Għeżież ħuti,

Inħossni grat li kelli l-opportunità li niltaqa’ magħkom, intom li tirrappreżentaw l-espressjonijiet differenti tal-appostolat fjorenti tal-lajċi fil-Korea: minn dejjem kien fjorenti!  Hija fjura li tibqa’!  Nirringrazzja lill-President tal-Kunsill tal-Appostolat tal-lajċi Kattoliċi, is-Sur Paul Kwon Kil-joog, għall-kliem ġentili ta’ merħba min-naħa tagħkom.

Il-Knisja fil-Korea, kif nafu, hija eredi ta’ fidi ġejja minn ġenerazzjonijiet lajċi li pperseveraw fl-imħabba lejn Ġesù Kristu u fil-komunjoni mal-Knisja, minkejja n-nuqqas ta’ saċerdoti u t-theddida ta’ persekuzzjonijiet ħarxa.  Il-Beatu Paul Yun Ji-chung u l-martri sħabu li ġew beatifikati llum jirrappreżentaw kapitlu straordinarju ta’ din l-istorja.  Huma taw xhieda ta’ fidi mhux biss bis-sofferenza u l-mewt, imma anki b’ħajja ta’ solidarjetà lejn xuxlin fi ħdan il-komunità Nisranija, ikkaratteriżżata minn karità eżemplari.

Dan il-wirt prezzjuż għadu jgħix fl-opri ta’ fidi ta’ karità u ta’ servizz tagħkom.  Illum, bħal dejjem, mingħand il-lajċi, il-Knisja għandha bżonn ix-xhieda kredibbli tal-verità salvifika tal-Evanġelju, tal-qawwa tiegħu li jsaffi u jittrasforma l-qalb tal-bniedem, u tal-fekondità tiegħu biex jibni l-għaqda, il-ġustizzja u l-paċi  fil-familja umana.  Nafu li għall-Knisja t’Alla hemm missjoni waħda u li kull Nisrani mgħammed għandu rwol vitali f’din il-missjoni.  Id-doni tagħkom il-lajċi, irġiel u nisa, huma ħafna u l-appostolat tagħkom huwa varju, u kull ma’ tagħmlu huwa mmirat biex jippromwovi l-missjoni tal-Knisja billi jaċċerta ruħu li l-ordni temporali jkun mirfud u perfezzjonat mill-Ispirtu ta’ Kristu u mmirat lejn il-miġja ta’ Saltnatu.  Irrid b’mod partikolari nuri rikonoxximent lejn dawk il-ħafna assoċjazzjonijiet li huma direttament impenjati biex imorru jiltaqgħu mal-foqra u ma’ min hu fil-bżonn.  Kif jurina l-eżempju tal-ewwel Insara Koreani, il-fekondità tal-fidi tesprimi ruħha fis-solidarjetà konkreta ma’ dawn ħutna, mingħajr ma jitqies x’inhi l-kultura u l-istat soċjali tagħhom għax fi Kristu ma kienx hemm «Grieg jew Lhudi» (Gal 3, 28).

Jien profondament grat lejn kull wieħed u waħda minnkom li bix-xogħol u bix-xhieda jwasslu l-preżenza mimlija faraġ tal-Mulej lin-nies li jgħixu fil-periferija tas-soċjetà tagħna.  Din l-attività m’għandiex tillimita ruħha għall-assistenza karitatevoli imma għandha timpenja ruħha wkoll biex tkabbar ‘il-bniedem.  Mhux l-assistenza biss imma anki l-iżvilupp tal-persuna.  Li tassisti lill-foqra hija ħaġa tajba u meħtieġa, imma mhix biżżejjed.  Inħeġġiġkom biex timmoltiplikaw l-isforzi tagħkom fil-qasam tal-promozzjoni umana, biex b’hekk kull raġel u kull mara jkunu jistgħu jħossu l-ferħ li jiġi mid-dinjità li wieħed jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum biex ikun jista’ jgħajjex lill-familja tiegħu.  Hekk hu, din id-dinjità, f’dan il-waqt, hija mhedda mill-kultura tal-flus li qed tħalli tant nies mingħajr xogħol…….  Aħna nistgħu ngħidu: “Padre, aħna ntuhom jieklu”.  Imma mhix biżżejjed!  Dak jew dik li m’għandhomx xogħol jeħtieġ li jħossu fi qlubhom id-dinjità li jieħdu l-ħobża d-dar, li jaqilgħuha huma l-biċċa ħobż! Nafda f’idejkom dan l-impenn.

Nixtieq ukoll nirrikonoxxi l-kontribut prezzjuż li jagħtu n-nisa Kattoliċi Koreani lill-ħajja u l-missjoni tal-Knisja ta’ dan il-pajjiż, bħala ommijiet ta’ familja, katekisti u għalliema u b’tant modi diversi oħrajn.  Bl-istess mod ma nistax ma nisħaqx dwar l-importanza tax-xhieda mogħtija mill-familji Nsara.  F’epoka ta’ kriżi tal-ħajja tal-familja – nafuh ilkoll – il-komunitajiet Insara tagħna huma msejħin biex jgħinu lill-koppji miżżewġin u lill-familji fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom fil-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà.  Il-familja tibqa’ n-nukleju bażiku tas-soċjetà u l-ewwel skola li fiha t-tfal jitgħallmu l-valuri umani, spiritwali u morali li jtuhom il-ħila li jkunu fanali ta’ tjubija, ta’ integrità u ġustizzja fil-komunitajiet tagħna.

Għeżież ħbieb, hu x’inhu l-kontribut partikolari li intom tagħtu lill-Knisja, nitlobkom tkomplu xxerdu fil-komunitajiet tagħkom formazzjoni sħiħa tal-fidili lajċi, peremz ta’ katekeżi permanenti u direzzjoni spiritwali.  F’dak kollu li tagħmlu nitlobkom biex iġġibu ruħkom b’armonija sħiħa bil-moħħ u bil-qalb mar-rgħajja tagħkom billi tippruvaw tqiegħdu l-ideat, it-talenti u l-kariżmi tagħkom għas-servizz tat-tkabbir tal-Knisja fl-għaqda u fl-ispirtu missjunarju.  Il-kontribut tagħkom huwa essenzjali għax il-futur tal-Knisja fil-Korea, u fl-Asja kollha, jiddependi l-aktar mill-iżvilupp ta’ viżjoni ekkeleżjoloġika mibnija fuq l-ispiritwalità tal-komunjoni, tal-parteċipazzjoni u tal-kondiviżjoni tad-doni (cfr Ecclesia in Asia, 45).

Għal darb’oħra nesprimi l-gratitudni tiegħi għal dak kollu li tagħmlu biex isseddqu l-Knisja tal-Korea fil-qdusija u fiż-żelu.  Jalla tiksbu ispirazzjoni kostanti u qawwa fl-appostolat tagħkom mis-Sagrifiċċju Ewkaristiku, fejn l-imħabba lejn Alla u lejn l-umanità, li hija r-ruħ tal-appostolat, tkun mogħtija u mkabbra (cfr Lumen Gentium, 33).  Fuqkom, fuq il-familji tagħkom u fuq dawk kollha li jieħdu sehem fil-ħidma materjali u spiritwali tal-parroċċi tagħkom, fl-assoċjazzjonijiet u fil-movimenti, ninvoka l-ferħ u l-paċi fis-Sinjur tagħna Ġesù Kristu u fil-protezzjoni mimlija mħabba ta’ Marija,Ommna.

Nitlobkom biex, jekk jogħġobkom titolbu għalija.  U issa lkoll flimkien nitolbu lill-Madonna u wara ntikom il-barka tiegħi.

Reċita tal-Ave Maria

Benedizzjoni

Grazzi ħafna u itolbu għalija. Tinsewx!

Malti mit-Taljan minn Joe Huber