VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FL-IRLANDA GĦAD-IX LAQGĦA INTERNAZZJONALI TAL-FAMLJI

(25-26
ta’ AWWISSU, 2018)

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, IS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISCKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Kastell ta’ Dublin
Is-Sibt, 25 ta’ Awwissu, 2018

 

 

Taoiseach (Prim Ministru),
Membri
tal-Gvern u tal-Korp Diplomatiku,
Si
njuri,

fil-bidu taż-żjara tiegħi fl-Irlanda, jien grat għall-istedina li saritli biex nindirizza din il-miġemgħa distinta, li tirrappreżenta l-ħajja ċivili, kulturali u reliġjuża tal-Pajjiż, flimkien mal-Korp Diplomatiku u l-mistednin l-oħra.  Irrodd ħajr għall-akkoljenza ta’ ħbiberija li sibt mill-President ta-Irlanda li tirrifleteti t-tradizzjoni tal-ospitalità kordjali li għaliha l-Irlandiżi huma magħrufin mad-dinja kollha.  Nappreżża wkoll il-preżenza tad-delegazzjoni mill-Irlanda ta’ Fuq. Irrodd ħajr lill-Prim Ministru għad-diskors li ndirizzali.

Kif tafu, ir-raġuni ta’ din iż-żjara hi li nieħu sehem fil-Laqgħa Dinjija tal-Familji, li dis-sena qed issir f’Dublin.  Fil-fatt, il-Knisja hi familja ta’ familji, u tħoss il-ħtieġa li ssostni lill-familji fl-isforz tagħhom li bil-fedeltà u bil-ferħ iwieġbu għall-vokazzjoni mogħtija lilhom minn Alla u mis-soċjetà.  Għall-familji, din il-Laqgħa hi opportunità mhux biss biex jaffermaw l-impenn tagħhom tal-fedeltà ta’ mħabbithom, biex jgħinu lil xulxin u jirrispettaw is-sagralità tar-rigal divin tal-ħajja fl-għamliet kollha tagħha, iżda wkoll biex jagħtu xhieda tar-rwol uniku li għandna l-familja fl-edukazzjoni tal-membri tagħha u fl-iżvilupp sân u li jwarrad tan-nisġa soċjali.

Nieħu gost inħares lejn dil-Laqgħa Dinjija tal-Familji bħala xhieda profetika tal-patrimonju għani tal-valuri etiċi u spiritwali, li hu dmir ta’ kull ġenerazzjoni li tħares u tipproteġi.  M’hemmx għalfejn tkun profeta biex tinduna liema huma d-diffikultajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-familji fis-soċjetà moderna li qed tiżviluppa b’rata mgħaġla, jew biex titħasseb qatigħ dwar l-effetti li inevitabbilment iġib miegħu f’kull livell it-taqlib fil-ħajja taż-żwieġ, għall futur tal-komuntajiet tagħna.  Il-familja hi l-kolla li żżomm magħquda s-soċjetà; il-ġid tagħha ma jistax jitqies “for granted”, iżda jeħtieġ li jitmexxa’ l quddiem u jitħares b’kull mezz addattat.

Huwa fil-familja li kull wieħed u waħda minna għamel l-ewwel passi ta’ ħajtu.  Hemmhekk tgħallimna ngħejxu mal-oħrajn fl-armonija, nikkontrollaw l-istinti egoistiċi tagħna, nirrikonċiljaw id-diversitajiet u, fuq kollox, niddixxernu u nfittxu dawk il-valuri li jagħtu tifsira atwentika u milja lill-ħajja.  Jekk nitkellmu dwar id-dinja kollha bħala familja waħda, dan għaliex bir-raġun kollu aħna nagħrfu r-rabtiet tal-umanità komuni tagħna u “naqraw” is-sejħa għall-għaqda u s-solidarjetà, speċjalment rigward ħutna l-aktar dgħajfa.  Madankollu, wisq spiss, inħossuna bla saħħa quddiem il-ħażen li ma jaqta’ xejn tal-mibgħeda razzista u etnika, quddiem kunflitti u vjolenza lli jiddiżorjentawk, quddiem id-disprezz tad-dinjità umana u tad-drittijiet fundamentali u tal-qasma dejjem tikber bejn l-għonja u l-fqar.  Kemm għandna bżonn nirkupraw, f’kull qasam tal-ħajja politika u soċjali, is-sens li aħna nkunu verament familja ta’ popli!  U li qatt ma jonqsu fina t-tama u l-kuraġġ li nipperseveraw fl-imperattiv morali li nkunu operaturi tal-paċi, rikonċiljaturi u ħarriesa ta’ xulxin.

Hawn fl-Irlanda din l-isfida għandha sejħa partikolari minħabba l-kunflitt twil li fired lill-aħwa ta’ familja waħda.  Għoxrin sena ilu, il-komunità internazzjonali kient segwiet b‘attenzjoni l-avvenimenti fl-Irlanda ta’ Fuq, li wasslu għall-firma tal-”Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira”.  Il-Gvern Irlandiż, f’għaqda mal-kapijiet politiċi, reliġjużi  u ċivili tal-Irlanda ta’ Fuq u tal-Gvern Britanniku, bl-appoġġ ta’ mexxejja dinjin oħra, taw ħajja lil kuntest dinamiku bl-għan li jitranġa paċifikament kunflitt li kien nissel tbatijiet kbar fuq iż-żewġ naħat.  Nistgħu nkunu grati għall-għoxrin sena ta’ paċi li ġew wara dak il-ftehim sotriku, filwaqt li nesprimi t-tama soda li l-proċess tal-paċi jegħleb kull ostakliu li għad hemm u jiffavorixxi t-twelid ta’ armonija futura, rikonċiljazzjoni u fiduċja reċiproka.

L-Evanġelju jfakkarna li l-vera paċi fl-aħħar mill-aħħar hi rigal ta’ Alla; jalla tnixxi mill-qlub imfejqa u rikonċiljati u tinfirex sa ma’ tħaddan lid-dinja kollha.  Imma dan jitlob ukoll min-naħa tagħna, konverżjoni bla waqfien, l-għajn ta’ dawk ir-riżorsi spiritwali meħtieġa biex tinbena soċjetà verament solidali, ġusta u għas-servizz tal-ġid komuni.  Mingħajr fan il-pedament spiritwali, l-ideal ta’ familja dinjija tan-nazzjonijiet tirriskja li tkun xejn aktar minn clichè vojt.  Nistgħu ngħidu li l-mira li niġġeneraw prosperità ekonomika jew finanzjarja, minnha nfisha titlob ordni soċjali aktar ġust u ekwu?  Minflok, jista’ jkun li t-tkabbir tal-kultura tal-iskart, materjalistika, fil-fatt għamlitna dejjem aktar indifferenti lejn il-foqra u lejn il-membri l-anqas imħarsa tal-familja umana, inklużi dawk mhux imwielda, li jiċċaħdilhom id-dritt tal-ħajja?  Forsi l-isfida li l-aktar tipprovoka l-kuxjenzi tagħna hi l-kriżi migratorja bla qies, li mhix se tgħib u li s-soluzzjoni għaliha tesiġi dehen, xenarju sħiħ ta’ kif inħarsu lejha u preokkupazzjoni umanitarja li tmur ħafna lil hinn mid-deċiżjonijiet politiċi li jaraw biss l-immedjat.  Jien konxju sewwa ta xinhi l-kundizjoni ta’ ħutna l-aktar vulnerabbli – qed naħseb seċjalment fin-nisa u t-tfal li fl-imgħoddi batew minħabba sitwazzjojnijiet ta’ diffikultajiet partikolari; u fl-orfni ta’ dak iż-żmien.  Meta nqis ir-realtà tal-aktar vulnerabbli, ma nistax ma nagħrafx l-iskandlu gravi tal-abbużi fuq il-minuri min uħud mill-membri tal-Knisja inkarigati biex iħarsuhom u jedukawhom, fl-Irlanda.  Għadhom jidwu f’qalbi l-kliem li qaltli s-Sinjura Ministru tal-Infanzja fl-ajruport.  Grazzi.  Irrodilha ħajr għal dak il-kliem.  Il-falliment tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi - isqfijiet, superjuri reliġjużi, saċerdoti u oħrajn – li ma affrontawx kif jixraq dawn il-krimini diżgustanti bir-raġun qajmu stmerrija u għadhom kawża ta’ tbatija u mistħija għall-komunità kattolika.  Jiena stess naqsam magħhom dawn is-sentimenti.  Il-predeċessur tiegħi, il-Papa Benedittu, ma qagħadx lura fi kliemu biex jagħraf il-gravità tas-sitwazzjoni u jesiġi li jittieħdu miżuri “veramnet evanġeliċi, ġusti u effikaċi” bi tweġiba għal dan it-tradiment tal-fiduċja (Ittra Pastorali lill-Kattoliċi tal-Irlanda, 10).  L-intervent tiegħu miftuh u deċiż għandu jservi bħala inċentiv għall-isforzi tal-awtoritajiet ekkleżjali biex jirmedjaw l-iżbalji tal-passat u jqegħedu fis-seħħ regoli iebsa bl-għan li jiżguraw li ma jerġgħux isiru.  Aktar qrib, f’Ittra lill-Poplu t’Alla, jien tennejt l-impenn, anzi, impenn akbar,  biex ikun eliminat dan il-flaġell mill-Knisja; jiswa x’jiswa, moralment u sofferenza.

Infatti kull tifel u tifla huma rigal prezzjuż ta’ Alla li għandu jitħares, ikun inkoraġġit biex jiżviluppa d-doni tiegħu u mmexxi lejn maturità spiritwali u l-milja umana.  Il-Knisja fl-Irlanda, fil-passat u fil-preżent, kellha rwol importanti biex tippromwovi l-ġid tat-tfal, ħaġa li ma tistax tittabba’.  Hi tama kbira tiegħi li l-gravità tal-iskandli tal-abbużi, li tellgħu fil-wiċċ in-nuqqasijiet ta’ bosta, iservi biex nenfasiżżaw l-importanza tal-ħarsien tal-minuri u tal-adulti vulnerabbli min-nisġa tas-soċjetà kollha kemm hi.  F’das-sens ilkoll kemm aħna nagħrfu sewa kemm hi urġenti l-ħtieġa li noffru liż-żgħażagħ akkumpanjament mimli dehen u valuri sani tul il-mixja tagħhom huma w jikbru.

 

Għeżież ħbieb,

kważi disgħin sena ilu s-Santa Sede kienet waħda mill-ewwel istituzzjonijiet internazzjonali li tat għarfien lill-Istat Ħieles tal-Irlanda.  Dik l-inizjattiva kienet il-bidu ta’ bosta snin ta’ armonija u kollaborazzjoni dinamika, b’waqt wieħed meta għaddiet sħaba fuq ix-xefaq.  Reċentement, sforzi qawwija ta’ rieda tajba taw kontribut ta’ tifsir kbir għat-twaqqif mill-ġdid ta’ dawk ir-relazzjonijiet ta’ ħbiberija b’vantaġġ reċiproku għal kulħadd.

Il-ħjut ta’ dik l-istorja jeħduna lura aktar minn elf u ħamesmitt sena ilu, meta l-messaġġ nisrani, bil-predikazzjoni ta’ Palladju u Patrizju, sabet darha fl-Irlanda u saret parti sfiqa tal-ħajja u tal-kultura Irlandiża.  Bosta “qaddisin u studjużi” ħassewhom ispirati biex iħallu dawn ix-xtut u jieħdu l-fidi ġdida f’atijiet oħra.  Sal-lum l-ismijiet ta’ Kolumba, Kolumbanu, Briġida, Gallo, Killian, Brendan u ħafna oħrajn  jingħataw ġieħ fl-Ewropa u lil hinn minnha.  F’dil-gżira, il-monakiżmu, għajn ta’ ċiviltà u kreattività artistika, kiteb paġna mlewwna fl-istorja tal-Irlanda u tad-dinja.

Illum, bħal fl-imgħoddi, irġiel u nisa li jgħejxu f’dal-pajjiż jagħmlu ħilithom biex jgħanu l-ħajja tan-nazzjon bl-għerf miksub mill-fidi.  Anki fl-aktar siegħat mudlama tal-Irlanda, huma sabu fil-fidi l-għajn ta’ dak il-kuraġġ u ta’ dak l-impenn li huma indispensabbli biex jgħaġnu futur ta’ libertà u dinjità, ġustizzja u solidarjetà.  Il-messaġġ nisrani kien parti integrali ta’ din l-esperjenza u ta forma lil-lingwaġġ, lill-ħsieb u lill-kultura tan-nies ta’ dil-gżira.

Nitlob sabiex filwaqt li tisma’ l-polifonija tad-diskussjoni politko/soċjali li għaddejja bħalissa, l-Irlanda ma tinsiex il-melodiji vibranti tal-messaġġ nisrani, li rifduha fil-passat u jistgħu jkomplu jagħmlu dan fil-futur.

B’dawn il-ħsibijiet, ninvoka minn qalbi fuqkom u fuq il-poplu maħbub tal-Irlanda, il-barkiet divini tad-dehen, tal-ferħ u tal-paċi.  Grazzi.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber