba nsibu saċerdoti, rġiel ikkonsagrati u nisa ikkkonsagrati, qalbhom sewda. Id-diqa spiritwali hija marda. Qalbhom sewda għax ma jafux ... Qalbhom sewda għax mhux qegħdin isibu l-imħabba, m’għandhomx lil min iħobbu: il-maħbubin tal-Mulej. Huma ħallew ħajja ta' żwieġ, ta' familja, u riedu jsegwu lill-Mulej. Imma issa jidher li huma għajjenin ... U jaqgħu fi swied il-qalb. Jekk jogħġbkom, meta ssibu rwieħkom qalbkom sewda, ieqfu. U fittxu qassis għaref, soru għarfa. Mhux għorrief għaliex huma gradwati universitarji, le, mhux għalhekk. Għaref jew għarfa għax kien kapaċi jew kienet kapaċi jimxi jew timxi 'l quddiem fl-imħabba. Morru u itolbu parir. Meta jidħol dak is-swied ta’ qalb, nistgħu ngħidu minn qabel li jekk ma titfejjaqx fil-ħin, ser tagħmilkom "zitelloni" u "zitellone", irġiel u nisa li mhumiex fertili. Ibżgħu minn dan is-swied ta’ qalb! Huwa x-xitan li jiżirgħu.

U llum dak il-baħar li fih "ser naqdfu fil-fond" se jkun ix-xenarji u l-isfidi dejjem ġodda ta' din il-Knisja dejjem għaddejja. Irridu nistaqsu lilna nfusna għal darb'oħra: x'qed jitlob minna il-Mulej? Liema huma li l-iktar għandhom bżonn il-preżenza tagħna biex inwasslulhom id-dawl tal-Evanġelju? (ara l-Eżortazzjoni App. Evangelii gaudium, 20).

Inkella, jekk m’għandkomx il-ferħ tal-vokazzjoni, min ser jemmen li Ġesù Kristu hu t-tama tagħna? Huwa biss l-eżempju tal-ħajja tagħna li jagħti raġun lit-tama tagħna f'Alla.

Hemm ħaġ’oħra li torbot mas-swied il-qalb: tħallat il-vokazzjoni ma' intrapriża, ma’ kumpanija li tħaddem. "Jien għandi dan l-impjieg, naħdem f'dan, għandi ħeġġa għal dan ... u ferħan għax għandi dan". Imbagħad l-għada, jiġi isqof, ieħor jew l-istess, jew jiġi superjur ieħor, superjura, u jgħidulek: "Le, aqta’ minn dan u mur f’dak il-post". Huwa l-mument tat-telfa. Għaliex? Għaliex f'dak il-mument, tintebaħ li kont qbadt triq xejn ċara. Tintebaħ li l-Mulej, li sejjaħlek biex tħobb, huwa ddiżappuntat bik, għax għażilt li tkun negozjant. Fil-bidu kont għidtilkom li l-ħajja ta' min jimxi wara Ġesù mhijiex il-ħajja ta' xi ħadd jaħdem f’uffiċċju: hija l-ħajja tal-imħabba tal-Mulej u taz-zelu appostoliku fost in-nies. Ser nagħmel karikatura: x'jagħmel xi qassis li jaħdem f’uffiċċju? Għandu l-ħin tiegħu, l-uffiċċju tiegħu, jiftaħ l-uffiċċju fil-ħin li jmiss, jagħmel li jkollu jagħmel, jagħlaq l-uffiċċju ... U n-nies barra. Ma jersaqx lejn in-nies. Għeżież ħuti, jekk ma tridux tkunu ħaddiema f’uffiċċju, ngħidilkom kelma waħda; kunu qrib! Qrib, prossimità. Qrib it-Tabernaklu, wiċċ imb'wiċċ mal-Mulej. Qrib in-nies. "Imma, missier, in-nies ma jersqux ...". Mur fittixhom! "Imma, illum it-tfal ma jiġux...". Ivvinta xi ħaġa: l-oratorju, biex tmur warajhom, biex tgħinhom. Qrib tan-nies. U qrib il-Mulej fit-Tabernaklu. Il-Mulej iridkom rgħajja tal-poplu, u mhux kjeriċi tal-Istat! Imbagħad ngħid xi ħaġa lis-sorijiet, mhux għalissa ...

Li tkun qrib ifisser ħniena. F'din l-art fejn Ġesù żvela lilu nnifsu bħala l-Ġesù kollu ħniena, saċerdot ma jistax ma jħennx. Iktar w iktar fil-konfessjonarju. Aħseb kif Ġesù jkun lest biex jilqa' lil din il-persuna [li tiġi biex tqerr]. Diġà l-ħajja sawtitu kemm felħet, imsejken! Ħallih iħoss it-tagħniqa tal-Missier li jaħfer. Jekk ma tistax tagħtih l-assoluzzjoni, per eżempju, agħtih il-konsolazzjoni bħala ħuh, missieru. Ħeġġuh biex jimxi 'l quddiem. Tikkonvinċuh li Alla jaħfer kollox. Imma dan bil-qalb sħuna ta' missier. Qatt tkeċċu lil xi ħadd mill-konfessjonarju! Qatt m’għandkom tkeċċu ’l ħadd. "Ħares, int ma tistax ... Issa ma nistax, imma Alla jħobbok, itlob, erġa' ejja u nitkellmu ...". Hekk. Dejjem qrib. Dan ifisser tkun missier. Ma jimpurtakx minn dak il-midneb, li tibgħatu ’l hemm b’dan il-mod? M’inix ngħid għalikom, għax ma nafkomx. Qed nitkellem dwar realtajiet oħra. U l-ħniena. Il-konfessjonarju mhuwiex il-klinika ta’ psikjatra. Il-konfessjonarju mhux qed hemm biex tħaffer fi qlub in-nies.

U għal dan, għeżież saċerdoti, li tkunu qrib għalikom jfisser ukoll li jkollok f’ġisimkom il-ħniena. U dan minn fejn iġġibuh? Hemm, fit-Tabernaklu ..

U intom, għeżież sorijiet ... Ħafna drabi naraw sorijiet li huma tajbin - is-sorijiet kollha huma twajba – imma itaqtqu, itaqtqu, itaqtqu ... Saqsu lil dik li qiegħda fl-ewwel post fuq in-naħa l-oħra – ta’ qabel l-aħħar - jekk fil-ħabs kellhiex ħin biex toqgħod tparla waqt li kienet qed tħit l-ingwanti. Staqsuha. Jekk jogħġobkom, kunu ommijiet! Kunu ommijiet, għax intom ikona tal-Knisja u tal-Madonna. U kull persuna li tara lilkom tara l-Knisja Omm u ommna Marija. Tinsewx dan. U Knisja mhijiex "zitellona" (n. xebba li baqgħet ma żżewġitx). Il-Knisja omm ma tparlax: tħobb, taqdi u trawwem. Li tkunu qrib ifisser li tkunu omm: ikona tal-Knisja u ikona tal-Madonna.

Kunu qrib it-Tabernaklu u t-talb. Dak l-għatx tar-ruħ li kellimtkom dwaru, u ma’ oħrajn. Servizz saċerdotali u ħajja kkonsagrata mhux bħala nies tal-uffiċċju, iżda bħala missirijiet u ommijiet kollhom ħniena. U jekk tagħmlu dan, ikollkom tbissima sabiħa u għajnejn ileqqu! Għaliex ikollkom ir-ruħ mimlija tenerezza, ħniena, ġentilezza, imħabba, paternità u maternità.

U itolbu għal dan il-povru Isqof. Grazzi!

 

Miġjub mit-Taljan g]all-Malti minn Louis Spiteri