Il-Papa Franġisku

Siltiet mill-konverżazzjonijiet mal-Ġiżwiti fiċ-Ċilì u fil-Perù

fis-16 u 19 ta' Jannar 2018

Traskritti minn Patri Antonio Spadaro SJ

Aleteia, 15 ta’ Frar 2018

 

Franġisku lill-Ġiżwiti fiċ-Ċilì u l-Perù: “Tkunux reliġjużi li ma żżewġux biex joqogħdu jseksku fuq l-oħrajn”

 

Qed inxandru hawn siltiet mill-konverżazzjonijiet li kellu l-Papa Franġisku mal-Ġiżwiti fiċ-Ċilì fis-16 ta’ Jannar u fil-Perù fid-19, waqt il-Vjaġġ Appostoliku tiegħu f’dawn iż-żewġ pajjiżi. Il-konverżazzjonijiet ġew traskritti minn Patri Antonio Spadaro għall-pubblikazzjoni fl-edizzjoni li jmiss ta’ La Civiltà Cattolica li toħroġ is-Sibt li ġej.

 

Santità, x’inhuma l-akbar ferħat u dispjaċiri li kellek sa issa fil-pontifikat tiegħek?

Dan il-pontifikat huwa pjuttost żmien ta’ paċi. Mill-mument fil-Konklavi li fih intbaħt x’kien sa jiġri – dak il-ħin  kienet sorpriża għalija – ħassejt paċi kbira f’qalbi. U sal-lum, dik il-paċi għadha qatt ma telqitni. Hi don tal-Mulej, u jiena grat għal dan. U tassew nittama li ma jeħodhielix. Għalkemm ma jisraqlix il-paċi tal-qalb, imma jweġġagħni s-seksik. Ma jogħġobnix is-seksik, inikkitni. Dan jiġri spiss f’ambjenti magħluqa. Meta jiġri fil-kuntest ta’ saċerdoti jew reliġjużi, jien nistaqsi bejni u bejn ruħi: Kif jista’ jkun? Tkun ħallejt kollox, iddeċidejt li ma jkollokx mara maġenbek, ma żżewiġtx, ma ġibtx tfal… u issa ħa tispiċċa għażeb li joqgħod iseksek fuq dak u fuq l-oħra? Alla tiegħi, x’ħajja ta’ dwejjaq!

 

X’reżistenza sibt ma’ wiċċek, u kif affaċjajtha?

F’wiċċ id-diffikultajiet, jien qatt ma ngħid li hi ‘reżistenza’, għax dak ikun ifisser li ma sarx dixxerniment, xi ħaġa li, għall-kuntrarju, jiena rrid nagħmel. Faċli tgħid li hemm ir-reżistenza, u ma tintebaħx li, f’dak il-kunflitt, jaf ikun hemm ukoll nitfa verità. Dan iġibni nirrelativizza ħafna ħwejjeġ li, mal-ewwel daqqa t’għajn, jidhru donnhom reżistenza, imma li fil-verità huma reazzjoni li tqum għax l-affarijiet ikunu nftiehmu ħażin… Meta, għall-kuntrarju, nintebaħ li hemm reżistenza vera, m’għandniex xi ngħidu, ma niħux gost biha. Hemm min jgħidli li r-reżistenza hi ħaġa normali meta xi ħadd ikun irid jagħmel il-bidliet. Il-famuża “dejjem hekk sar” issaltan kullimkien; hi tentazzjoni kbira li kollha ġarrabna. Ir-reżistenza wara l-Konċilju Vatikan II, li għadha preżenti, hekk tfisser: nirrelativizzaw, inġibu fix-xejn dak li qal il-Konċilju.

 

Iktar iddejjaqt meta rajt li xi ħadd ingħaqad f’kampanja ta’ reżistenza. U b’xorti ħażina, dan qed narah ukoll. Ma nistax niċħad li hemm xi reżistenza. Ir-reżistenza naraha u nagħrafha. Hemm reżistenza f’dik li hi duttrina. Għas-saħħa mentali tiegħi, ma noqgħodx naqra s-siti tal-internet ta’ din l-hekk imsejħa ‘reżistenza’. Naf min huma, naf min huma dawn il-gruppi, imma ma noqgħodx naqrahom, sempliċiment għas-saħħa mentali tiegħi. Jekk ikun hemm xi ħaġa serja ħafna, jgħarrfuni dwarha, allura nkun naf. U mhix xi ħaġa li tieħu gost biha, imma rridu nibqgħu mexjin.

 

Meta nħoss li hemm reżistenza, nipprova nidħol fi djalogu, meta dan ikun possibbli; imma ċerta reżistenza tiġi minn persuni li jemmnu li għandhom id-duttrina vera f’idejhom, u jakkużawk li int eretiku. Meta f’dawn in-nies ma nsibx tjieba spiritwali, minħabba dak li jgħidu jew jiktbu, sempliċiment nitlob għalihom. Ma niħux pjaċir, imma ma noqgħodx nomgħod dan is-sentiment, għall-ġid mentali tiegħi.

 

F’liema riformi nistgħu nappoġġjawk aħjar?

Nemmen li waħda mill-affarijiet li l-Knisja teħtieġ l-aktar illum, u dan joħroġ ċar ħafna mill-perspettivi u l-għanijiet pastorali tal-Amoris lætitia, hi d-dixxerniment. Aħna mdorrijin ngħidu x’tista’ u ma tistax tagħmel. Jien ukoll, fil-formazzjoni tiegħi, tlajt mgħallem f’dan l-istil: “Sa hawn tista’ tasal, ma tistax taqbeż hemm”. Ma nafx tiftakruhx il-Ġiżwita Kolombjan li ġie jgħallimna t-Teoloġija Morali fil-Collegio Massimo; meta wasal biex jitkellem fuq is-sitt kmandament, xi ħadd issogra jsaqsih: “Koppji fl-għerusija jistgħu jitbewsu?”. Jekk setgħux jitbewsu! Qed tifhmu? U hu wieġeb: “Iva, jistgħu! Mhix problema! Kulma jridu jagħmlu, imma, hu li jqiegħdu maktur bejniethom”. Din hi forma mentis (mentalità) ta’ kif nagħmlu t-teoloġija b’mod ġenerali. Forma mentis imsejsa fuq il-limiti. U aħna qed inġorru l-piż tal-konsegwenzi.

 

X’tgħidilhom lil dawk (il-Ġiżwiti) li qed jixjieħu u ftit qed jaraw oħrajn mexjin warajhom?

Meta wieħed iqis in-numri dejjem jonqsu ta’ membri żgħar u enerġija żagħżugħa, wieħed jista’ jħoss ċertu qtigħ il-qalb istituzzjonali. Le, ma tistgħux tippermettuh dan. Id-dwejjaq jiġbdek ’l isfel, u hu bħal kutra mxarrba li jixħtulek fuqek biex jaraw kif ħa tkampa, u dan iwasslek għall-imrar, għad-delużjoni. Jien nistaqsi lili nnifsi jekk [San Franġisk] Saverju, f’wiċċ il-falliment tiegħu li jara ċ-Ċina imma ma jistax jirfes fuqha, qatax qalbu. Le, nistħajjel li dar fuq il-Mulej, u qallu: “Ma tridhiex? Mela, ċaw ċaw… hekk sew ukoll”. Hu għażel li jimxi fit-triq li ġiet offruta lilu, u f’dak il-każ, din kienet il-mewt!… Imma dak kien sew għalih! Bħal Saverju fuq l-għatba taċ-Ċina, ħarsu dejjem ’il quddiem… Alla jaf!

 

Nixtieq ngħidu xi ħaġa fuq it-tema tal-abbużi sesswali. Dawn l-iskandli laqtuna mhux ftit.

X’għafsa ta’ qalb kbira qed tgħix il-Knisja. Dan iġagħalna nistħu, imma rridu wkoll niftakru li l-mistħija hi wkoll grazzja kbira Injazjana. U għalhekk, ejja neħduha bħala grazzja, u nitbaxxew fil-fond ta’ qalbna. Irridu nħobbuha lil din il-Knisja bil-ġrieħi tagħha. Ħafna ġrieħi…

 

Ħa ngħidilkom storja. Fl-24 ta’ Marzu, fl-Arġentina, taħbat it-tifkira tal-kolp ta’ stat militari, tad-dittatorjat, tad-‘desaparecidos’ [dawk li għebu matul id-dittatorjat, vittmi tar-ripressjoni min-naħa tal-Gvern], u Plaza de Mayo timtela bin-nies biex ifakkruha. F’waħda minn dawn l-okkażjonijiet tal-24 ta’ Marzu, xħin kont ħa naqsam it-triq, kien hemm koppja b’tifel ċkejken ta’ xi sentejn jew tlieta, u t-tfajjel kien qed jiġri quddiemhom. Missieru qallu: “Ejja, ejja, ejja ’l hawn… Attent għall-pedofeli!”. Kemm stħajt! X’mistħija! Ma ntebħux li kont l-Arċisqof; kont qassis, u… X’mistħija! Xi drabi jkun hemm min jagħtina l-‘premijiet ta’ konsolazzjoni’, u xi ħadd jaf jgħid ukoll: “Ħares lejn l-istatistiċi… Xi… Ma nafx… 70% tal-pedofeli ssibhom fil-familja, fost il-qraba. Imbagħad fil-ġinnasji u l-pixxini. Il-persentaġġ ta’ pedofeli li huma saċerdoti Kattoliċi mank jilħaq it-2%, hu ta’ xi 1.6%. Mela mhux ħafna…”. Imma hi ħaġa terribbli, imqar kieku kien wieħed biss minn dawn, ħutna! Għax Alla dilku biex iqaddes lit-tfal u l-adulti, u hu minflok qerdilhom ħajjithom! X’ħaġa orribbli! Kulma tridu tagħmlu hu tisimgħu l-esperjenzi ta’ xi ħadd li ġie abbużat!

 

Nhar ta’ Ġimgħa – xi drabi tkun ħaġa pubblika u oħrajn le – normalment niltaqa’ ma’ xi wħud minnhom. Il-proċess tagħhom [ta’ fejqan] hu iebes ħafna; [l-abbuż] jeqridhom. Għall-Knisja, din hi umiljazzjoni kbira. Mhux biss turi d-dgħufija tagħna, imma wkoll, ejja ngħiduha ċara u tonda, il-wiċċ b’ieħor tagħna. Din kurjuża: il-fenomenu tal-abbuż affettwa xi Kongregazzjonijiet ġodda u li għandhom ħafna flus. Hemm hu, l-abbuż dejjem hu frott ta’ mentalità marbuta mal-poter, li trid tiġi mfejqa fl-għeruq l-aktar ħżiena tagħha. Hemm tliet livelli ta’ abbuż li jmorru ma’ xulxin: l-abbuż tal-awtorità, l-abbuż sesswali, u l-kondotta finanzjarja ħażina. Dejjem issib il-flus fin-nofs: ix-xitan jidħol mill-but.

 

Kif tara li l-Ispirtu s-Santu qed imexxi lill-Knisja lejn futur ġdid?

Int ħu l-Konċilju Vatikan II, il-Lumen gentium. Meta kellimt lill-Isqfijiet Ċileni, ħeġġiġthom għad-deklerikalizzazzjoni. L-evanġelizzazzjoni ssir mill-Knisja bħala l-poplu ta’ Alla. Il-Mulej qed jitlobna nkunu Knisja li toħroġ, sptar fuq il-kamp tal-battalja… Knisja fqira għall-foqra! Il-foqra mhumiex formula teoretika tal-Partit Komunista; huma fil-qalba tal-Vanġelu! Hu f’din il-linja li nħoss li l-Ispirtu qed imexxina. Hemm reżistenza qawwija, imma għalija, il-fatt li hemm din ir-reżistenza hu sinjal li ninsabu fit-triq it-tajba. Kieku kien mod ieħor, ix-xitan ma kienx jaħdem biex joħloq ir-reżistenza.

 

 

miġjuba mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard