VJAĠĠ APPOSTOLLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FIL-LITWANJA, IL-LATVJA U L-ESTONJA

[22-25
TA’ SETTEMBRU, 2018]

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET ĊIVILI, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Sala tar-riċevimenti fil-Palazz Presidenzjali ta’ Riga (Lettonja)
It-Tnejn, 24 ta’ Settembru, 2018

 

Sur President,
Membri tal-Gvern u Awtoritajiet,
Membri tal-korp diplomatiku u tas-soċjetà ċivili,
għeżież ħbieb ilkoll!

Irrodlok ħajr, Sur President, għall-kliem ġentili ta’ merħba, kif ukoll tal-istedina biex inżurkom li inti għamiltli meta żortni fil-Vatikan.  Hu ta’ ferh għalija li ninsab għall-ewwel darba fil-Lettonja u f’dil-belt, li, bħall-Pajjiż tagħkom kollu, kienet immarkata minn provi soċjali, politiċi, eknomiċi u anki spiritwali iebsa – minħabba l-firdiet u l-kunflitti tal-imgħoddi – imma li llum saret waħda miċ-ċentri ewlenin kulturali, politiċi u portwali tar-reġjun.  Ir-rappreżentanti tagħkom fl-oqsma tal-kultura u tal-arti, b’mod partikolari fid-dinja tal-mużika, huma magħrufin sew anki ‘l barra minn pajjiżkom.  Jien ukoll stajt napprezzahom mal-wasla tiegħi fl-ajruport.  Għaldaqstant naħseb li joqgħodu tajjeb għalikom il-kliem tas-salmista: “Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi” (Salm 30,12).  Il-Lettonja, art tad-”dainas” għarfet tiibdel l-għali u n-niket tagħha f’kant u żfin u tħabtet biex tinbidel f’imkien ta’ djalogu u laqgħa, ta’ konvivenza paċifika li tfittex li tħares ‘il quddiem.

Qed tiċċelebraw il-mitt sena tal-indipendenza tagħkom, mument ta’ tifsir kbir għall-ħajja tas-soċjetà kollha kemm hi.  Intom tafu tajjeb il-prezz ta’ dil-libertà li kellkom tiksbu u terġgħu tiksbu.  Libertà li kienet possibbli minħabba l-għeruq li sawwrukom kif kienet tħobb tfakkar Zenta Maurina li kienet ta’ ispirazzjoni għal ħafna minnkom: “Għeruqi jinsabu fis-sema”.  Mingħajr dil-ħila li tħarsu ‘l fuq, li tirrikorru għal oriżżonti aktar għolja li jfakkruna f’dik “id-dinjità traxxendenti” li hi parti integrali f’kull bniedem (cfr Diskors lill Parlametn Ewropew, 25 ta’ Novembru, 2014), ma kienx ikun possibbli għalikom tibnu mill-ġdid in-nazzjon tagħkom.  Dil-ħila spiritwali li tħarsu aktar ‘l hinn, li ssir konkreta fil-ġesti żgħar ta’ solidarjetà fil-ħajja ta’ kuljum, tal-għajnuna reċiproka, sostnietkom, u min-naħa tagħha, tatkom il-kreattività meħtieġa biex tniedu dinamiċi soċjali ġodda quddiem it-tentattivi riduzzjonisti u ta’ esklużjoni li dejjem huma theddida għan-nisġa soċjali.

Jien  kuntent li sirt naf li fil-qofol tal-għeruq li jsawwru din l-art hemm il-Knisja Kattolika, f’ħidma ta’ kollaborazzjoni sħiħa mal-Knejjes insara l-oħra, sinjal ta’ kemm hu possibbli l-iżvilupp tal-komunjoni fid-differenzi.  Realltà li sseħħ meta l-persuni jkollhom il-kuraġġ imorru ‘l hinn mill-qoxra tal-kunflitti u jaraw lil xulxin fid-dawl tad-dinjità l-aktar profonda.  B’hekk nistgħu naffermaw li kull darba illi, bħala persuni u bħala komunità, nitgħallmu nimmiraw aktar ‘il fuq minna nfusna u mill-interessi partikolari tagħna, il-fehim u l-impenn reċiproku jinbidlu f’solidarjetà; u din, mifhuma fit-tifsira l-iżjed profonda tagħha, li tisfidana, hekk issir stil ta’ kif tinbena l-istorja, f’ambjent ħaj fejn il-kunflitti, it-tensjonijiet u l-opposti tal-imgħoddi, jistgħu jaslu għall-għaqda ta’ bosta forom li ġġib ħajja ġdida (cfr Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 228).  B’hekk bl-istess mod li bih mantna l-ħajja tal-poplu tagħkom, illum, l-Evanġelju jista’ jkompli jiftaħ toroq biex taffrontaw l-isfidi ta’ issa, billi tivvaloriżżaw id-differenzi u, fuq kollox, billi tippromwovu l-għaqda komuni bejn kulħadd.

Iċ-ċelebrazzjonjiet taċ-ċentinarju jfakkru fl-importanza li tkomplu torbtu fuq il-libertà u l-indipendenza tal-Lettonja, li ċertment huma don, imma huma wkoll dmir li jorbot lil kulħadd.  Il-ħidma għall-libertà tfisser impenn fi żvilupp integrali li jintegra lill-persuni u lill-komunità.  Jekk illum tista’ ssir festa, dan hu grazzi għall-bosta li fetħu t-toroq, bibien, futur, u ħallewlkom b’wirt l-istess responsabbiltà: il-ftuħ lejn il-futur bl-għan li kollox ikun ta’ servizz għall-ħajja.  U f’dan id-dawl, fi tmiem dil-laqgħa se mmorru fejn il-Mafkar tal-Libertà, fejn se jkun hemm preżenti, tfal, żgħażagħ u familji.  Dawn ifakkruna li “l-maternità tal-Lettonja – din tixbiha li jissuġġerixxi l-motto ta’ dal-vjaġġ – issib eku fil-ħila li tmexxu ‘l quddiem strateġiji li jkunu verament effikaċi u ffukati fuq l-uċuħ konkreti ta’ dawn il-familji, ta’ dawn l-anzjani, tfal u żgħażagħ, aktar milli fuq kemm l-ekonomija hi aqwa mill-ħajja.

“Il-maternità” tal-Lettonja tidher ukoll fil-ħila li toħloq opportunitajiet ta’ xogħol, b’mod li ħadd ma jkollu għalfejn iqaċċat għeruqu biex jibni l-futur tiegħu.  L-indiċi tal-iżvilupp uman jitkejjel ukoll mill-ħila li tikbru u timmoltiplikaw.  L-iżvilupp tal-komunitajiet ma jseħħx u lanqas jitkejjel mill-ħila ta’ kemm wieħed għandu ġid u riżorsi biss, imma mix-xewqa li wieħed ikollu li jiġġenera l-ħajja u joħloq il-futur.  Dan ikun possibbli biss fil-qies ta’ kemm huma radikati fil-passat, kreattivi fil-preżent u fiduċjużi u mimlijin tama għall-futur.  U jitkejjel mill-ħila tal-involviment u l-ażżard, l-istess kif  għarfu jixhdulna l-ġenerazzjoniet tal-imgħoddi.

Sur President, ħbieb ilkoll, hawn qed nibda l-pellegrinaġġ tiegħi f’din l-art, b’talba lil Alla li jkompli jakkumpanja, ibierek u jistgħana l-ħidma ta’ jdejkom għal dan-Nazzjon.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber