VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIL-LITWANJA, IL-LATVJA U L-ESTONJA

[22-25 TA’ SETTEMBRU 2018]

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Quddiem is-Santwarju tal-Verġni Omm Alla ta’ Aglona (il-Latvja)

It-Tnejn 24 ta’ Settembru 2018

 

Nistgħu ngħidu li dak li San Luqa jirrakkonta fil-ftuħ tal-ktieb tal-Atti tal-Appostli qed jirripeti ruħu hawn illum: aħna magħquda b’mod intimu ma’ xulxin, mogħtija għat-talb u fil-kumpanija ta’ Marija, l-Omm tagħna (ara 1:14). Illum nagħmlu tagħna l-motto ta’ din iż-żjara: “Ħallina narawk, ja Omm!”, urina f’liema post qed tissokta tgħanni l-Magnificat, f’liema postijiet jinsab Ibnek imsallab, biex f’riġlejh insibu l-preżenza qawwija tiegħek.

 

Il-Vanġelu ta’ Ġwanni jġib biss żewġ mumenti li fihom il-ħajja ta’ Ġesù tiltaqa’ ma’ dik ta’ Ommu: it-tieġ ta’ Kana (ara 2:1-12) u dak li għadna kemm qrajna, Marija f’riġlejn is-salib (ara 19:25-27). Donnu l-evanġelista hu interessat jurina lil Omm Ġesù f’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ ħajja li jidhru opposti għal xulxin: il-ferħ ta’ tieġ u n-niket għall-mewt ta’ iben. Waqt li nidħlu fil-qalba tal-misteru tal-Kelma, hi turina liema hi l-Aħbar it-Tajba li l-Mulej illum irid jaqsam magħna.

 

L-ewwel ħaġa li l-evanġelista jridna ninnotaw hi li Marija hi “wieqfa fuq riġlejha” qrib Binha. Mhux xi mod ħafif kif wieħed joqgħod, lanqas mitluq u wisq inqas ta’ xi ħadd beżżiegħ. Hi, bil-qawwa kollha, tinsab “imsammra” ma’ riġlejn is-salib, u bil-qagħda ta’ ġisimha tesprimi li xejn u ħadd ma jista’ jċaqlaqha minn dak il-post. Marija turi ruħha qabelxejn b’dan il-mod: qrib ta’ dawk li jbatu, ta’ dawk li d-dinja kollha taħrabhom, ta’ dawk ukoll li huma pproċessati, ikkundannati minn kulħadd, imkaxkra kontra jeddhom. Mhux biss huma maħqura jew sfruttati, imma jsibu ruħhom direttament “barra mis-sistema”, fit-trufijiet tas-soċjetà (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 53). Magħhom hemm ukoll l-Omm, imsammra fuq is-salib tal-inkomprensjoni u tat-tbatija.

 

Marija turina wkoll mod kif għandna nkunu qrib ta’ dawn ir-realtajiet; mhix xi passiġġata jew żjara qasira, u lanqas hu “turiżmu solidali”. Hemm bżonn li dawk li qed iġarrbu realtà ta’ tbatija jħossuna qrib tagħhom u fuq in-naħa tagħhom, b’mod sod, stabbli; il-mormija kollha tas-soċjetà jistgħu jagħmlu esperjenza ta’ din l-Omm li b’delikatezza kbira hi qrib tagħhom, għax f’min qed ibati għad hemm il-pjagi miftuħa ta’ Binha Ġesù. Dan hi tgħallmitu f’riġlejn is-salib. Anki aħna msejħin “immissu” t-tbatija tal-oħrajn. Ejjew immorru għand ħutna biex infarrġuhom u nseħbuhom; ma nibżgħux nesperimentaw il-qawwa tal-ħlewwa u ninvolvu ruħna u nikkumplikaw ħajjitna għall-oħrajn (ara ibid., 270). U, bħal Marija, nibqgħu sħaħ u weqfin fuq riġlejna: b’qalbna mdawra lejn Alla u qalbiena, biex nerfgħu lil min waqa’, ngħollu lill-ċkejken, ngħinu biex inġibu fi tmiemha kull sitwazzjoni ta’ moħqrija li ġġagħalhom jgħixu bħal imsallba.

 

Marija hi msejħa minn Ġesù biex tilqa’ lid-dixxiplu l-maħbub bħala binha. It-test jgħidilna li kienu flimkien, imma Ġesù jintebaħ li dan ma kienx biżżejjed, li ma kinux għadhom laqgħu lil xulxin. Għax tista’ tkun qrib ta’ ħafna persuni, tista’ anki tgħix magħhom taħt l-istess saqaf, u taqsmu l-istess kwartier jew xogħol; tista’ taqsam magħhom il-fidi, tikkontempla u tgawdi l-istess misteri, imma ma tkunx qed tilqagħhom, ma tkunx qed tħaddem aċċettazzjoni kollha mħabba tal-persuna l-oħra. Kemm miżżewġin jistgħu jirrakkontaw l-istorja ta’ kif huma kienu qrib ta’ xulxin imma ma kinux flimkien; kemm żgħażagħ iħossu b’għafsa ta’ qalb din id-distanza mill-adulti; kemm anzjani jħossu li hemm min qed jieħu ħsiebhom imma b’ċerta bruda, għax mhux qed jikkurahom u jilqagħhom bi mħabba.

 

Hu minnu li, xi drabi, meta ftaħna qalbna għall-oħrajn, spiċċajna weġġajna ħafna. Hu minnu wkoll li, fir-realtajiet politiċi tagħna, l-istorja tal-ġlied bejn il-popli għadha friska u tweġġa’. Marija turi ruħha bħala mara miftuħa għall-maħfra, biex twarrab għall-ġenb ir-rabja u s-suspett; ma toqgħodx tgerger fuq “x’seta’ ġara” kieku l-ħbieb ta’ Binha, kieku s-saċerdoti tal-poplu tagħha jew il-mexxejja ġabu ruħhom differenti, ma tħallix il-frustrazzjoni jew in-nuqqas ta’ saħħa jirbħuha. Marija temmen f’Ġesù u tilqa’ lid-dixxiplu, għax ir-relazzjonijiet li jfejquna u jeħilsuna huma dawk li jiftħuna għal-laqgħa u għall-fraternità mal-oħrajn, għax fil-persuna l-oħra jiskopru lil Alla nnifsu (ara ibid. 92). Monsinjur Sloskans, li jistrieħ hawn, wara li ġie arrestat u mibgħut ’il bogħod, kiteb lill-ġenituri tiegħu: “Nitlobkom minn qiegħ qalbi: tħallux il-vendetta jew ir-rabja jieħdu r-riedni ta’ qalbkom. Jekk inħalluhom, ma nkunux tassew Insara, imma fanatiċi”. Fi żminijiet meta donnhom qed jerġgħu jitfaċċaw mentalitajiet li jistednuna biex ma nafdawx fl-oħrajn, li bl-istatistiċi jridu juruna li nkunu aħjar, ikollna iżjed ġid u sigurtà jekk nibqgħu waħidna, Marija u d-dixxipli ta’ dawn l-artijiet qed jistednuna biex nilqgħu, biex nemmnu mill-ġdid f’ħutna, fil-fraternità universali.

 

Imma Marija turi ruħha wkoll bħala l-mara li tħalli lil min jilqagħha, li umilment taċċetta li ssir parti mill-ħwejjeġ tad-dixxiplu. F’dak it-tieġ li kien spiċċa bla nbid, bil-periklu li jispiċċa mimli bir-riti imma sajjem mill-imħabba u l-ferħ, kienet hi li ordnatilhom biex jagħmlu dak li jgħidilhom Hu (ara Ġw 2:5). Issa, bħala dixxiplu ubbidjenti, tħalli lil min jilqagħha, tittrasferixxi ruħha, tadatta għar-ritmu ta’ min hu iktar żagħżugħ. Dejjem se jiswielna l-armonija meta nkunu differenti, meta s-snin, l-istejjer u ċ-ċirkustanzi jpoġġuna f’sitwazzjonijiet, fi ħsibijiet u f’għemil li mal-ewwel daqqa t’għajn jidhru opposti. Meta bil-fidi nisimgħu l-amar li nilqgħu u li niġu milqugħa, isir possibbli li nibnu l-għaqda fid-diversità, biex la jwaqqfuna u lanqas jifirduna d-differenzi, imma nkunu kapaċi nħarsu lil hemm, naraw lill-oħrajn fid-dinjità l-aktar profonda tagħhom, bħala wlied l-istess Missier (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 228).

 

F’din l-Ewkaristija, bħal f’kull oħra, ejjew niftakru f’dak il-jum. F’riġlejn is-salib, Marija tfakkarna fil-ferħ li ġejna magħrufa bħala wliedha, u Binha Ġesù jistedinna neħduha magħna d-dar, inqiegħduha fiċ-ċentru ta’ ħajjitna. Hi trid tagħtina l-kuraġġ tagħha, biex nibqgħu weqfin fuq riġlejna; l-umiltà tagħha, li biha kapaċi tadatta ruħha għal kull mument tal-istorja; u tgħolli leħinha biex, f’dan is-santwarju tagħha, ilkoll inħabirku biex nilqgħu lil xulxin bla diskriminazzjoni, u biex kulħadd fil-Latvja jkun jaf li aħna lesti nipprivileġġjaw lill-ifqar fost il-fqar, nerfgħu lil min waqa’ u nilqgħu lill-oħrajn hekk kif jaslu għandna u jippreżentaw ruħhom quddiemna.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard