Intervista ma’ Papa Franġisku li saritlu mill-patrijiet Ġiżwiti: P. Ulf Jonsson,  editur tar-rivista kulturali tal-Ġiżwiti fl-Isvezja Signum u P. Antonio Spadaro taċ-Civilta’ Cattolica.  L-intervista sħiħa dehret fit-28 ta’ Ottubru, 2016, lejlet iż-Żjara tal-Papa fl-Isvezja għaċ-ċelebrazzjoni ekumenika tal-500 sena tar-Riforma. Il-Papa jispjega r-raġuni eżatt tal-Viżta tiegħu ekumenika u x’jixtieq minnha.  Huwa jitkellem ukoll dwar diversi problemi oħra tal-Knisja llum, il-vjolenza f’isem ir-reliġjon, il-valur tar-reliġjon fil-ħajja tal-bniedem u fil-ħajja pubblika u x-xhieda li l-insara, ukoll meta huma ftit, għandhom jagħtu llum l-aktar b’ħajjithom.

Santita’, fil-31 t’Ottubru inti ser iżżur Lund u Malmö biex tieħu sehem fit-Tifkira ekumenika tal-500 sena tar-Riforma, organiżżata mill-Federazzjoni Luterana Dinjija u mill-Kunsill Pontifiċju għall-Għaqda tal-Insara.  Liemu huma t-tamiet tiegħek u x’inti tistenna minn dan l-avveniment storiku?

Kelma waħda tiġini f’moħħi li ngħid: Nersaq qrib.  It-tama u l-mistennija tiegħi huma dawk li nkun eqreb aktar lejn ħuti kollha.  Li tkun qrib jagħmel tajjeb lil kulħadd.  Id-distanza, min-naħa l-oħra tmarradna.  Meta nitbegħedu minn xulxin, inkunu ningħalqu fina nfusna, nibqgħu weħidna, ma nkunux kapaċi li niltaqgħu.  Nintrebħu mill-beżgħat.  Jeħtieġ nitgħallmu noħorġu minna nfusna biex niltaqgħu mal-oħrajn.  Jekk ma nagħmlux hekk, anke aħna l-insara, nimirdu bil-marda tal-firda.  Dak li qed nistenna hu li jirnexxielna nagħmlu pass li jqarribna aktar lejn xulxin, li nkun eqreb lejn ħuti li jgħixu fl-Isvezja.

Fl-Argentina, il-Luterani huma komunita’ tassew żgħira.  Inti sibt mod kif fl-imgħoddi tagħmel kuntatti diretti magħhom?

Iva, suffiċjenti.  Niftakar l-ewwel darba li mort fi knisja luterana: dan kien fis-sede ewlenija fl-Argentina, fil-post imsejjaħ Esmeralda, fi Buenos Aires.  Kelli 17-il sena.  Niftakar sewwa dak il-jum.  Kien hemm sieħbi tax-xogħol, Alex Bachmann, li kien ser jiżżewweġ.  Hu kien jiġi z-ziju tat-teologa luterana Mercedes Garcia Bachmann.  U wkoll omm Mercedes, Ingrid, li kienet taħdem fl-istess laboratorju fejn kont naħdem jien. 

Dik kienet l-ewwel darba li kont preżenti f’ċelebrazzjoni luterana.  It-tieni darba kienet esperjenza aktar qawwija.  Aħna l-Ġiżwiti għandna Fakulta’ tat-Teoloġija f’San Miguel, fejn jien kont ngħallem.  Qrib hemmhekk, inqas minn 10 km ‘l bogħod, kien hemm il-Fakulta’ Teoloġika Luterana.  Ir-rettur kien Ungeriż, Leskò Béla, li kien tassew raġel serju.  Miegħu kelli relazzjonijiet tassew tajbin.  Jien kont professur u kelli l-kattedra tat-Teoloġija Spiritwali.  Jien stedint il-professur tat-Teoloġija Spiritwali ta’ dik il-Fakulta’ li kien wieħed Svediż, Anders Ruuth, biex flimkien nagħtu lezzjoni ta’ spiritwalita’.  Niftakar li dak kien mument diffiċli ħafna tassew għalija.  Jien kelli fiduċja ħafna fih u ftaħt qalbi miegħu.  Huwa kien għeni ħafna f’dak il-waqt.  Wara kien mibgħut il-Brazil – kien jaf sewwa l-Portugiż – u wara reġa’ lura l-Isvezja.  Hemm huwa xandar it-teżi tiegħu dwar “Il-Knisja Universali tas-Saltna t’Alla” li kienet nibtet fil-Brazil fis-snin sebgħin.  Kienet teżi kritika.  Huwa kien kitibha bl-Isvediż imma kellu kapitlu bl-Ingliż.  Bagħatli kopja u qrajt il-kapitlu bl-Ingliż: kien ġawhra.   Imbagħad għadda ż-żmien...  F’dan iż-żmien jien sirt isqof awżiljarju ta’ Buenos Aires.  Darba waħda, l-Arċisqof Primat ta’ Uppsala ġie jżurni fid-dar tal-isqof u l-kardinal Quarracino ma kienx hemm.  Huwa stedinni għal quddiesa tagħhom fil-post imsejjaħ Azopardo, fil-Knisja ta’ Fuq ta’ Buenos Aires, li qabel kienet tissejjaħ “Knisja Svediża.  Miegħu kont tkellimt dwar Anders Ruuth, li wara kien ġie l-Argentina biex jiċċelebra tieġ.  Dik id-darba rajna lil xulxin; imma kienet l-aħħar darba għax wieħed minn uliedu, il-mużiċista – għax kellu l-ieħor tabib – jum wieħed ċempilli biex jgħarrafni li kien miet. 

Kapitlu ieħor tar-relazzjonijiet tiegħi mal-luterani huwa mal-Knisja fid-Danimarka.  Kelli relazzjoni sabiħa mal-pastor ta’ dak iż-żmien, li kien jismu Albert Andersen, li issa qiegħed fl-Istati Uniti.  Huwa kien stedinni darbtejn biex nippriedka.  L-ewwel waħda kienet waqt funzjoni liturġika.  Dik id-darba kien waqt delikat ħafna: biex nevita li noħloq sitwazzjoni imbarazzanti bis-sehem tiegħi fit-tqarbin, dak inhar ma ċċelebrajtx fil-quddiesa, iżda fil-magħmudija.  Darb’oħra kien stedinni nkellem liż-żgħażagħ tagħhom.  Niftakar li miegħu kelli diskussjoni sħuna ħafna mill-bogħod meta huwa kien għadu l-Istati Uniti.  Huwa ċanfarni sewwa għal dak li kont għidt dwar liġi li kellha x’taqsam ma’ problemi reliġjużi fl-Argentina.  Imma jkolli nistqarr li kien ċanfarni bl-onesta’ u s-sinċerita’ kollha, bħala ħabib tassew.  Meta huwa reġa’ lura fi Buenos Aires, jien mort nitolbu skuża għax il-mod kif esprimejt ruħi fil-konkret dwar dak il-każ kien xi ftit offensiv. 

Wara kont qrib ħafna mal-pastor David Calvo, Argentin, tal-Knisja Evanġelika Luterana Mgħaquda.  Dan ukoll kien bniedem serju.  Niftakar ukoll li għal “Jum il-Bibbja” li fi Buenos Aires konna niċċelebrawha fl-aħħar ta’ Settembru, kont mort lura f’dik l-ewwel knisja f’Esmeralda, fejn kont dħalt bħala żgħażugħ.  Hemm iltqajt ma’ Mercedes Garcia Bachmann u għamilna diskursata.  Dik kienet l-aħħar laqgħa formali li kelli mal-luterani meta kont arċisqof ta’ Buenos Aires.  Imma wara komplejt b’laqgħat ma’ individwi ħbieb luterani fuq livell personali.  Imma l-bniedem li għamilli tant ġid f’ħajti kien Anders Ruuth: niftakar fih bi mħabba u wkoll bi gratitudni.  Meta ġiet hawn iżżurni l-Arċisqof Primat tal-Isvezja, semmejna dik il-ħbiberija tagħna t-tnejn.  Niftakar sewwa meta l-arċisqof Antje Jackelen ġiet iżżurni b’mod uffiċjali hawn fil-Vatikan f’Mejju 2015, hija għamlet diskors mill-isbaħ.  Magħha erġajt iltqajt fil-Kanoniżazzjoni ta’ S. Marija Elisabeth Hesselblad.  Dak inhar stajt insellem ukoll lil żewġha: huma nies tassew ta’ min iħobbhom. 

Imbagħad bħala Papa mort nipriedka fil-knisja luterana ta’ Ruma.  Laqtuni ħafna l-mistoqsijiet li għamluli dak inhar: dik ta’ wieħed tifel u l-oħra ta’ waħda sinjura dwar it-tqarbin.  Mistoqsijiet sbieħ u profondi.  U l-pastor ta’ dik il-knisja huwa veru tal-affari tiegħu!  Fid-djalogi ekumeniċi, il-komunitajiet differenti għandhom jippruvaw isiru għanja minn xulxin bit-tajjeb ta’ kull waħda.

X’inhu dak li l-Knisja kattolika tista’ titgħallem mit-tradizzjoni luterana?  

F’moħħi jiġuni żewġ kelmiet: “riforma” u “l-Iskrittura”.  Nipprova nispjega ruħi.  L-ewwel waħda hija l-kelma “riforma”.  Fil-bidu, il-ġest ta’ Luteru kien wieħed ta’ riforma f’mument diffiċli għall-Knisja.  Luteru ried iqiegħed rimedju għal qagħada komplessa.  Imbagħad dan il-ġest – ukoll minħabba qagħadiet politiċi, niftakru wkoll fil-prinċipju “ir-reliġjon tas-sultan kienet tiddetta r-reliġjon tas-sudditi” – sar “qagħada” ta’ firda, u mhux “proċess” ta’ riforma tal-knisja kollha, li huwa fundamentali, għaliex il-Knisja dejjem għandha ħtieġa li tirriforma lilha nfisha.  It-tieni kelma hija “L-Iskrittura”, il-Kelma t’Alla.   Luteru għamel pass kbir biex iqiegħed il-Kelma t’Alla f’idejn il-poplu.  Riforma u Skrittura huma ż-żewġ ħwejjeġ fundamentali li nistgħu nidħlu fihom fil-font meta nħarsu lejn it-tradizzjoni luterana.  Qed jiġuni f’dan il-waqt, issa, il-Kongregazzjonijiet Ġenerali qabel il-Konklavi u kemm is-sejħa ta’ riforma kienet ħajja u preżenti fid-diskussjonijiet tagħna.

Papa wieħed qablek żar l-Isvezja, San Ġwanni Pawlu II fl-1989.  Kien żmien ta’ entużjażmu ekumeniku u xewqa kbira ħafna ta’ għaqda bejn il-kattoliċi u l-luterani.  Minn dak iż-żmien, il-moviment ekumeniku jidher li tilef il-qawwa u deher tfixkil ġdid.  Kif għandhom jiġu mħaddma dawn it-tfixkil?  Fil-ġudizzju tiegħek, liema huma l-aħjar meżżi biex inġibu ‘l quddiem l-għaqda fost l-insara?

Hija ħaġa ċara li huwa dmir it-teoloġi li jkomplu bid-djalogu u jistudjaw il-problemi: dwar dan ma hemm ebda dubju.  Id-djalogu teoloġiku irid jitkompla, għaliex hija triq li rridu ngħaddu minnha.  Naħseb dwar ir-riżultati li f’din it-triq intlaħqu bid-dokument ekumeniku kbir dwar il-ġustifikazzjoni: kien pass kbir ‘il quddiem.  Bla dubju, wara dan il-pass naħseb li ma tkunx ħaġa ħafifa timxi ‘l quddiem minħabba l-kapaċitajiet diversi biex nagħarfu  xi kwestjonijiet teoloġiċi.  Saqsejt lill-Patrijarka Bartolomew jekk kienx veru dak li jingħad dwar il-Patrijarka Atenagora, jiġifieri dwar dak li kien qal lil Papa Pawlu VI: “Nimxu ‘l quddiem aħna u nħallu t-teoloġi fuq gżira jiddiskutu bejniethom”.  Weġibni li dik hija battuta vera.  Imma tassew, jeħtieġ li jitkompla d-djalogu teoloġiku, ukoll jekk ma jkunx ħafif.  Personalment nemmen ukoll li għandna naħdmu aktar b’entużjażmu fit-talb flimkien u f’ħidmiet ta’ ħniena, jiġifieri ħidma flimkien biex ngħinu l-morda, il-fqar, il-ħabsin.  Li nagħmlu xi ħaġa flimkien hija forma għolja u qawwija ta’ djalogu.  Naħseb ukoll dwar l-edukazzjoni.  Huwa importanti li naħdmu flimkien u mhux kulħadd għal rasu.  Dan huwa kriterju li jeħtieġ ikun ċar ħafna f’kull każ:  Li tagħmel proselitiżmu fil-qasam ekkleżjali huwa dnub.  Benedittu XVI qalilna li l-Knisja ma tikbirx bil-proselitiżmu, imma billi tattira ‘l oħrajn.  Il-proselitiżmu huwa mġieba ta’ dnub.  Dan ikun ifisser li nibdlu l-Knisja f’organiżazzjoni.  Nitkellmu, nitolbu, naħdmu flimkien:  din hija l-mixja li jeħtieġilna nagħmlu.  Ħarsu ftit: fil-għaqda dak li ma jiżbalja qatt huwa l-għadu, ix-xitan.  Meta l-insara huma ppersegwitati u maqtula, dan isir għax huma nsara u mhux għax huma luterani, kalvinisti, anglikani, kattoliċi jew ortodossi.  Jeżisti ekumeniżmu tad-demm.  Niftakar episodju li għext mal-kappillan tal-parroċċa ta’ San Ġużepp f’Wandsbek, f’Hamburg.  Huwa kien qiegħed imexxi ‘l quddiem il-kawża ta’ martri li Hitler kien qatel bil-giljottina għaliex kienu qed jgħallmu l-katekiżmu.  Ġew maqtulin wieħed wara l-ieħor.  Wara li qatlu l-ewwel tnejn, li kienu kattoliċi, kien maqtul ukoll il-pastor luteran ikkundannat għall-istess raġuni.  Id-demm tagħhom it-tlieta tħallat flimkien.  Il-kappillan kien qalli li kien impossibbli għalih ikompli l-każ tal-beatifikazzjoni taż-żewġ kattoliċi mingħajr ma jdaħħal ukoll lill-luteran: demmhom kien tħallat flimkien!   Imma niftakar ukoll l-omelija tal-Papa Pawlu VI fl-Uganda fl-1964, meta huwa semma flimkien, mgħaqudin, il-martri kattoliċi u anglikani.  Jien ukoll kelli l-istess ħsieb meta jiena wkoll żort l-Uganda.  Dan jiġri wkoll fi żmienna: ortodossi, il-kopti martri maqtula fil-Libja...  Hu l-ekumeniżmu tad-demm.  Għalhekk: nitolbu flimkien, naħdmu flimkien u nifhmu l-ekumeniżmu tad-demm.  Waħda mill-kawżi l-kbar tal-inkwiet ta’ żmienna huwa t-tixrid tat-terroriżmu imlibbes bi kliem reliġjuż.

Il-laqgħa ta’ Assisi għamlet enfasi wkoll fuq l-importanza tad-djalogu inter-reliġjuż.  Kif għixtha inti?

Kien hemm ir-reliġjonijiet kollha li għandhom kuntatt  mal Komunita’ ta’ Sant’Eġidju.  Jien iltqajt ma’ dawk li Sant’Eġidju jikkuntattja: ma kontx jien li għażilt ma’ min niltaqa’.  Imma kienu ħafna, u l-laqgħa kienet imwettqa b’ħafna rispett u mingħajr ma wieħed jipprova jgħaqqad kollox flimkien biex jagħmel xi ħaġa ġdida.  Ilkoll flimkien tkellimna fuq il-paċi u tlabna għall-paċi.  Qsamna flimkien ukoll kliem qawwi fuq il-paċi li r-reliġjonijiet kollha jixtiequ.  Ma nistgħux nagħmlu l-gwerra f’isem ir-reliġjon, f’isem Alla: din hija dgħawa, hija ħaġa tax-xitan.  Illum ilqajt madwar 400 persuna li kienu Nizza u sellimt lill-vittmi, il-feriti, nies li tilfu lil żwieġhom jew ‘l uliedhom.  Dak il-miġnun li wettaq dik l-istraġi għamilha għax kien jemmen li qed iwettaqha f’isem Alla.  Miskin li hu, bniedem skwilibrat!  Bil-karita’ kollha nistgħu ntennu li kien bniedem skwilibrat li ried ifittex skuża biex jiġġustifika lilu nnifsu f’isem Alla.  Għalhekk il-laqgħa t’Assisi hija ħafna importanti.

Imma inti wkoll ftit ilu tkellimt dwar forma oħra ta’ terroriżmu, dik tat-tpaċpiċ.  F’liema sens u kif nistgħu nirbħuh?

Tassew! hemm terroriżmu intern u minn taħt; dan huwa vizzju diffiċli biex reqirdu.  Jiena niddeskrivi l-vizzju tat-tgergir u tat-tpaċpiċ bħala forma ta’ terroriżmu: hija forma ta’vjolenza profonda li lkoll għandna għad-disposizzjoni tagħna f’ruħna u li titlob konverżjoni profonda.  Il-problema ta’ dan it-terroriżmu hija li fil-prattika lkoll nistgħu nwettquh.  Kull persuna hija kapaċi li ssir terrorista ukoll jekk sempliċement tuża lsienha.  Mhux qed ingħid għat-tilwim li jsir fil-beraħ, bħall-gwerer.  Qed nitkellem dwar dak it-terroriżmu fin u qarrieq, moħbi, meta persuna tixħet kliem bħal “bombi” li jagħmlu ħafna ħsara.  L-għeruq ta’ dan it-terroriżmu hu fid-dnub oriġinali, u huwa forma ta’ kriminalita’.  Huwa mod li persuna tipprova takkwista spazju biex teqred lil ħaddieħor.  Għalhekk, hija meħtieġa konverżjoni tal-qalb mill-qiegħ biex nirbħu din it-tentazzjoni, u jeħtieġ li neżaminaw ħafna lilna nfusna dwar dan il-punt.  Ix-xabla toqtol ħafna nies, imma l-ilsien joqtol iktar, igħid l-Appostlu San Ġakbu fit-tielet kapitlu tal-Ittra tiegħu.  L-ilsien huwa membru żgħir fil-ġisem, imma jista’ jiżviluppa f’nar ta’ ħażen u jqabbad ħajjitna kollha.  L-ilsien jista’ jimtela’ b’velenu li joqtol.  Dan it-terroriżmu huwa diffiċli biex trażżnu.  Ir-reliġjon tista’ tkun barka, imma wkoll saħta. 

Il-media spiss iwasslu aħbarijiet ta’ ġlied bejn gruppi reliġjużi fid-dinja. Uħud jistqarru li d-dinja tista’ tkun iktar fil-paċi kieku r-reliġjon ma kenitx teżisti.  Inti xi twieġeb għal din il-kritika?

L-idolatriji li huma fil-qiegħ tar-reliġjon, mhumiex ir-reliġjon.  Hemm idolatriji marbutin mar-reliġjon: l-idolatrija tal-flus, tal-glied, tal-ispazju li huwa ikbar miż-żmien, il-kilba għall-akkwist tal-ispazju.  U l-idolatrija hija bħal speċi ta’ reliġjon, hija reliġjożita’ żbaljata.  Jiena nsejħilha “traxxendenza immanenti” jiġifieri kontradizzjoni.  Iżda r-reliġjonijiet veri huma l-iżvilupp tal-kapaċita’ li għandu l-bniedem li jogħola ‘l fuq lejn l-assolut.  Il-fenomenu reliġjuż iħares ‘il fuq u għandu x’jaqsam mal-verita’, mas-sbuħija, mat-tjubija u mal-għaqda.  Jekk ma jkunx hemm dan il-ftuħ, m’hemmx dik il-ħarsa ‘l fuq (“traxxendenza”), m’hemmx reliġjon vera, hemm l-idolatrija.  Il-ftuħ għall-ħwejjeġ ta’ fuq, għalhekk, ma jistgħu bl-ebda mod ikunu kawża ta’ terroriżmu, għaliex dan il-ftuħ huwa dejjem mgħaqud għat-tfittxija tal-verita’, tas-sbuħija, tat-tjubija u tal-għaqda.

Inti spiss tkellimt bi kliem ċar dwar il-qagħada tal-biża’ tal-insara f’diversi żoni tal-Lvant Nofsani.  Għad fadal tama għal żvilupp iktar fil-paċi u iktar uman għall-insara f’dawk l-inħawi?

Jien nemmen li l-Mulej ma jħalli qatt il-poplu tiegħu għal rieħu, ma jabbandunahx.  Meta naqraw dawk il-provi iebsa tal-Poplu ta’ Iżrael fil-Bibbja jew nagħamlu xi tifkira tal-provi tal-Martri, nippruvaw kif il-Mulej dejjem daħal biex jgħin il-poplu tiegħu.  Niftakru fit-Testment il-Qadim il-qtil tas-sebat aħwa flimkien m’ommhom fil-Ktieb tal-Makkabin.  Jew il-martirju ta’ Elgħażar.  Bla dubju l-martirju huwa waħda mill-forom tal-ħajja nisranija.  Niftakru f’San Polikarpu u l-Ittra lill-Knisja ta’ Żmirna li tagħtina r-rakkont taċ-ċirkustanzi meta ġie arrestat u ta’ mewtu.  Iva, f’dan il-waqt, il-Lvant Nofsani huwa art tal-martri.  Mingħajr dubju nistgħu nitkellmu minn Sirja martri li għaddejja minn martirju.  Nixtieq nikkwota tifkira personali li baqgħet f’qalbi:  f’Lesbo iltqajt ma’ missier u żewġ uliedu.  Huwa qalli li kien iħobb ħafna lil martu.  Huwa musulman u hija kienet nisranija.  Meta waslu t-terrorosti, rieduha tneħħi s-salib, imma hija ma riditx tneħħieh; huma fgawha quddiem żewġha u wliedha.  Huwa kompla jgħidli: “Jiena nħobbha ħafna, inħobbha ħafna”.  Iva, din il-mara hija martri.  Imma n-nisrani jaf li hemm it-tama.  Id-demm tal-martri huwa żerriegħa tal-insara: dan nafuh minn dejjem.

Inti l-ewwel Papa mhux ewropew f’aktar minn 1200 sena, u spiss semmejt b’enfasi il-ħajja tal-Knisja f’reġjuni li huma meqjusa “fil-periferiji” tad-dinja.  Skont inti, fejn il-Knisja Kattolika ser ikollha l-komunitajiet tagħha l-aktar ħajjin fl-20 sena li ġejjin?  U b’liema mod il-Knejjes fl-Ewropa jistgħu jagħtu sehemhom għall-kattoliċeżmu tal-futur?

Din hija mistoqsija marbuta mal-ispazju, mal-gografija.  Jiena għandi allerġija nitkellem fuq spazji, imma dejjem ingħid li mill-periferiji l-affarijiet jidhru aħjar milli miċ-ċentru.  Il-ħajja tassew ħajja tal-komunitajiet ekkleżjali ma tiddependix mill-ispazju, mill-ġografija, imma mill-ispirtu.  Huwa minnu li l-Knejjes żgħażagħ għandhom spirtu aktar frisk waqt li min-naħa l-oħra hemm Knejjes li xjieħu, Knejjes ftit jew wisq reqdin li jidhru li huma aktar interessati biss li jikkonservaw l-ispazju tagħhom.  F’dawn il-każijiet ma ngħidx li jonqos l-ispirtu: hemm, iva, imma huwa mgħaluq fi struttura, b’mod iebes, jibża’ li jitlef l-ispazju.  F’xi Knejjes ta’ xi Pajjiżi jidher ċar li joqos dak l-ispirtu frisk.  F’dan is-sens il-freskezza tal-periferiji tagħti spazju lill-ispirtu.  Jeħtieġ li nevitaw l-effetti ta’ xjuħija ħażina fil-Knejjes.  Jagħmel ħafna tajjeb naqraw it-tielet kapitlu tal-Profeta Ġoel, hemm fejn jgħid li x-xjuħ joħolmu u ż-żgħażagħ ikollhom dehriet.  Fil-ħolm tax-xjuħ hemm il-possibilita’ li ż-żgħażagħ tagħna ikollhom dehriet ġodda, ikollhom futur mill-ġdid.  Iżda l-Knejjes xi drabi huma mgħaluqin fi programmi, u programmazzjonijiet.  Jien nammettieh dan:  naf li huwa meħtieġ, imma jien irrid nagħmel sforz u jkolli ħafna tama fit-tfassil tal-programmi.  L-ispirtu huwa mħejji biex jixprunana mmorru ‘l quddiem.  U l-ispirtu jinsab fil-kapaċita’ li toħlom u fil-kapaċita’ li tipprofetiżża.  Dan għalija huwa sfida għall-Knisja kollha.  U l-għaqda bejn l-anzjani u ż-żgħażagħ hija għalija l-isfida tal-mument għall-Knisja, l-isfida li tkun kapaċi tibqa’ żgħażugħa.  Għalhekk fi Krakovja, waqt il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, ħeġġiġt liż-żgħażagħ biex jitkellmu man-nanniet.  Il-Knisja żgħażugħa issir akatar żghażugħa meta ż-żgħażagħ jitkellmu mal-anzjani u meta l-anzjani isiru kapaċi joħolmu bil-kbir; għaliex dan jagħmel li ż-żgħażagħ jibdew jipprofetiżżaw.  Jekk iż-żgħażagħ ma jipprofetiżżawx, lill-Knisja jkun jonqosha l-arja.

Iż-żjara tiegħek fl-Isvezja ser tkun f’wieħed mill-pajjiżi l-aktar sekolariżżati fid-dinja.  Parti kbira mill-popolazzjoni ma jemmnux f’Alla, u r-reliġjon għandha sehem modest ħafna fil-ħajja pubblika u fis-soċjeta’.  Skont inti, x’jitlef il-bniedem li ma jemminx f’Alla?

Mhux biss li jkun qed jitlef xi ħaġa.  Imma jfisser li din il-persuna ma tkunx qed tiżviluppa kemm meħtieġ il-kapaċita’ tat-traxxendenza, li tħares ‘il fuq.  Din it-triq tagħti spazju lil Alla, u f’dan huma ta’ importanza wkoll il-passi żgħar, ukoll dak li huwa ateu jew anjostiku.  Għalija l-problema hija meta wieħed jingħalaq fih innifsu u jaħseb li ħajtu hija perfetta fiha nnifisha, u għalhekk mgħaluqa fiha nfisha mingħajr ħtieġa ta’ traxxendenza radikali.  Imma biex tiftaħ lill-oħrajn għat-traxxendenza m’hemmx ħtieġa li tgħid ħafna kliem u diskorsi.  Min jgħix it-traxxendenza jidher:  hija xhieda ħajja.  Fi pranzu li kelli fi Krakovja ma’ xi żgħażagħ, wieħed minnhom saqsieni: “X’għandi ngħid  lil wieħed ħabib tiegħi li ma jemminx f’Alla?  Kif nagħmel biex nikkonvertieh?”.  Jiena weġibtu: “L-aħħar ħaġa li għandek tagħmel hija li tgħid xi ħaġa.  Uri b’ħajtek!  Għix!  Imbagħad quddiem l-eżempju ta’ ħajtek, tax-xhieda tiegħek, l-ieħor forsi isaqsik għaliex tgħix hekk".  Jiena konvint li min ma jemminx jew ma jfittixx ‘l Alla forsi ma jkunx sema’ x’tista’ tnissel fik xhieda.  U dan huwa marbut sewwa mal-ħajja komda.  Din il-ħtieġa diffiċli tħossha f’ħajja komda.  Għalhekk nemmen li kontra l-ateiżmu, jiġifieri kontra l-għeluq għat-traxxendenza, jiswew ħafna u biss it-talb u x-xhieda.  Il-kattoliċi fl-Isvezja huma minoranza żgħira, u fuq kollox hija mgħamula minn immigranti ta’ diversi pajjiżi tad-dinja.

Inti ser tiltaqa’ ma’ wħud minnhom meta tiċċelebra l-quddiesa f’Malmö fl-1 ta’ Novembru.  Kif tarah inti r-rwol tal-kattoliċi f’kultura bħal dik tal-Isvezja?

Narah hekk: għixien flimkien b’saħħtu, fejn kull wieħed jista’ jgħix il-fidi tiegħu u jesprimi x-xhieda tiegħu billi jgħix l-ispirtu b’mod miftuħ u ekumeniku.  Ma tistax tkun kattoliku u tkun iżżomm ma’ parti waħda.  Jeħtieġ nimmiraw li nkunu flimkien mal-oħrajn.  “Kattoliku” u “tkun ma’ parti waħda” huma żewġ ideat kontradittorji.  Għalhekk għall-ewwel ma kellix ħsieb niċċelebra Quddiesa għall-kattoliċi f’dan il-vjaġġ: ridt nisħaq fuq xhieda ekumenika.  Imbagħad qagħadt nirrifletti sewwa fuq id-dmir tiegħi bħala ragħaj ta’ merħla kattolika li tasal ukoll minn pajjiżi oħra qrib, bħan-Norveġja u d-Danimarka.  Għahekk biex inwieġeb għat-talba mħeġġa tal-komunita’ kattolika, iddeċidejt li niċċelebra Quddiesa, intawwal il-vjaġġ tiegħi b’jum ieħor.  Infatti kont nixtieq li l-Quddiesa kienet tkun iċċelebrata fl-istess jum u fl-istess post tal-laqgħa ekumenika biex nevitaw li nħawwdu il-programmi.  Il-laqgħa ekumenika tibqa’ fil-ħsieb oriġinali tat-tifsira profonda skont l-ispirtu ta’ għaqda, li huwa l-ħsieb tiegħi.  Dan ħoloq problemi organiżżattivi, naf, għaliex ser inkun l-Isvezja fil-Jum tal-Qaddisin Kollha, li hawn f’Ruma huwa importanti.  Imma waqt li ppruvajt nevita li ma nkunx mifhmum ħażin, ridt li jsir hekk.

Inti Ġiżwita.  Sa mill-1879 il-Ġiżwiti ħadmu fl-Isvezja fil-parroċċi, fl-eżerċizzi spiritwali, ir-rivista “Signum” u, f’dawn l-aħħar 15-il sena, bis-saħħa tal-Istitut Universitarju “Newman”.  Liema ħidmiet u liema valuri għandhom ikunu karatteristiċi tal-appostolat tal-Ġiżwiti f’dak il-pajjiż?

Nemmen li l-ewwel dmir tal-Ġiżwiti fl-Isvezja huwa li b’kull mod jaħdmu favur id-djalogu ma’ dawk li jgħixu f’soċjeta’ sekulariżżata u ma’ dawk li ma jemmnux: jitkellmu, jaqsmu ħajjithom, jifhmu, ikunu qrib.  Imbagħad, b’mod ċar, ikunu favur id-djalogu ekumeniku.  Il-mudell għall-Ġiżwiti Svediżi għandu jkun San Pietru Favre, li kien dejjem iħares ‘il quddiem u li kien immexxi minn spirtu tajjeb, miftuħ.  Il-Ġiżwiti m’għandhomx struttura kwieta.  Jeħtieġ li jkollhom qalb dejjem tħabbat u jkollhom strutturi, iva, li ma jkollhomx kwiet.

Min hu Ġesu’ għal Jorge Mario Bergoglio?

 Ġesù għalija huwa Dak li ħares lejja bil-ħniena u salvani.  Ir-relazzjoni tiegħi miegħU  dejjem għandha dan il-prinċipju u din il-bażi.  Ġesu’ jagħti sens lil ħajti hawn fuq l-art u tama fil-ħajja li ġejja.  Fi ħnientu ħares lejja, ħatafni, qabbadni t-triq... U tani grazzja importanti: il-grazzja li nistħi.  Il-ħajja tiegħi spiritwali hija kollha miktuba fil-kapitlu 16 ta’ Eżekjel.   Speċjalment fil-versetti tal-aħħar, meta l-Mulej jgħarraf li kellu jagħmel patt ma’ Iżrael u jgħidlu:  “Inti tagħraf li jiena l-Mulej, biex tiftakar u timtela bil-mistħija, u ma jkollokx aktar ħila tiftaħ ħalqek minħabba l-għajb tiegħek, meta nkun ħfirtlek dak kollu li għamilt” (Eż 16, 62-63).  Il-mistħija hija ħaġa posittiva: iġġagħalek tagħmel xi ħaġa, imma tagħmel li inti tifhem liema hu postok, min inti, twarrab kull kburija u vanaglorja.

Kelma tal-aħħar, Santita’, dwar dan il-vjaġġ fl-Isvezja...

Dak li spontanjament jiġini f’moħħi nżid issa huwa sempliċi: immur, nimxi flimkien!  Ma nibqgħux mgħaluqin fi prospettivi riġidi, għaliex fihom m’hemmx possibilita’ ta’ riforma.

 

Fl-aħħar, wara siegħa u nofs, il-Papa qalilna “Itolbu għalija” u sellmilna b’dik it-tbissima mdawla li qatt ma ninsew.

 

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Patri Silvestru Bonavia OFM cap