VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FL-IRLANDA GĦAD-IX LAQGĦA DINJIJA TAL-FAMILJI

(25-26 TA’ AWWISSU 2018)

 

FESTA TAL-FAMILJI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Croke Park Stadium (Dublino)

Is-Sibt 25 ta’ Awwissu 2018

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Nirringrazzjakom tal-merħba sabiħa li tajtuni. Kemm hi ħaġa sabiħa li ninsabu hawn! Ħaġa sabiħa li niċċelebraw, għax dan jagħmilna iżjed umani u iżjed Insara. Jgħinna wkoll naqsmu ma’ xulxin il-ferħ tagħna li nafu li Ġesù jħobbna, iseħibna fil-vjaġġ tal-ħajja u ta’ kuljum jiġbidna dejjem iżjed lejh.

 

F’kull ċelebrazzjoni tal-familja, tinħass il-preżenza ta’ kulħadd: missirijiet, ommijiet, nanniet, neputijiet, zijiet, kuġini, min ma setax jiġi u min joqgħod wisq imbiegħed, kulħadd. Illum f’Dublin inġbarna għal ċelebrazzjoni tal-familja b’radd il-ħajr lil Alla għal dak li aħna: familja waħda fi Kristu, imxerrda mad-dinja kollha. Il-Knisja hi l-familja ta’ wlied Alla. Familja fejn nifirħu ma’ dawk li qed jifirħu u nibku ma’ dawk li huma mnikkta jew iħossuhom mgħaffġa fl-art mill-ħajja. Familja fejn nieħdu ħsieb ta’ xulxin, għax Alla Missierna għamilna lkoll uliedu fil-Magħmudija. Għalhekk dejjem inkompli ninkuraġġixxi lill-ġenituri biex jgħammdu lil uliedhom malajr kemm jista’ jkun, biex isiru parti mill-familja kbira ta’ Alla. Hemm bżonn nistiednu lil kulħadd għall-festa, anki lit-tarbija ċkejkna! U għalhekk għandha tiġi mgħammda malajr. U hemm ħaġa oħra: jekk it-tarbija tiġi mgħammda minn ċkunitha, fil-qalb tagħha jidħol l-Ispirtu s-Santu. Ejja nqabblu: tarbija bla Magħmudija, għax il-ġenituri jgħidu: “Le, imbagħad meta tikber”, u tarbija bil-Magħmudija, bl-Ispirtu s-Santu ġewwa fiha: din tkun iżjed b’saħħitha, għax għandha l-qawwa ta’ Alla ġo fiha!

 

Intom, għeżież familji, intom il-parti l-kbira tal-Poplu ta’ Alla. X’dehra kien ikollha l-Knisja mingħajrkom? Knisja ta’ statwi, Knisja ta’ persuni waħidhom… Hu biex tgħinna nagħrfu l-ġmiel u l-importanza tal-familja, bid-dwal u d-dellijiet tagħha, li nkitbet l-Eżortazzjoni Amoris lætitia fuq il-ferħ tal-imħabba, u xtaqt li t-tema ta’ din il-Laqgħa Dinjija tal-Familji tkun “Il-Vanġelu tal-familja, ferħ għad-dinja”. Alla jixtieq li kull familja tkun bħal fanal li jarmi l-ferħ ta’ mħabbtu fid-dinja. Xi jfisser dan? Ifisser li aħna, wara li nkunu ltqajna mal-imħabba ta’ Alla li ssalva, nippruvaw, bil-kliem jew mingħajru, nuruha permezz ta’ ġesti ċkejkna ta’ tjieba fir-rutina ta’ kuljum u fil-mumenti l-iżjed sempliċi tal-ġurnata.

 

U dan x’jissejjaħ? Jissejjaħ qdusija. Nieħu pjaċir nitkellem fuq il-qaddisin “tal-bieb ta’ maġenbna”, fuq dawk il-persuni komuni kollha li jirriflettu l-preżenza ta’ Alla fil-ħajja u l-istorja tad-dinja (ara Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 6-7). Il-vokazzjoni għall-imħabba u għall-qdusija mhix xi ħaġa riservata biss għall-ftit ipprivileġġjati, le. Imqar issa, jekk għandna għajnejn biex naraw, nistgħu nilmħuha madwarna. Hi preżenti b’mod silenzjuż fil-qalb ta’ dawk il-familji kollha li joffru mħabba, maħfra, ħniena meta jaraw li jkun hemm bżonnhom, u dan jagħmluh trankwillament, bla daqq tat-trombi. Il-Vanġelu tal-familji hu tabilħaqq ferħ għad-dinja, ladarba hemm, fil-familji tagħna, lil Ġesù dejjem nistgħu nsibuh; hemm jgħammar fis-sempliċità u l-faqar, kif għamel fid-dar tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret.

 

Iż-żwieġ Nisrani u l-ħajja tal-familja nistgħu nifhmuhom fil-ġmiel u l-attrazzjoni kollha tagħhom jekk ikunu ankrati fl-imħabba ta’ Alla, li ħalaqna xbieha tiegħu, biex aħna nistgħu nagħtuh glorja billi nkunu ikoni ta’ mħabbtu u tal-qdusija tiegħu fid-dinja. Missirijiet u ommijiet, nanniet, ulied u neputijiet: ilkoll, ikoll aħna msejħin insibu, fil-familja, il-milja tal-imħabba. Il-grazzja ta’ Alla tgħinna ta’ kuljum biex ngħixu b’qalb waħda u ruħ waħda. Anki l-kunjati u n-nisa tat-tfal! Ħadd mhu jgħid li hu faċli, intom dan tafuh aħjar minni. Dan bħal meta tipprepara te: faċli tgħalli l-ilma, imma tazza tat-te tajba titlob il-ħin u s-sabar; hemm bżonn inħallu t-te jerħi! Hekk, jum wara l-ieħor Ġesù jsaħħanna fi mħabbtu u jagħmel mod li din l-imħabba tidħol f’dak kollu li aħna. Mit-teżor tal-Qalb Imqaddsa tiegħu, isawwab fuqna l-grazzja li neħtieġu biex ifejjaq il-mard tagħna u jiftħilna moħħna u qalbna ħalli nistgħu nisimgħu, nifhmu u naħfru lil xulxin.

 

Għadna kemm smajna x-xhieda ta’ Felicité, Isaac u Ghislain, li ġejjin mill-Burkina Faso. Irrakkuntawlna storja kommoventi ta’ maħfra fil-familja. Il-poeta kien iħobb jgħid illi “li tiżbalja hu uman, li taħfer hu divin”. U dan hu minnu: il-maħfra hi don speċjali ta’ Alla li jfejjaq il-ġrieħi tagħna u jqarribna lejn xulxin. Ġesti żgħar u sempliċi ta’ maħfra, imġedda ta’ kuljum, huma l-bażi li fuqha nistgħu nibnu ħajja soda tal-familja Nisranija. Iġagħluna negħlbu l-kburija, id-distakk u l-biża’ li nagħmlu paċi. Ħafna drabi nkunu rrabbjati għal xulxin u nkunu nixtiequ nagħmlu paċi, imma ma nkunux nafu kif. Noqogħdu lura milli nagħmlu paċi, anki jekk inkunu rridu nagħmluha! Mhix ħaġa daqshekk diffiċli. Faċli. Żegħila, u l-paċi ssir! Hu minnu, nieħu pjaċir ngħid li fil-familji għandna bżonn nitgħallmu tliet kelmiet – int [Ghislain] għidthom tliet kelmiet: “skużani”, “jekk jogħġbok” u “grazzi”. Tliet kelmiet. Liema kienu t-tliet kelmiet? Kulħadd: [Sorry, please, thank you] Mill-ġdid: [Sorry, please, thank you] M’iniex nisma’… [Sorry, please, thank youThank you very much! Meta jkollok xi tgħid id-dar, kun ċert li qabel ma tidħol torqod tkun tlabt skuża u tkun għidt li ddispjaċiek. Qabel tintemm il-ġurnata, agħmel paċi. U tafu għaliex hu meħtieġ nagħmlu paċi qabel ma tintemm il-ġurnata? Għax jekk ma tagħmilx il-paċi, l-għada, il-“gwerra bierda” tkun perikuluża ħafna! Attenti mill-gwerra bierda fil-familja! Imma forsi xi drabi int tkun irrabbjat u tħossok ittentat tmur torqod f’xi kamra oħra, maqtugħ għalik waħdek; jekk tħossok hekk, sempliċiment ħabbat fuq il-bieb u għid: “Jekk jogħġbok, nista’ nidħol?”. Kulma hemm bżonn hi ħarsa, bewsa, kelma ħelwa… u kollox jerġa’ lura għal kif kien qabel! Qed ngħid dan għax, meta l-familji jagħmlu hekk, jirnexxielhom jibqgħu għaddejjin. Ma teżistix familja perfetta; mingħajr id-drawwa tal-maħfra, il-familja tikber marida u naqra naqra tiġġarraf.

 

Taħfer ifisser tagħti xi ħaġa minnek innifsek. Ġesù dejjem jaħfrilna. Bil-qawwa tal-maħfra tiegħu, aħna wkoll nistgħu naħfru lill-oħrajn, jekk verament inkunu rridu. Mhux għal dan nitolbu meta ngħidu l-Missierna? L-ulied jitgħallmu jaħfru meta jaraw lill-ġenituri jaħfru lil xulxin. Jekk nifhmu dan, nistgħu napprezzaw il-kobor tat-tagħlim ta’ Ġesù dwar il-fedeltà fiż-żwieġ. Dan mhuwiex xi obbligu legali kiesaħ, imma fuq kollox hi wegħda qawwija tal-fedeltà ta’ Alla nnifsu għall-kelma tiegħu u għall-grazzja tiegħu bla qies. Kristu miet għalina biex aħna, min-naħa tagħna, nistgħu naħfru lil xulxin u nitħabbu mill-ġdid ma’ xulxin. Hekk, bħala persuni u bħala familji, nitgħallmu nifhmu l-verità ta’ dawk il-kelmiet ta’ San Pawl: waqt li kollox jgħaddi, “l-imħabba ma tintemm qatt” (1 Kor 13:8).

 

Grazzi, Nisha u Ted, tax-xhieda tagħkom mill-Indja, fejn qed tgħallmu lil uliedkom kif tkunu vera familja. Għentuna wkoll nifhmu li l-midja soċjali mhux bilfors hi problema għall-familji, imma tista’ tagħti kontribut biex tibni “xibka” ta’ ħbiberiji, solidarjetà u għajnuna reċiproka. Il-familji jistgħu jikkollegaw ma’ xulxin permezz tal-internet u dan ikunilhom ta’ ġid. Il-midja soċjali tista’ tkun ta’ ġid jekk tintuża b’moderazzjoni u prudenza. Ngħidu aħna, intom, li qed tieħdu sehem f’din il-Laqgħa Dinjija tal-Familji, qed tiffurmaw “xibka” spiritwali, nisġa ta’ ħbiberija; u l-midja soċjali tista’ tgħinkom iżżommu din ir-rabta u twessgħuha għal familji oħra f’tant partijiet tad-dinja. Madankollu, importanti li dawn il-mezzi ma jsiru qatt theddida għax-xibka vera ta’ relazzjonijiet tad-demm u l-laħam, għax iżommuna lsiera f’realtà virtwali u jiżolawna mir-relazzjonijiet konkreti li jqanqluna biex noħorġu l-aħjar minna nfusna f’komunjoni mal-oħrajn. Forsi l-istorja ta’ Ted u Nisha tista’ tgħin lill-familji kollha biex jistaqsu lilhom infushom jekk hemmx bżonn inaqqsu mill-ħin li jqattgħu fuq dawn il-mezzi teknoloġiċi, u għandhomx jgħaddu iktar ħin ta’ kwalità bejniethom u ma’ Alla. Imma meta int tuża żżejjed il-midja soċjali, int “tidħol fl-orbita”. Meta, fuq il-mejda, flok nitkellmu bħala familja, kulħadd joqgħod bil-mowbajl f’idejh f’kollegament ma’ barra, ikun “fis-sħab”. U dan hu perikuluż. Għaliex? Għax jisraq dak li hu konkret fil-familja u jwasslek għal ħajja “fl-arja”, bla konsistenza. Iftħu għajnejkom minn dan. Ftakru fl-istorja ta’ Ted u Nisha, li jgħallmuna nużaw tajjeb il-midja soċjali.

 

Smajna mingħand Enass u Sarmaad kif l-imħabba u l-fidi fil-familja jistgħu jkunu għejun ta’ qawwa u ta’ paċi saħansitra qalb il-vjolenza u l-qerda, ikkawżati mill-gwerra u l-persekuzzjoni. L-istorja tagħhom teħodna fis-sitwazzjonijiet traġiċi li ta’ kuljum qed isofru tant familji mġiegħla jħallu djarhom u jfittxu s-sigurtà u l-paċi. Imma Enass u Sarmaad urewna wkoll kif, ibda mill-familja u grazzi għas-solidarjetà li juru ħafna familji, il-ħajja tista’ terġa’ tinbena u t-tama tista’ titwieled mill-ġdid. Rajna dan is-sapport fil-vidjo ta’ Rammy u ħuh Meelad, fejn Rammy esprima gratitudni profonda għall-inkuraġġiment u għall-għajnuna li l-familja tagħhom irċiviet minn tant familji oħra Nsara mid-dinja kollha, li għamluha possibbli għalihom li jirritornaw fl-irħula tagħhom. F’kull soċjetà l-familji jnisslu l-paċi, għax jgħallmu l-imħabba, l-akkoljenza, il-maħfra, l-aħjar mediċina kontra l-mibegħda, il-preġudizzju u l-vendetta li javvelenaw il-ħajja ta’ persuni u ta’ komunitajiet.

 

Kif għallem qassis bravu Irlandiż, “il-familja li titlob flimkien, tibqa’ flimkien”, u minnha jilma s-sliem. Familja bħal din tista’ tkun ta’ għajnuna speċjali għal familji oħra li mhumiex jgħixu fis-sliem. Wara l-mewt ta’ Padre Ganni, Enass, Sarmaad u l-familji tagħhom għażlu l-maħfra u r-rikonċiljazzjoni flok il-mibegħda u l-korla. Għad-dawl tas-Salib, raw li l-ħażen jingħeleb biss bit-tajjeb u l-mibegħda tintrebaħ biss bil-maħfra. B’mod kważi inkredibbli, kienu kapaċi jsibu l-paċi fl-imħabba ta’ Kristu, imħabba li ġġedded kollox. U llejla qed jaqsmu din il-paċi magħna. Talbu. It-talb, li titlob flimkien. Jiena u nisma’ l-kor, rajt hemm waħda omm li kienet qed tgħallem lil binha jagħmel is-sinjal tas-salib. Nistaqsikom: intom lil uliedkom tgħallmuhom iroddu s-salib? Iva jew le? [Yes] Jew qed tgħallmuhom jagħmlu xi ħaġa hekk [jagħmel ġest mgħaġġel], li ħadd ma jifhem xi jkun? Importanti ħafna li t-tfal minn ċkunithom jitgħallmu jagħmlu tajjeb is-sinjal tas-salib: hu l-ewwel Kredu li jitgħallmu, l-Istqarrija tal-Fidi fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu s-Santu. Illejla, qabel tmorru torqdu, intom il-ġenituri staqsu lilkom infuskom: qed ngħallem lil uliedi jagħmlu tajjeb is-sinjal tas-salib? Aħsbu ftit, din ħaġa tagħkom!

 

L-imħabba ta’ Kristu li ġġedded kollox hi dak li jagħmel possibbli ż-żwieġ u mħabba konjugali li tingħaraf mill-fedeltà, l-indissolubbiltà, l-għaqda u l-ftuħ għall-ħajja. Dan hu li naraw fir-raba’ kapitlu tal-Amoris lætitia. Din l-imħabba rajnieha f’Mary u Damian u fil-familja tagħhom b’għaxart ulied. Nistaqsikom [idur fuq Mary u Damian]: jirrabbjawkom, uliedkom? Eħ, hekk sejra l-ħajja! Imma kemm hi ħaġa sabiħa jkollok għaxart itfal. Thank you. Grazzi tal-kelmiet tagħkom u tax-xhieda tagħkom ta’ mħabba u ta’ fidi! Intom doqtu l-ħila li għandha l-imħabba ta’ Alla li tibdel għalkollox il-ħajja tagħkom u li tberikkom bil-ferħ ta’ familja sabiħa. Għidtulna li l-muftieħ għall-ħajja tagħkom tal-familja hu s-sinċerità. Mir-rakkont tagħkom nistgħu nifhmu kemm hu importanti li nkomplu mmorru għand dik l-għajn tal-verità u tal-imħabba li tista’ tibdel il-ħajja tagħna. Min hu? Ġesù, li nieda l-ministeru pubbliku tiegħu proprju f’festa ta’ tieġ. Hemm, f’Kana, bidel l-ilma fi nbid ġdid u bnin li grazzi għalih setgħet tkompli bil-kbir dik iċ-ċelebrazzjoni ta’ ferħ. Imma, qatt ħsibtuh dan, x’kien jiġri kieku Ġesù ma għamilx hekk? Qatt ħsibtu kemm hi ħaġa kerha tispiċċa festa ta’ tieġ bl-ilma biss? Kerha! Il-Madonna fehmet u lil Binha qaltlu: “M’għandhomx inbid”. U Ġesù fehem li l-festa kienet se tispiċċa ħażin bl-ilma biss. L-istess jiġrilha l-imħabba fiż-żwieġ. L-inbid il-ġdid jibda jiffermenta tul iż-żmien tal-għerusija, meħtieġ imma li jgħaddi, u jimmatura matul il-ħajja taż-żwieġ f’don reċiproku ta’ xulxin, li lill-miżżewġin jagħmilhom kapaċi jsiru, minn tnejn, “ġisem wieħed”. U anki li min-naħa tagħhom imbagħad jiftħu l-qlub tagħhom għal min għandu bżonn tal-imħabba, speċjalment għal min hu waħdu, abbandunat, dgħajjef u, għax vulnerabbli, hu spiss imwarrab mill-kultura tal-iskart. Din il-kultura li qed ngħixu fiha llum, li tarmi kollox: tarmi dak kollu li ma għandhiex bżonn, tarmi t-trabi għax idejquha, tarmi l-anzjani għax m’għandhiex x’tambihom… L-imħabba biss tista’ ssalvana minn din il-kultura tal-iskart.

 

Il-familji kullimkien huma msejħa jkomplu jikbru u jimxu ’l quddiem, imqar qalb id-diffikultajiet u l-limiti, proprju kif għamlu l-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija. Ilkoll aħna parti minn katina kbira ta’ familji, li tmur lura sal-bidu taż-żminijiet. Il-familji tagħna huma teżori ħajjin ta’ memorja, bl-ulied li min-naħa tagħhom isiru ġenituri u mbagħad nanniet. Minnhom nirċievu l-identità, il-valuri u l-fidi. Dan rajnieh f’Aldo u Marissa, miżżewġin għal iktar minn ħamsin sena. Iż-żwieġ tagħhom hu monument lill-imħabba u l-fedeltà! In-neputijiet tagħhom iżommuhom żgħażagħ; id-dar tagħhom mimlija bl-allegrija, bil-ferħ u biż-żfin. Kemm ħadt pjaċir nara [fil-vidjo] lin-nanna tgħallem jiżfnu lin-neputijiet ċkejknin tagħha! L-imħabba tagħhom lejn xulxin hi don ta’ Alla, don li qed jgħadduh bil-ferħ lil uliedhom u n-neputijiet.

 

Soċjetà – isimgħuha tajjeb din! – soċjetà li ma tistmax in-nanniet hi soċjetà bla futur. Knisja li m’għandhiex għal qalbha l-patt bejn il-ġenerazzjonijiet jispiċċa jonqosha dak li jiswa tassew, l-imħabba. In-nanniet tagħna jgħallmuna t-tifsira tal-imħabba konjugali u ġenitorjali. Huma stess kibru f’familja u daqu l-affett tal-ulied, tal-aħwa. Għalhekk huma teżor ta’ esperjenza, teżor ta’ għerf għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Ikun żball kbir li ma nistaqsux lill-anzjani dwar l-esperjenzi tagħhom jew naħsbu li nkunu naħlu l-ħin nitkellmu magħhom. F’dan ir-rigward nixtieq nirringrazzja lil Missy tax-xhieda tagħha. Hi qaltilna li, fost in-nomadi, il-familja dejjem hi għajn ta’ qawwa u ta’ solidarjetà. Ix-xhieda tagħha tfakkarna li, fid-dar ta’ Alla, hemm post għal kulħadd madwar il-mejda. Ħadd ma għandu jitħalla barra; l-imħabba u l-attenzjoni tagħna għandhom jitwessgħu għal kulħadd.

 

Sar il-ħin u għejejtu! Anki jien! Imma ħalluni ngħidilkom ħaġa tal-aħħar. Intom, il-familji, intom it-tama tal-Knisja u tad-dinja! Alla, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, ħalaq l-umanità fuq is-sura u x-xbieha tiegħu biex jagħtiha sehem minn imħabbtu, biex tkun familja ta’ familji u tgawdi mill-paċi li hu biss jista’ jagħti. Bix-xhieda tagħkom tal-Vanġelu, tistgħu tgħinu lil Alla jwettaq il-ħolma tiegħu. Tistgħu tagħtu sehemkom biex tqarrbu lejn xulxin lill-ulied kollha ta’ Alla, biex jikbru fl-għaqda u jitgħallmu xi jfisser għad-dinja kollha li tgħix fil-paċi bħal familja waħda kbira. Għalhekk, xtaqt nagħti lil kull waħda minnkom kopja tal-Amoris lætitia, imħejjija fiż-żewġ Sinodi dwar il-familja u miktuba biex tkun bħal gwida għal min jixtieq jgħix bil-ferħ il-Vanġelu tal-familja. Marija, l-Omm tagħna, Sultana tal-familja u tal-paċi, tweżinkom ilkoll fil-vjaġġ tal-ħajja, tal-imħabba u tal-hena!

 

U issa, fl-għeluq tas-serata tagħna, ejjew ngħidu t-talba ta’ din il-Laqgħa tal-Familji. Ilkoll flimkien ngħidu t-talba uffiċjali tal-Laqgħa tal-Familji: [applawsi kbar]

 

God, our Father, …

 

Talba u Barka (bl-Ingliż)

 

Il-lejl it-tajjeb, orqdu tajjeb! U għal għada!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard