VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FIL-LITWANJA, IL-LETTONJA U L-ESTONJA

[22-25
TA’ SETTEMBRU, 2018]

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Piazza ta’ quddiem il-Palazz Presidenzjali f’Vilnius (il-Litwanja) 
Is-Sibt, 22 ta’ Settembru, 2018

 

Sinjura President,
Membri
tal-Gvern u tal-Korp Diplomatiku,
Rappreżentanti tas-soċjetà ċivili,
Awtoritajiet Distinti,
Sinjuri,

Hu ta’ ferħ u tama li nibda dan il-pellegrinaġġ fil-Pajjiżi Baltiċi, fl-Art Litwana, li, kif kien iħobb jgħid San Ġwanni Pawlu II, hija “xhud sieket ta’ mħabba appassjonata tal-libertà reliġjuża” (Diskors fiċ-ċerimonja tal-merħba, Vilnius, 4 ta’ Settmebru, 1993)

Irroddlok ħajr, Sinjura President, għall-kliem kordjali ta’ merħba li bih ilqajtni f’isem il-Poplu tiegħek.  Fil-persuna tiegħek nixtieq insellem lill-poplu Litwan kollu li llum qed jiftaħli l-bibien ta’ daru u tal-patrija tiegħu.  Lilkom ilkoll l-imħabba tiegħi u r-radd il-ħajr sinċier.

Diż-żjara qed isseħħ f’mument partikolarment importanti fil-ħajja tan-Nazzjon tagħkom li qed jiċċelebra l-mitt sena mid-dikjarazzjoni tal-indipendenza.  Seklu mmarkat b’ħafna provi u tbatija li kellkom tissaportu (ħabs, deportazzjonijiet u saħansitra l-martirju).  Li tiċċelebra l-mitt sena ta’ indipendenza jfisser li tieqaf ftit fiż-żmien, tirkupra l-memorja ta’ dak li għext biex tidħol f’kuntatt ma’ dak kollu li għaġinkom bħala Nazzjon u hemmhekk issibu l-muftieħ li jippermettilkom tħarsu lejn l-isfidi tal-preżent u tfasslu l-futur fi klima ta’ djalogu u għaqda bejn l-abitanti kollha, b’mod li ħadd ma jibqa’ barra.  Kull ġenerazzjoni hi msejħa biex tagħmel tagħha t-taqbid u s-sodisfazzjonijiet tal-imgħoddi u tonora fil-preżent il-memorja tal-missirijiet.  Ma nafux kif se jkun għada; dak li nafu  hu li kull epoka tgħożż “ir-ruħ” li bnietha u li għenitha tibdel kull sitwazzjoni ta’ niket u inġustizzja f’opportunità, u żżomm ħajjin u effikaċi l-għeruq li taw il-frott tal-lum.  U dal-poplu għandu “ruħ” qawwija li ppremettietlu jirreżisti u jibni!  Hekk jgħid l-innu nazzjonali tagħkom: “Jalla uliedek jisiltu l-forza mill-imgħoddi”, biex iħarsu lejn il-preżent bil-kuraġġ.

“Jalla uliedek jisiltu l-forza mill-imgħoddi”

Matul il-mixja tal-istorja tagħha, il-Litwanja għarfet tospita, tilqa’, tirċievi popli ta’ diversi etniji u reliġjonijiet.  Ilkoll f’din l-art sabu post fejn joqgħodu: Litwani, Tartari, Pollakki, Russi, Bjelorussi, Ukrajni, Armeni, Tedeski, ...., kattoliċi, ortodossi, protestanti, vetero-kattoliċi, musulmani, lhud....; għexu flimkkien u fil-paċi sa ma waslu l-ideoloġiji totalitarji li kissru dil-klima li tospitaw u tarmoniżżaw id-differenzi u żergħu l-vjolenza u s-suspett.  Li tislet il-forza mill-imgħoddi jfisser li tikseb mill-ġdid l-għeruq u żżomm kemm jista’ jkun dejjem ħaj dak li hu l-aktar awtentiku u oriġinali li jgħejx fikom u li ppermettielkom tikbru bla ma ċċedu bħala nazzjon: it-tolleranza, l-ospitalità, ir-rispett u s-solidarjetà.

Meta nħarsu lejn ix-xenarju dinji li qed ngħejxu fih, fejn qed jiżdiedu l-ilħna li jiżirgħu l-firda u l-kontrappożizzjoni – billi ħafna drabi jistrumentaliżżaw in-nuqqas ta’ sigurtà u l-kunflitti – jew li jiddikjaraw li l-uniku mod kif tkun garantita s-sigurtà u l-eżistenza tal-kultura hi li tipprova telimina, teqred jew tkeċċi lill-oħrajn,  intom il-Litwani għandkom kelma oriġinali tagħkom x’tipproponu: “tospita d-differenzi”.  Permezz tad-djalogu, tal-ftuħ u tal-fehim dawn jistgħu jittrasformaw ruħhom u jsiru pont bejn l-orjent u l-oċċident ewropew.  Dan jista’ jkun frott ta’ storja matura, li intom bħala poplu toffru lill-komunità internazzjonali u partikolarment lill-Unjoni Ewropea.  Intom batejtu “fuq ġildkom” it-tentattivi li jiġi impost fuqkom mudell uniku, li jannulla dak  li hu differenti bl-iskuża ta’ emmna li l-privileġġi tal-ftit jisbqu d-dinjità tal-oħrajn jew tal-ġid komuni.  Dan kien urieh tajjeb Benedittu XVI: “Li tkun trid il-ġid komuni u timpenja ruħek biex twettqu jeħtieġ il-ġustizzja u l-karità (....) Lill-proxxmu nħobbuh b’mod aktar effikaċi aktar ma nimpenjaw ruħna għall-ġid komuni li jwieġeb ukoll għall-ħtiġijiet reali” (Enċ. Caritas in Veritate, 7).  Il-kunflitti kollha li jinqalgħu isibu soluzzjoni dejjiema bil-kundizzjoni li huma jitħawlu fl-attenzjoni konkreta tal-persuni, speċjalment l-aktar dgħajfa, u meta tinħass is-sejħa biex “inwessgħu ħarsitna biex nagħrfu ġid wisq akbar li jkun ta’ benefiċċju għalina lkoll” (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 235)

F’das-sens, li nisiltu l-forza mill-imgħoddi jfisser li nagħtu attenzjoni liż-żgħar li mhumiex biss il-futur, imma l-preżent ta’ dan-Nazzjon, jekk jibqgħu marbutin mal-għeruq tal-poplu.  Poplu li fih iż-żgħar isibu l-ispazju biex jikbru u jaħdmu, jgħinhom iħossuhom protagonisti fil-bini tan-nisġa soċjali u komunitarja.  Dan jagħmilha possibbli biex kulħadd jerfa’ ħarstu bit-tama lejn għada.  Il-Litwanja li huma joħolmu jiddependi mit-tiftix bla heda biex titfassal politika li tkun inċentiv sabiex iż-żgħażagħ jipparteċipaw attivament fis-soċjetà.  Mingħajr dubju, dan għandu jkun żerriegħa ta’ tama, għax iwassal għal dinamiżmu li bih “ir-ruħ” ta’ dal-poplu tkompli tiġġenera l-ospitalità; ospitalità lill-istranġier, ospitalità liż-żgħażagħ, lill-anzjani, li huma l-memorja ħajja, lill-foqra, kollox ma’ kollox, ospitalità lejn il-futur.

Niżgurak, Sinjura President, li tistgħu torbtu – sa minn issa – fuq l-impenn u l-ħidma korali tal-Knisja Kattolika, sabiex din l-art tkun tista’ taqdi l-vokazzjoni tagħha li tkun art-pont ta’ komunjoni u tama.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.