VJAĠĠ APPOSTOLLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FIL-LITWANJA, IL-LETTONJA U L-ESTONJA

[22-25
TA’ SETTEMBRU, 2018]

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET ĊIVILI, IS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIMPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Ġnien tal-Fjuri fil-Palazz Presidenzjali ta’ Tallinn (Estonja)
It-Tlieta, 25 ta’ Settembru, 2018

 

Sinjura President,
Membri
tal-Gvern u Awtoritajiet,
Distinti Membri
tal-Korp Diplomatiku,
Eċċellenzi, Sinjuri,

Ferħan ħafna li ninsab fostkom hawn f’Tallinn, il-kapitali l-aktar lejn in-nofsinhar li l-Mulej tani li nżur.  Irroddlok ħajr, Sinjura President, għall-kliem ta’ merħba u għall-opportunità li niltaqa’ mar-rappreżentanti ta’ dal-poplu tal-Estonja.  Naf li fostkom hawn ukoll delegazzjoni mis-setturi tas-soċjetà ċivili u mid-dinja tal-kultura li jippermettili  nesprimi l-intenzjoni tiegħi li nsir naf xi ftit aħjar il-kultura tagħkom, speċjalment il-ħila elastika tagħkom li ppermettitillkom tibdew mill-ġdid quddiem tant sitwazzjonijiet ta’ kuntrarju.

Dawn l-artijiet ilhom sekli jissejħu “Art ta’ Marija” Maarjamaa  Isem li mhux biss hu parti mill-istorja tagħkom imma jifforma parti wkoll mill-kultura tagħkom.  Il-ħsieb ta’ Marija jqanqal fija żewġ kelmiet: memorja u fekondità.  Hi l-mara tal-memorja, li baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ bħala teżor u baqgħet taħseb fuqhom bejna w bejn ruħha (Lq 2,19); u hija l-omm għammiela li tiġġenera l-ħajja ta’ Binha.  Hekkhu, għaliex nieħu gost inħares lejn l-Estonja bħala art tal-memorja u tal-fekondità.

 

Art tal-memorja

F’diversi perjodi storiċi, il-poplu tagħkom kellu jissaporti waqtiet iebsin ta’ tbatija u għawġ kbir.  Taqbid għall-libertà u l-indipendenza, li dejjem kien hemm dubju dwarhom jew kienu mhedda.  Madnakollu, matul ftit aktar minn 25 sena ‘l hawn – li fihom intom dħaltu lura bid-dritt kollu fil-familja tan-nazzjonijiet – is-soċjetà tal-Estonja għamlet passi ta’ ġgant u Pajjiżkom, minkejja ċ-ċokon tiegħu, hu fost ta’ quddiemnett għall-indiċi tal-iżvilupp, għall-ħila tal-innovazzjoni minbarra li għandu rispett kbir lejn il-libertà tal-istampa, lejn id-demokrazija u lejn il-libertà politika.  Minbarra dan intom saħħaħtu r-relazzjonijiet ta’ koperazzjoni u ħbiberija ma’ diversi Pajjiżi.  Meta nqisu l-imgħoddi tagħkom u l-preżent, insibu raġunijiet biex inħarsu lejn il-futur bit-tama quddiem l-isfidi l-ġodda li tiltaqgħu magħhom.  Li tkun art ta’ memorja jfisser li tagħraf tiftakar illi fejn wasltu llum hu frott l-isforzi, il-ħidma, l-ispirtu u l-fidi ta’ missirijietkom.  Li tikkultiva l-memorja rikonoxxenti jippermetti li tidentifika r-riżultati kollha li qed tgawdu llum mal-istorja ta’ rġiel u nisa li tqabdu biex dil-liberta ssir possibbli, u li lilkom issejħilkom biex tagħtuhom ġieħ filwaqt li tiftħu t-toroq għal min ġej warajkom.

 

Art għammiela

Kif enfasiżżajt fil- bidu tal-ministeru tiegħi bħala Isqof ta’ Ruma, “l-umanità f’dan il-waqt, qed tgħejx bidla storika li nistgħu narawha fil-progress li qed isir f’diversi oqsma.  Ta’ min ifaħħar id-diversi suċċessi li qed itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies (Eż. App. Il-Ferħ talVanġelu, 52); madankollu tajjeb inżommu f’moħħna li l-ġid mhux dejjem ifisser għejxien tajjeb.

Wieħed mill-fenomeni li nistgħu nosservaw fis-soċjetajiet teknokratiċi tagħna hu t-telf tas-sens tal-ħajja, tal-ferħ tal-ħajja, u għalhekk, it-tnaqqir bil-mod u sieket tal-ħila li nistgħaġbu, li spiss iġib fin-nies għeja essenzjali.  L-għarfien li aħna nappartjenu u nitqabdu għall-oħrajn, li aħna għandna għeruqna f’poplu, f’kultura, f’familja jista’ jintilef u ftit ftit jherri, l-aktar fost iż-żgħar, l-għeruq li minnhom jinbena l-preżent u l-futur, għax iħassrilhom il-ħila li joħolmu, jirriskjaw, joħolqu.  Jekk inqiegħdu l-fiduċja tagħna kollha fil-progress teknoloġiku bħala t-triq waħdanija possibbli tal-iżvilupp nistgħu nitilfu l-ħila li noħolqu rabtiet inter-personali, inter-ġenerazzjonali u inter-kulturali, jiġifieri dik in-nisġa vitali tant importanti biex inħossuna ta’ xuxlin u parteċipi fi proġett komuni fis-sens l-aktar wiesa’ tal-kelma.  Bħala konsegwenza, waħda mir-responsabbiltajiet l-aktar importanti li għandna meta nidħlu f’xi kariga soċjali, politika, edukattiva, reliġjuża, hi propju l-mod li bih aħna nsiru artiġjani tar-relazzjonijiet.

Art għammiela titlob xenarji li minnhom wieħed iħawwel u joħloq xibka vitali li tkun ta’ fejda biex il-komunitajiet iħossuhom “at home”.  M’hemm ebda aljenazzjoni agħar minn dik li tħoss li m’għandekx għeruq, li int m’int ta’ ħadd.  Art issir għammiela, poplu jagħti l-frott u jikseb il-ħila li jiġġenera l-futur, bil-qies biss li bih jagħti l-ħajja lill-appartenenza tal-membri tiegħu, bil-qies li bih joħloq rabtiet ta’ integrazzjoni bejn il-ġenerazzjonijeit u l-komunitajiet diversi li jiffurmawh; u wkoll bil-qies li bih ikisser l-ispirali li jtappnu s-sensi, li jbegħeduna dejjem aktar minn xulxin.  F’dan l-isforz, għeżież ħbieb, irrid niżgurakom li tistgħu dejjem torbtu fuq is-sapport u l-għajnuna tal-Knisja Kattolika, komunità żgħira fostkom imma b’rieda kbira li tagħti sehemha biex din l-art tkun aktar għammiela.

Sinjura President, Sinjuri, irroddilkom ħajr mill-ġdid għal-laqgħa li tajtuni u għall-ospitalità.  Il-Mulej ibierek lilkom u lill-maħbub poplu tal-Estonja. Ibierek b’mod speċjali  lill-anzjani u liż-żgħażagħ sabiex, huma u jikkonservaw il-memorja u jeħduha fuq spallejhom, jagħmlu lil din l-art mudell tal-fekondità.  Grazzi.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber