VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FL-IRLANDA GĦAD-IX LAQGĦA DINJIJA TAL-FAMILJI

(25-26 TA’ AWWISSU 2018)

 

QUDDIESA

 

Phoenix Park (Dublin)

Il-Ħadd 26 ta’ Awwissu 2018

 

ATT PENITENZJALI

 

Ilbieraħ iltqajt ma’ tmien persuni li għaddew minn abbużi ta’ poter, ta’ kuxjenza u sesswali. B’dak kollu li qaluli fil-qalb tiegħi, nixtieq inqiegħed dawn l-atti kriminali f’riġlejn il-ħniena tal-Mulej u nitlob maħfra.

 

Nitolbu maħfra għall-abbużi fl-Irlanda, abbużi ta’ poter u ta’ kuxjenza, abbużi sesswali min-naħa ta’ membri awtorevoli tal-Knisja. Nitolbu maħfra b’mod speċjali għall-abbużi kollha li saru f’diversi tipi ta’ istituzzjonijiet immexxija minn reliġjużi u minn membri oħra tal-Knisja. U nitolbu maħfra għall-każi ta’ sfruttament tax-xogħol li għalih ġew imġiegħla joqogħdu tant minuri.

 

Nitolbu maħfra għad-drabi li fihom bħala Knisja, lil dawk li għaddew minn xi forma jew oħra ta’ abbuż, ma offrejnilhomx il-kompassjoni, it-tiftix tal-ġustizzja u l-verità, b’għemil konkret. Nitolbu maħfra.

 

Nitolbu maħfra għal xi membri tal-ġerarkija li ma refgħux ir-responsabbiltà ta’ dawn is-sitwazzjonijiet ta’ wġigħ u li żammew is-silenzju. Nitolbu maħfra.

 

Nitolbu maħfra għat-tfal li ġew mifruda mill-ommijiet tagħhom, u għal dawk id-drabi kollha meta lil tant xebbiet-ommijiet li kienu qed jippruvaw isibu lil uliedhom li minnhom kienu ġew separati, jew lill-ulied li kienu qed ifittxu lil ommhom, kienu jgħidulhom li dan kien dnub mejjet: dan mhux dnub mejjet, hu r-raba’ kmandament. Nitolbu maħfra.

 

Jalla l-Mulej iżomm u jkabbar dan l-istat ta’ regħxa u ta’ ndiema, u jagħtina l-qawwa li nħabirku biex qatt iżjed ma jseħħu dawn l-affarijiet u biex issir ġustizzja. Amen.

 


 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

“Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem! (Ġw 6:68).

 

Fl-għeluq ta’ din il-Laqgħa Dinjija tal-Familji, qed ninġabru bħala familja madwar il-mejda tal-Mulej. Irroddu ħajr lill-Mulej għal tant barkiet li rċivejna fil-familji tagħna. Nixtiequ nħabirku biex ngħixu b’mod sħiħ il-vokazzjoni tagħna li nkunu, skont il-kliem imqanqal ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, “l-imħabba fil-qalb tal-Knisja”.

 

F’dan il-mument għażiż ta’ komunjoni ma’ xulxin u mal-Mulej, tajjeb nieqfu ftit u nqisu x’inhu l-għajn tal-ħwejjeġ tajba kollha li rċivejna. Ġesù fil-Vanġelu tal-lum jurina l-oriġni ta’ dawn il-barkiet, meta jkellem lid-dixxipli tiegħu. Ħafna minnhom kienu mifxula, imħawda u anki rrabbjati, qed itellgħu u jniżżlu jaċċettawx jew le l-“kliem iebes” tiegħu, hekk kuntrarju għall-għerf ta’ din id-dinja. Bi tweġiba, il-Mulej jgħidilhom direttament: “Il-kliem li għidtilkom huwa spirtu u ħajja” (Ġw 6:63).

 

Dawn il-kelmiet, bil-wegħda tagħhom tad-don tal-Ispirtu s-Santu, huma mfawra bil-ħajja għalina li nilqgħuhom bil-fidi. Huma juru l-għajn aħħarija tal-ġid kollu li doqna u ċċelebrajna hawn f’dawn il-jiem: l-Ispirtu ta’ Alla, li l-ħin kollu jonfoħ ħajja ġdida fuq id-dinja, fil-qlub, fil-familji, fid-djar u fil-parroċċi. Kull ġurnata ġdida fil-ħajja tal-familji tagħna, u kull ġenerazzjoni ġdida, iġġib magħha l-wegħda ta’ Pentekoste ġdid, Pentekoste tad-dar, tiswib ġdid tal-Ispirtu, il-Paraklitu, li Ġesù jibgħatilna bħala l-Avukat tagħna, il-Konsolatur tagħna u Dak li tassew jagħtina l-kuraġġ.

 

Kemm għandha bżonn id-dinja ta’ dan l-inkuraġġiment li hu don u wegħda ta’ Alla! Bħala wieħed mill-frott ta’ din iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja tal-familja, tistgħu terġgħu lura fi djarkom u ssiru għajn ta’ inkuraġġiment għall-oħrajn, biex taqsmu magħhom “il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” ta’ Ġesù. Fil-fatt, il-familji tagħkom huma kemm imkien ipprivileġġjat u kemm mezz importanti biex ixxerrdu dawk il-kelmiet bħala “aħbar tajba” għal kulħadd, speċjalment għal dawk li jixtiequ jħallu d-deżert u “dar il-jasar” (ara Ġoż 24:17) biex jimxu lejn l-art imwiegħda tat-tama u tal-ħelsien.

 

Fit-Tieni Qari tal-lum, San Pawl jgħidilna li ż-żwieġ hu sehem fil-misteru tal-fedeltà dejjiema ta’ Kristu lejn għarustu, il-Knisja (ara Efes 5:32). Madankollu dan it-tagħlim, imqar jekk mill-isbaħ, għal xi wħud jista’ jidher “kelma iebsa”. Għax li ngħixu fl-imħabba, kif Kristu ħabb lilna (ara Efes 5:2), jitlob li nsiru nixbhu l-istess sagrifiċċju tiegħu nnifsu, ifisser li mmutu għalina nfusna biex nitwieldu mill-ġdid għal imħabba ikbar u li ttul iktar. Dik l-imħabba li waħidha tista’ ssalva d-dinja mill-jasar tad-dnub, mill-egoiżmu, mir-regħba u mill-indifferenza għall-bżonnijiet ta’ min hu inqas ixxurtjat minna. Din hi l-imħabba li għarafna f’Ġesù Kristu. Hu sar bniedem fid-dinja tagħna permezz ta’ familja, u permezz tax-xhieda tal-familji Nsara f’kull ġenerazzjoni għandu l-qawwa li jġarraf kull ħajt biex iħabbeb mill-ġdid id-dinja ma’ Alla u jagħmel minna dak li minn dejjem konna ddestinati li nkunu: familja waħda ta’ bnedmin li ngħixu flimkien fil-ġustizzja, fil-qdusija, fil-paċi.

 

Il-ħidma tagħna li nagħtu xhieda għal din l-Aħbar it-Tajba mhijiex waħda faċli. Madankollu, l-isfidi li l-Insara llum għandhom quddiemhom lanqas huma inqas diffiċli minn dawk li kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom l-ewwel missjunarji Irlandiżi. Jiġini f’moħħi San Kolumba, li bil-grupp ċkejken ta’ sħabu wassal id-dawl tal-Vanġelu fl-artijiet tal-Ewropa fi żmien mudlam u ta’ dekadenza kulturali. Is-suċċess missjunarju straordinarju tagħhom ma kienx mibni fuq metodi tattiċi jew pjanijiet strateġiċi, le, imma fuq doċilità umli u ħelliesa għas-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu. Kienet ix-xhieda tagħhom ta’ kuljum ta’ fedeltà għal Kristu u bejniethom li rebħet il-qlub imxennqa għal kelma ta’ grazzja u li wasslet għat-twelid mill-ġdid tal-kultura Ewropea. Din ix-xhieda tibqa’ għajn dejjiema ta’ tiġdid spiritwali u missjunarju għall-poplu qaddis u fidil ta’ Alla.

 

Naturalment, dejjem se jkun hemm persuni li jeħduha kontra l-Bxara t-Tajba, li “jmaqamqu” kontra l-“kliem iebes” tagħha. Madankollu, bħal San Kolumba u sħabu, li affrontaw ilmijiet kiesħa silġ u ibħra mqallba biex jimxu wara Ġesù, ejjew ma nħallu qatt tinfluwenzana jew taqtgħalna qalbna l-ħarsa kiesħa tal-indifferenza jew l-irjieħ imqallba tal-ostilità.

 

Madankollu, umilment nagħrfu li, jekk aħna onesti magħna nfusna, nistgħu aħna wkoll insibu iebes it-tagħlim ta’ Ġesù. Kemm hu dejjem diffiċli naħfru lil dawk li jweġġgħuna! Xi sfida dejjiema hi dik li nilqgħu lill-immigranti u l-barranin! Kemm hu ta’ wġigħ il-qalb inġarrbu d-delużjoni, ir-rifjut, it-tradiment! Kemm hu skomdu nipproteġu d-drittijiet tal-iżjed dgħajfa fostna, ta’ dawk li għadhom ma tweldux jew tal-iżjed imdaħħla fiż-żmien, li jidhru li qed itellfu s-sens tagħna ta’ libertà.

 

Madankollu, huwa sewwasew f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Mulej jistaqsina: “Tridux tmorru intom ukoll?” (Ġw 6:67). Bil-qawwa tal-Ispirtu li jagħmlilna l-qalb u bil-Mulej dejjem maġenbna, nistgħu nwieġbu: “Aħna emminna u għarafna li int il-Qaddis ta’ Alla” (v. 69). Mal-poplu ta’ Iżrael, nistgħu ntennu: “Għalhekk aħna wkoll lill-Mulej naqdu, għaliex hu Alla tagħna” (Ġoż 24:18).

 

Bis-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Konfirmazzjoni, kull Nisrani hu mistieden ikun missjunarju, “dixxiplu missjunarju” (ara Evangelii gaudium, 120). Il-Knisja fil-flimkien tagħha hi msejħa “toħroġ” biex twassal il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem lill-periferiji tad-dinja. Jalla ċ-ċelebrazzjoni tagħna tal-lum twettaq lil kull wieħed u waħda minnkom, ġenituri u nanniet, tfal u żgħażagħ, irġiel u nisa, patrijiet u sorijiet, kontemplattivi u missjunarji, djakni u saċerdoti u isqfijiet, fil-ħajja tal-ferħ tal-Vanġelu! Jalla taqsmu l-Vanġelu tal-familja bħala ferħ għad-dinja kollha!

 

Aħna u nħejju ruħna biex issa nerġgħu naqbdu, kull wieħed u waħda, it-triq tiegħu, ejjew inġeddu l-fedeltà tagħna għall-Mulej u għall-vokazzjoni li għaliha sejjaħ lil kull wieħed u waħda. Nagħmlu tagħna t-talba ta’ San Patrizju, u ntennu lkoll bil-ferħ: “Kristu ġo fija, Kristu warajja, Kristu maġenbi, Kristu taħti, Kristu fuqi” [itennih bil-Gaelic]. Bil-ferħ u bil-qawwa li jagħtina l-Ispirtu s-Santu, ejjew illissnuha b’fiduċja: “Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:68).

 

RADD IL-ĦAJR FI TMIEM IL-QUDDIESA

 

Fi tmiem din iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika u din il-Laqgħa Dinjija tal-Familji tassew stupenda, rigal ta’ Alla lilna u lill-Knisja kollha, nixtieq ngħid “grazzi” minn qalbi lil dawk kollha li b’diversi modi kkollaboraw għat-twettiq tagħha. Nirringrazzja lill-Arċisqof Martin u l-Arċidjoċesi ta’ Dublin għall-ħidma ta’ preparazzjoni u organizzazzjoni. Nesprimi gratitudni speċjali għas-sapport u l-għajnuna żgurati mill-Gvern, mill-Awtoritajiet ċivili u minn tant voluntiera, Irlandiżi u minn bosta pajjiżi, li b’ġenerożità offrew ħinhom u t-taħbit tagħhom. B’mod speċjali nixtieq ngħid “grazzi” minn qalbi lill-persuni kollha li talbu għal dan il-Jum: anzjani, tfal, reliġjużi, morda, ħabsin… Jiena ċert li s-suċċess ta’ dan il-Jum nafuh lit-talbiet sempliċi imma perseveranti tagħhom. Grazzi lil kulħadd! Il-Mulej iħallaskom hu!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard